Proċedura : 2018/2277(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0178/2019

Testi mressqa :

A8-0178/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0221

RAPPORT     
PDF 155kWORD 51k
21.3.2019
PE 632.848v02-00 A8-0178/2019

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann

(2018/2277(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Evelyn Regner

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann

(2018/2277(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann mill-Ministru tal-Ġustizzja tad-Danimarka, imressqa fis-6 ta' Novembru 2018 mir-Rappreżentant Permanenti tad-Danimarka lill-UE, b'rabta ma' proċediment kriminali fis-sens tal-Artikolu 291(1)(1), l-Artikolu 291(1) u l-Artikolu 293(1), flimkien mal-Artikolu 21 tal-Kodiċi Kriminali tad-Danimarka, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-28 ta' Novembru 2018,

–  wara li sema' lil Jørn Dohrmann, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 57 tal-Att Kostituzzjonali tad-Danimarka,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0178/2019),

A.  billi l-Prosekutur tal-Istat ta' Viborg ippreżenta talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann, Membru tal-Parlament Ewropew elett għad-Danimarka, b'rabta ma' reati fis-sens tal-Artikolu 260(1)(1), l-Artikolu 291(1) u l-Artikolu 293(1), flimkien mal-Artikolu 21 tal-Kodiċi Kriminali tad-Danimarka; billi, mod partikolari, il-proċedimenti jirrigwardaw koerċizzjoni illegali, ħsara doluża u tentattiv ta' użu illegali ta' oġġett li jappartjeni lil persuna oħra;

B.  billi fis-26 ta' April 2017, barra mir-residenza privata tiegħu f'Vamdrup, Jørn Dohrmann ħataf kamera minn kameraman li kien qed jiffilmja d-dar tiegħu minn distanza ta' madwar 195 metru bil-ħsieb li juża l-filmat miksub f'dokumentarju televiżiv dwar ċerti Membri tal-PE Daniżi; billi Jørn Dohrmann hedded li se jfarrak il-kamera; billi huwa għamel ħsara lill-imsemmija kamera, inkluż l-mikrofonu, l-iskrin u l-cable tagħha; billi ħa pussess tal-kamera u l-kard tal-memorja bl-intenzjoni li jagħmel użu mhux awtorizzat minnha billi jispezzjona l-filmat irrekordjat, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma setax jagħmel dan peress li l-pulizija marru fl-indirizz u rkupraw il-kamera u l-kard tal-memorja, li huwa kien neħħa mill-apparat;

C.  billi l-kameraman inizjalment kien akkużat b'reat fis-sens tal-Artikolu 264a tal-Kodiċi Kriminali Daniża talli b'mod illegali ħa ritratti ta' persuni li kienu f'proprjetà privata; billi l-Prosekutur tal-Istat irrakkomanda li jitwaqqgħu l-akkużi minħabba n-nuqqas tal-element doluż meħtieġ biex wieħed jiġi kkundannat għal ksur tal-Artikolu 264a tal-Kodiċi Kriminali Daniża;

D.  billi l-Pulizija tax-Xlokk ta' Jutland irrimarkat li l-kumpanija li qed timpjega l-ġurnalist u s-sid tal-kamera ressqet talba għall-kumpens ta' DKK 14 724.71 b'rabta mal-każ u li kawżi għal ħsara doluża, serq, approprjazzjoni u atti simili, meta l-piena mitluba tkun multa, iridu jkunu s-suġġett ta' proċediment ġudizzjarju jekk il-parti leża kkonċernata għandha dritt għal ħlas għad-danni;

E.  billi, iniżjalment, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat irrakkomanda li jiġi stabbilita multa ta' DKK 20 000 fil-kawża kontra Jørn Dohrmann minflok piena ta' detenzjoni, mingħajr ma jitressqu akkużi formali;

F.  billi Jørn Dohrmann ċaħad l-akkużi kontrih; billi, skont id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, se jkun għalhekk inkonsistenti li wieħed jipprova jikseb ftehim extraġudizzjarju permezz ta' avviż ta' penali fissa;

G.  billi sabiex jitressaq proċediment kriminali kontra Jørn Dohrmann, l-awtorità kompetenti ressqet talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu;

H.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

I.  billi l-Artikolu 57(1) tal-Att Kostituzzjonali Daniż jistipula li mingħajr il-kunsens tal-Folketing, l-ebda Membru tal-Folketing ma jista' jiġi akkużat jew soġġett għal priġunerija ta' kwalunkwe tip sakemm ma jkunx inqabad fl-att li jwettaq reat; billi din id-dispożizzjoni tipprovdi protezzjoni minn proċedimenti kriminali pubbliċi iżda mhux minn proċedimenti privati f'materji kriminali; billi, jekk kawża tkun tista' tiġi riżolta b'mod extraġudizzjarju permezz ta' avviż ta' penali fissa, il-kunsens tal-Folketing ma jkunx meħtieġ.

J.  billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Folketing tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

K.  billi l-atti allegati mhumiex relatati ma' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokol Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ma għandhom bl-ebda relazzjoni ċara u diretta mal-qadi minn Jørn Dohrmann ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

L.  billi ma hemm l-ebda evidenza ta' kwalunkwe motiv biex wieħed jissuspetta fumus persecutionis;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jørn Dohrmann;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tad-Danimarka u lil Jørn Dohrmann.

(1)

sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

18.3.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Marie Cavada, Laura Ferrara, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Virginie Rozière

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Marzu 2019Avviż legali