Proċedura : 2018/0171(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0180/2019

Testi mressqa :

A8-0180/2019

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 18
CRE 15/04/2019 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0373

RAPPORT     ***I
PDF 277kWORD 78k
22.3.2019
PE 629.500v01-00 A8-0180/2019

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani

(COM(2018)0339 – C8-0206/2018 – 2018/0171(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Jonás Fernández

EMENDI
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani

(COM(2018)0339 – C8-0206/2018 – 2018/0171(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0339),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0206/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' ...(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0180/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(3)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(4),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(5),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  It-Titoli Koperti minn Bonds Sovrani (Sovereign Bond-Backed Securities, "SBBSs") jistgħu jkunu kapaċi jindirizzaw xi vulnerabbiltajiet li rriżultaw mill-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 jew li ġew esposti minnha. B'mod aktar speċifiku, l-SBBSs jistgħu jkunu kapaċi jgħinu lill-banek u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra jiddiversifikaw aħjar l-iskoperturi sovrani tagħhom, idgħajfu aktar ir-rabta bejn il-banek u l-emittenti sovrani u, b'hekk, jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. L-SBBSs jistgħu, barra minn hekk, jirrendu l-bonds maħruġa fi swieq nazzjonali żgħar u anqas likwidi aktar attraenti għall-investituri internazzjonali, li jistgħu jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni tar-riskju tas-settur privat u t-tnaqqis tar-riskju u jippromwovu allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskji fost l-operaturi finanzjarji.

(2)  Fil-qafas legali eżistenti, l-SBBSs jiġu ttrattati bħala titolizzazzjonijiet u għalhekk ikunu soġġetti għal tariffi u skontijiet akbar minn dawk iffaċċjati mill-bonds sovrani taż-żona tal-euro fil-portafoll sottostanti. Tali tariffi u skontijiet addizzjonali jimpedixxu l-produzzjoni u l-użu tal-SBBSs mis-settur privat, minkejja li l-SBBSs iġorru inqas riskji minn dawk assoċjati ma' tipi oħra ta' titolizzazzjonijiet. Madankollu, tibqa' l-prevalenza ta' xi riskji bħal dawk marbuta mal-imħażen tat-taxxa jew ma' mġiba frawdolenti. Jenħtieġ għalhekk li l-SBBSs ikunu soġġetti għal qafas regolatorju li jqis aħjar il-karatteristiċi u l-proprjetajiet uniċi tal-SBBS biex dan il-prodott ikun jista' jsib postu fis-suq.

(2a)  Bħala titolizzazzjonijiet, l-SBBSs huma esposti għal riskji speċifiċi għall-prodott marbuta mal-SPE, li hija l-entità awtonoma u ġuridikament separata mwaqqfa għall-finijiet tal-ħruġ ta' SBBSs. Segment tal-ewwel telf barra s-sistema bankarja se jkun essenzjali biex titnaqqas ir-rabta bejn il-banek u l-emittenti sovrani. Għaldaqstant jenħtieġ li t-trattament regolatorju preferenzjali mogħti lill-assi sottostanti ta' SBBS tkun estiża għall-parteċipazzjoni tal-banek fis-segment superjuri ta' SBBS.

(3)  L-iffaċilitar ta' żvilupp tal-SBBSs immexxi mis-suq huwa parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tnaqqas ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u tavvanza lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. L-SBBSs jistgħu jappoġġaw aktar diversifikazzjoni tal-portafoll fis-settur bankarju, filwaqt li joħolqu sors ġdid ta' kollateral ta' kwalità għolja, li huwa partikolarment adatt għall-użu fi tranżazzjonijiet finanzjarji transfruntiera kif ukoll għall-operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Eurosistema u tal-kontropartijiet ċentrali. Barra minn hekk, l-iffaċilitar tal-SBBSs jista' wkoll iżid in-numru ta' strumenti disponibbli għall-investiment transfruntier u l-kondiviżjoni tar-riskju fis-settur privat, li jimbotta l-isforzi tal-Kummissjoni biex tlesti l-Unjoni Bankarja u tapprofondixxi u tintegra aktar is-swieq tal-kapital tal-Ewropa fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

(4)  L-SBBSs ma jinvolvu l-ebda reċiproċità ta' riskji u telf fost l-Istati Membri peress li l-Istati Membri mhux se jiggarantixxu reċiprokament ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fil-portafoll ta' bonds sovrani sottostanti tal-SBBSs. Barra minn hekk, l-iffaċilitar tal-SBBSs ma jinvolvi l-ebda bidla fit-trattament regolatorju attwali tal-iskoperturi sovrani.

(5)  Biex jintlaħqu l-objettivi tad-diversifikazzjoni tar-riskju ġeografiku fl-Unjoni Bankarja u s-suq intern, il-portafoll sottostanti tal-SBBSs jenħtieġ li jkun magħmul minn bonds sovrani ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Biex jiġu evitati r-riskji tal-kambju, bonds sovrani denominati f'euro u maħruġa minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biss jenħtieġ li jitħallew jiddaħħlu fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs. Biex jiġi żgurat li l-bonds sovrani ta' kull Stat Membru fiż-żona tal-euro jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-SBBSs f'konformità mal-ishma ta' kull Stat Membru fl-istabbiltà taż-żona tal-euro globali, il-piż relattiv tal-bonds sovrani nazzjonali fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs jenħtieġ li jkun ħafna qrib il-piż relattiv tal-Istati Membri rispettivi fil-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew min-naħa tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri.

(6)  Biex jiġu offruti assi ta' kwalità għolja b'riskju baxx u fl-istess ħin jiġu ssodisfati l-livelli differenti ta' predispożizzjoni għar-riskju tal-investituri, il-ħruġ ta' SBBSs jenħtieġ li jkun magħmul minn segment superjuri u segment subordinat wieħed jew aktar. Is-segment superjuri, li jikkorrispondi għal 70 fil-mija tal-valur nominali tal-ħruġ ta' SBBSs, jenħtieġ li jżomm ir-rata ta' telf mistennija tal-SBBSs f'konformità ma' dik tal-aktar bonds sovrani sikuri fiż-żona tal-euro, filwaqt li jitqiesu r-riskju u l-korrelazzjoni tal-bonds sovrani fil-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tal-SBBSs. Is-segmenti subordinati għandhom jipprovdu protezzjoni għas-segment superjuri. ▌Biex jiġi limitat ir-riskju għas-segment inferjuri (is-segment li jġarrab telf qabel kull segment ieħor), jenħtieġ li l-valur nominali tas-segment inferjuri jkun ta' mill-inqas 5 % tal-valuri nominali pendenti tal-ħruġ totali ta' SBBSs. Fid-dawl tal-kumplessità partikolari tal-prodott, jenħtieġ li l-akkwist min-naħa ta' konsumaturi individwali jiġi kkunsidrat biss għas-segmenti superjuri u mhux għas-segmenti inferjuri.

(7)  Biex tiġi żgurata l-integrità tal-ħruġ ta' SBBSs u jiġu limitati kemm jista' jkun ir-riskji relatati maż-żamma u l-immaniġġar tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani, jenħtieġ li l-maturitajiet tal-bonds sovrani sottostanti jkunu allinjati mill-qrib mal-maturità tal-SBBSs u li l-kompożizzjoni tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tkun fissa għaċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-SBBSs.

(8)  Il-kompożizzjoni standardizzata tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs tista' tirrendi diffiċli jew tfixkel il-ħruġ ta' SBBSs meta fis-suq ma jkunx hemm bonds sovrani ta' Stat Membru wieħed jew aktar disponibbli. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-bonds sovrani ta' Stat Membru partikolari jiġu esklużi minn ħruġ futur ta' SBBSs meta u sakemm il-ħruġ ta' bonds sovrani minn dak l-Istat Membru jkun limitat b'mod sinifikanti minħabba inqas bżonn ta' dejn pubbliku jew aċċess indebolit għas-suq.

(9)  Biex jiġi żgurat li l-SBBSs ikunu omoġenji biżżejjed, jenħtieġ li l-esklużjoni u r-riintegrazzjoni tal-bonds sovrani ta' Stat Membru partikolari mill-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani jiġu awtorizzati biss wara deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tiżgura li l-SBBSs kollha maħruġa fl-istess ħin ikollhom l-istess portafoll sottostanti ta' bonds sovrani. L-SBBSs huma prodotti ġodda u, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħruġ tagħhom fis-suq, hemm bżonn mekkaniżmu ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-ħin biex jiġi aġġustat il-portafoll sottostanti tal-SBBSs f'sitwazzjonijiet meta Stat Membru ma jkunx għad għandu aċċess għas-suq. Barra minn hekk, il-kummentaturi u l-partijiet ikkonċernati qajmu tħassib dwar il-potenzjal ta' impatti negattivi fuq il-likwidità tas-swieq għall-bonds sovrani sottostanti, u dan jistħoqqlu jittieħed bis-serjetà. Għal dan il-għan, ir-Regolament jassenja lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) (ESMA) il-kompitu li tissorvelja s-swieq tal-SBBSs u l-bonds tal-gvern sottostanti għal sinjali ta' tfixkil.

(9a)  Abbażi tal-osservazzjonijiet tal-ESMA u bl-appoġġ tar-rapporti tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tipprovdi definizzjoni ċara ta' "likwidità tas-suq", kif ukoll metodu għall-kalkolu tagħha, u li tiddetermina l-kriterji li bihom l-ESMA jenħtieġ li tivvaluta jekk Stat Membru jkunx għadu jgawdi aċċess għas-suq għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Fit-tħejjija u t-tfassil ta' dan l-att delegat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(10)  Id-daqs fiss tas-segment superjuri għal kull ħruġ tal-SBBSs jista' jitnaqqas għall-ħruġ futur tal-SBBSs fejn, minħabba żviluppi avversi fis-suq li jfixklu serjament il-funzjonament tas-swieq tad-dejn tal-gvern fi Stat Membru jew fl-Unjoni, ikun meħtieġ daqs iżgħar biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' kwalità għolja tal-kreditu u riskju baxx għas-segment superjuri. Meta jispiċċaw dawn l-iżviluppi avversi fis-suq, jenħtieġ li d-daqs tas-segment superjuri għall-ħruġ ta' SBBSs fil-futur jitnaqqas b'mod korrispondenti għall-valur inizjali tiegħu ta' 70 fil-mija. ▌

(11)  Jenħtieġ li l-investituri jkunu protetti kemm jista' jkun mir-riskju ta' insolvenza tal-istituzzjoni li takkwista l-bonds sovrani ("xerrej oriġinali") bl-iskop li jinġabar il-portafoll sottostanti tal-SBBSs. Għal din ir-raġuni jenħtieġ li jkunu biss l-entitajiet bi skop speċjali (special purpose entities, "SPEs") iddedikati esklużivament għall-ħruġ u l-immaniġġar tal-SBBSs – u li ma jwettqux attivitajiet oħra, bħal għoti ta' kreditu – li jitħallew joħorġu SBBSs. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-SPEs ikunu soġġetti għal rekwiżiti stretti fir-rigward tas-segregazzjoni tal-assi.

(12)  Sabiex jimmaniġġaw diskrepanzi limitati fil-maturità fil-perjodu ta' żmien bejn il-wasla tal-qligħ tas-servizz tad-dejn fuq il-portafoll sottostanti u d-dati tal-ħlas lill-investituri tal-SBBSs, jenħtieġ li l-SPEs jitħallew jinvestu l-qligħ mis-servizz tad-dejn fuq il-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tal-SBBSs esklużivament fi flus u strumenti finanzjarji likwidi ħafna b'livell baxx ta' riskju tas-suq u tal-kreditu.

(12a)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żamma ta' bonds sovrani mill-SPEs tgawdi l-istess trattament bħal kwalunkwe żamma oħra tal-istess bond sovran jew bonds sovrani oħra maħruġa bl-istess termini.

(13)  Huma biss il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti rigward il-kompożizzjoni u l-maturità tal-portafoll sottostanti, id-daqs tas-segmenti superjuri u subordinati kif stipulat f'dan ir-Regolament, u li l-ħruġ tagħhom ikun konformi mar-reġim superviżorju, li jenħtieġ li jgawdu t-trattament regolatorju previst f'dan ir-Regolament.

(14)  Sistema ta' ċertifikazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li tiżgura li l-ħruġ ta' SBBSs ikun konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-ESMA, għalhekk, iżżomm lista tal-SBBSs iċċertifikati, li tippermetti lill-investituri jivverifikaw jekk prodott li jkun offrut għall-bejgħ bħala SBBS ikunx tassew SBBS. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-ESMA tindika f'dik il-lista jekk tkunx ġiet imposta kwalunkwe sanzjoni fir-rigward ta' SBBS u tneħħi mil-lista dawk il-prodotti li jinstabu li jkunu qed jiksru dan ir-Regolament.

(15)  Jenħtieġ li l-investituri jkunu jistgħu jserrħu fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-SBBSs min-naħa tal-ESMA u fuq l-informazzjoni pprovduta mill-SPEs. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-SBBSs u l-bonds sovrani fil-portafoll sottostanti tagħti s-setgħa lill-investituri biex jifhmu, jivvalutaw u jqabblu t-tranżazzjonijiet tal-SBBSs u ma joqogħdux biss fuq terzi persuni, inklużi aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Jenħtieġ li din il-possibbiltà tippermetti lill-investituri jaġixxu b'mod prudenti u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom b'mod effiċjenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-SBBSs tkun disponibbli liberament għall-investituri, permezz ta' mudelli standardizzati, fuq sit web li jiżgura aċċessibbiltà kontinwa.

(16)  Sabiex tiġi evitata mġiba abbużiva u jiġi żgurat li tinżamm il-fiduċja fl-SBBSs, jenħtieġ li jiġu pprovduti sanzjonijiet amministrattivi u miżuri ta' rimedju xierqa min-naħa tal-ESMA għal każijiet ta' ksur negliġenti jew intenzjonat tal-obbligi ta' notifika jew ir-rekwiżiti tal-prodott fir-rigward tal-SBBSs.

(17)  Jenħtieġ li l-investituri f'setturi finanzjarji differenti jkunu jistgħu jinvestu fl-SBBSs bl-istess kundizzjonijiet li jinvestu fil-bonds sovrani sottostanti taż-żona tal-euro, ħlief għal investimenti fiż-żamma tas-segmenti subordinati ta' SBBS min-naħa tal-banek. Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) u d-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) jenħtieġ li għalhekk jiġu emendati biex jiġi żgurat li l-SBBS jingħataw l-istess trattament regolatorju bħall-assi sottostanti tagħhom fid-diversi setturi finanzjarji rregolati.

(18)  Biex tiġi salvagwardata l-istabbiltà finanzjarja, tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri u tiġi promossa l-likwidità, huwa importanti li jkun hemm superviżjoni xierqa u effettiva tas-swieq tal-SBBSs. Għal dan il-għan, l-ESMA jenħtieġ li tkun infurmata dwar il-ħruġ tal-SBBSs u tirċievi mill-SPEs u l-intermedjarji l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex twettaq il-kompiti superviżorji tagħha. Is-superviżjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament jenħtieġ li ssir primarjament biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri u, fejn applikabbli, fuq aspetti li jistgħu jkunu marbuta mal-ħruġ u ż-żamma tal-SBBSs minn entitajiet finanzjarji regolati.

(19)  Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-entitajiet involuti fil-ġbir ta' SBBSs jew fis-suq tal-SBBSs u l-ESMA jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom u jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu konsistenti. ▌

(20)  Peress li l-SBBSs huma prodotti ġodda, li l-effetti tagħhom fuq is-swieq għat-titoli tad-dejn sovran sottostanti mhumiex magħrufa, huwa xieraq li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u maħtura għal strumenti makroprudenzjali jissorveljaw is-suq tal-SBBSs. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-BERS juża s-setgħat mogħtija lilu mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) u, jekk ikun xieraq, joħroġ twissijiet u jagħmel suġġerimenti lill-awtoritajiet kompetenti biex jittieħdu azzjonijiet ta' rimedju.

(21)  Bħala korp b'kompetenza speċjalizzata ħafna dwar is-swieq tat-titoli, huwa xieraq li l-ESMA tiġi fdata bl-iżvilupp ta' abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta' investiment li tista' twettaq l-SPE bil-qligħ mill-pagamenti tal-kapital jew tal-imgħax tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs, l-informazzjoni li għandha tingħata mill-SPE għan-notifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħruġ ta' SBBSs lill-ESMA, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta qabel it-trasferiment ta' SBBS u l-obbligi ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta dawn l-istandards skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(22)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata wkoll is-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tar-rekwiżiti tan-notifika tal-SPEs qabel il-ħruġ tal-SBBSs.

(23)  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tiddeċiedi jekk il-bonds sovrani ta' Stat Membru għandhomx jitneħħew jew jiġu inklużi fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs u jekk għandux jinbidel id-daqs tas-segment superjuri tal-SBBSs fil-futur. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12).

(24)  Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas għall-SBBSs, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, billi l-materjalizzazzjoni ta' suq tal-SBBSs tiddependi mit-tneħħija ta' ostakli li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u billi kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern għall-investituri istituzzjonali u l-entitajiet kollha involuti fl-operat tal-SBBSs jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu 1Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titoli koperti minn bonds sovrani.

Artikolu 2Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal xerrejja oriġinali, entitajiet bi skop speċjali, investituri u kwalunkwe entità oħra involuta fil-ħruġ jew iż-żamma tal-SBBSs.

Artikolu 3Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "awtorità kompetenti" tfisser awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment bil-liġi nazzjonali li jkollhom is-setgħa bil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni li jwettqu l-kompiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(2)  "bond sovran" tfisser kwalunkwe strument ta' dejn maħruġ mill-gvern ċentrali ta' Stat Membru li jkun denominat u ffinanzjat fil-munita domestika ta' dak l-Istat Membru u jkollu maturità oriġinali ta' sena jew aktar;

(3)  "titolu kopert minn bonds sovrani" jew "SBBS" tfisser strument finanzjarju denominat f'euro li r-riskju ta' kreditu tiegħu jkun assoċjat mal-iskoperturi għal portafoll ta' bonds sovrani u li jkun konformi ma' dan ir-Regolament;

(4)  "entità bi skop speċjali" jew "SPE" tfisser persuna ġuridika li ma tkunx ix-xerrej oriġinali u li toħroġ l-SBBSs u twettaq l-attivitajiet relatati mal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament;

(5)  "xerrej oriġinali" tfisser persuna ġuridika li tixtri bonds sovrani f'isimha stess u sussegwentement tittrasferixxi dawk il-bonds sovrani lil SPE bl-iskop li toħroġ SBBSs;

(6)  "investitur" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha SBBS;

(7)  "segment" tfisser segment stabbilit kuntrattwalment tar-riskju tal-kreditu assoċjat mal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tal-SBBSs u li jġorr riskju ta' telf ta' kreditu akbar jew iżgħar minn pożizzjoni tal-istess ammont f'segment ieħor ta' dak ir-riskju ta' kreditu;

(8)  "segment superjuri" tfisser is-segment fi ħruġ ta' SBBSs li jġarrab telf wara li s-segmenti subordinati kollha ta' dak l-SBBS ikunu għamlu hekk;

(9)  "segment subordinat" tfisser kwalunkwe segment fi ħruġ ta' SBBSs li jġarrab telf qabel is-segment superjuri;

(10)  "segment inferjuri" tfisser is-segment fi ħruġ ta' SBBSs li jġarrab telf qabel kwalunkwe segment ieħor.

Kapitolu 2Kompożizzjoni, maturità u struttura tal-SBBSs

Artikolu 4Kompożizzjoni tal-portafoll sottostanti

1.  Il-portafoll sottostanti tal-ħruġ ta' SBBSs għandu jikkonsisti biss f'dan li ġej:

(a)  bonds sovrani ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(b)  il-qligħ mit-tifdija ta' dawk il-bonds sovrani.

2.  Il-piż tal-bonds sovrani ta' kull Stat Membru fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs ("piż bażi") għandu jkun daqs il-piż relattiv tal-kontribuzzjoni mogħtija minn dak l-Istat Membru lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont il-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital imħallas tal-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 29 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu l-SPEs jistgħu jiddevjaw mill-valur nominali tal-bonds sovrani ta' kull Stat Membru, kif mogħti bl-applikazzjoni tal-piż bażi, b'massimu ta' għaxra fil-mija.

3.  Wara li jiġi ċċertifikat l-ewwel SBBS, l-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tibda tissorvelja u tivvaluta kontinwament jekk teżistix xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)  matul it-12-il xahar ta' qabel ("perjodu ta' referenza"), l-Istat Membru jkun ħareġ inqas minn nofs l-ammont ta' bonds sovrani li jirriżultaw mill-piż relattiv tiegħu determinat skont il-paragrafu 2, immultiplikat bl-ammont aggregat tal-SBBSs maħruġa fit-tnax-il xahar qabel il-perjodu ta' referenza;

(aa)  il-ħruġ ta' SBBSs kellu impatt negattiv sinifikanti fuq il-likwidità tas-suq tal-bonds sovrani ta' Stat Membru inklużi fil-portafoll sottostanti;

(b)  matul it-12-il xahar ta' qabel, l-Istat Membru jkun iffinanzja mill-inqas nofs ir-rekwiżiti finanzjarji annwali tiegħu permezz ta' assistenza finanzjarja uffiċjali b'appoġġ għall-implimentazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku kif speċifikat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13), jew għal xi raġuni l-Istat Membru ma jkunx għadu jgawdi aċċess għas-suq.

Għall-finijiet tal-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu, il-"likwidità tas-suq" għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu – bħala kriterji minimi – l-evidenza tal-wisa' u l-profondità tas-suq fit-tliet xhur ta' qabel, kif ippruvata minn marġni baxx bejn it-talbiet u l-offerti, volum ta' negozjar għoli u għadd kbir u varjat ta' parteċipanti fis-suq.

Għall-finijiet tal-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu, sa ... [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 24a biex tipprovdi definizzjoni ċara u metodu ta' kalkolu tal-"likwidità tas-suq" għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, sa ... [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 24a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddetermina l-kriterji li bihom l-ESMA għandha tivvaluta jekk Stat Membru jkunx għadu jgawdi aċċess għas-suq.

3a.  L-ESMA għandha tissorvelja u tivvaluta kontinwament jekk Stat Membru li l-bonds sovrani tiegħu jkunu inklużi fil-portafoll sottostanti ta' SBBS ikunx għadu jgawdi aċċess għas-suq jew ikunx daħal fi programm ta' aġġustament makroekonomiku, jekk il-ħruġ ta' SBBSs kellux impatt negattiv sinifikanti fuq il-likwidità tas-suq u jekk il-piżijiet bażi tal-Istati Membri b'disponibbiltà limitata ta' bonds sovrani jimpedixxux il-ħruġ ta' SBBSs ġodda, jew jekk xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tkunx waqfet teżisti.

Jekk, f'konsultazzjoni mal-BERS, issib li tapplika xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (aa) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ESMA tista' titlob lill-Kummissjoni taġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti.

Jekk, f'konsultazzjoni mal-BERS, issib li tapplika xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ESMA tista' titlob lill-Kummissjoni teskludi lill-Istat Membru mill-portafoll sottostanti ta' SBBS jew taġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti.

Jekk, f'konsultazzjoni mal-BERS, issib li xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma tkunx għadha teżisti, l-ESMA tista' titlob lill-Kummissjoni terġa' tintegra l-bonds tal-Istat Membru fil-portafoll sottostanti ta' SBBS u taġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti.

Fi żmien 48 siegħa mit-talba msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, u abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-ESMA, il-Kummissjoni għandha tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(a)  tadotta att ta' implimentazzjoni li jeskludi l-bonds sovrani tal-Istat Membru mill-portafoll sottostanti tal-SBBSs jew jaġġusta l-piżijiet bażi tal-Istati Membri rilevanti;

(b)  tadotta att ta' implimentazzjoni li jirrifjuta l-esklużjoni jew l-aġġustament tal-piżijiet bażi tal-Istati Membri rilevanti; jew

(c)  tadotta att ta' implimentazzjoni li jerġa' jintegra l-bonds tal-Istat Membru fil-portafoll sottostanti ta' SBBS u jaġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti kif ikun xieraq.

3b.  Kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3a ta' dan l-Artikolu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

Jekk Stat Membru jiġi eskluż mill-portafoll sottostanti ta' SBBS wara att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 3a, il-piżijiet bażi tal-bonds sovrani tal-bqija tal-Istati Membri għandhom jiġu ddeterminati billi jiġu esklużi l-bonds sovrani tal-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 3a u jiġi applikat il-metodu ta' kalkolu stabbilit fil-paragrafu 2. Jekk ikun applikabbli att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 3a u jiġu aġġustati l-piżijiet bażi, dawn għandhom jiġu applikati f'konformità mal-att ta' implimentazzjoni.

L-esklużjoni jew l-aġġustament għandhom ikunu validi għal perjodu inizjali ta' xahar. Wara konsultazzjoni mal-ESMA, il-Kummissjoni tista' testendi l-esklużjoni jew l-aġġustament tal-piżijiet bażi msemmija f'dan l-Artikolu għal perjodi addizzjonali ta' xahar permezz ta' att ta' implimentazzjoni. L-esklużjoni jew l-aġġustament jiskadu awtomatikament jekk ma jiġġeddux sa tmiem il-perjodu inizjali jew sa tmiem kwalunkwe perjodu ta' tiġdid sussegwenti.

3c.  Il-BĊE għandu jiġi infurmat fil-ħin bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont il-paragrafi 3a u 3b.

Artikolu 5Maturità tal-assi sottostanti

1.  Is-segmenti tal-SBBSs li huma parti mill-istess ħruġ għandu jkollhom data ta' maturità oriġinali waħda. Din id-data ta' maturità għandha tkun ugwali għal jew sa jum aktar mill-maturità residwa tal-bond sovran bl-itwal maturità residwa fil-portafoll sottostanti.

2.  Il-maturità residwa ta' kwalunkwe bond sovran fil-portafoll sottostanti ta' SBBSs ma għandhiex tkun iqsar b'aktar minn sitt xhur mill-maturità residwa tal-bond tal-gvern bl-itwal maturità residwa f'dan il-portafoll.

Artikolu 6Struttura tas-segmenti, pagament u telf

1.  Il-ħruġ ta' SBBSs għandha tkun magħmula minn segment wieħed superjuri u segment subordinat wieħed jew aktar. Il-valur nominali pendenti tas-segment superjuri għandu jkun 70 fil-mija tal-valur nominali pendenti tal-ħruġ kollu ta' SBBSs. In-numru u l-valuri nominali pendenti tas-segmenti subordinati għandhom jiġu ddeterminati mill-SPE, soġġetti għal-limitazzjoni li l-valur nominali tas-segment inferjuri jkun mill-inqas ħamsa fil-mija tal-valur nominali pendenti tal-ħruġ kollu ta' SBBSs.

2.  Jekk żviluppi avversi jfixklu serjament il-funzjonament tas-swieq tad-dejn tal-gvern fi Stat Membru jew fl-Unjoni, u jekk dan it-tfixkil ikun ġie kkonfermat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4, l-SPEs għandhom ibaxxu l-valur nominali pendenti tas-segment superjuri għal sittin fil-mija għal kwalunkwe SBBS maħruġ wara dik il-konferma.

Jekk il-Kummissjoni, skont il-paragrafu 4, tkun ikkonfermat li dak it-tfixkil ma jkunx għadu jeżisti, il-paragrafu 1 jibda japplika għall-SBBSs kollha maħruġa wara dik il-konferma.

3.  L-ESMA għandha timmonitorja u tivvaluta jekk is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 teżistix jew tkunx waqfet teżisti u tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

4.  Il-Kummissjoni tista' tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi li t-tfixkil imsemmi fil-paragrafu 2 jeżistix jew ikunx waqaf jeżisti. Dan l-att ta' implimentazzjoni għandu jkun adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

5.  Il-pagamenti skont l-SBBS għandhom ikunu dipendenti fuq il-pagamenti tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani.

6.  Id-distribuzzjoni tat-telf u l-ordni tal-pagamenti għandhom jiġu stabbiliti mis-segment tal-SBBS u għandhom ikunu fissi għaċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-SBBS.

It-telf għandu jiġi rikonoxxut u assenjat hekk kif jimmaterjalizza.

Artikolu 7Ħruġ ta' SBBSs u obbligi tal-SPEs

1.  L-SPEs għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)  ikunu stabbiliti fl-Unjoni;

(b)  l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati għall-ħruġ u l-manutenzjoni ta' SBBSs u l-immaniġġjar tal-portafoll sottostanti ta' dawk l-SBBSs skont l-Artikoli 4, 5, 6 u 8;

(c)  L-SPEs huma responsabbli esklużivament għall-provvista tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fil-punt (b).

2.  L-SPEs għandu jkollhom pussess sħiħ tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs.

Il-portafoll sottostanti tal-ħruġ ta' SBBSs għandu jikkostitwixxi arranġament finanzjarju kollaterali ta' sigurtà kif definit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) li jiżgura l-obbligi finanzjarji tal-SPE lejn l-investituri fl-SBBSs.

Iż-żamma tal-SBBS ta' ħruġ speċifiku ma għandhiex tagħti xi drittijiet jew pretensjonijiet fuq l-assi tas-SPE li toħroġ l-SBBSs li jmorru lil hinn mill-portafoll sottostanti ta' dak il-ħruġ u d-dħul iġġenerat miż-żamma ta' dak l-SBBS.

Kwalunkwe tnaqqis fil-valur jew qligħ tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani ma għandux iwassal għal pretensjoni ta' responsabbiltà min-naħa tal-investituri.

3.  SPE għandha żżomm ir-rekords u l-kontijiet sabiex:

(a)  tissegrega l-assi u r-riżorsi finanzjarji tagħha stess minn dawk tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs u l-qligħ relatat;

(b)  tissegrega l-portafolli sottostanti u l-qligħ ta' ħarġiet differenti ta' SBBSs;

(c)  tissegrega l-pożizzjonijiet miżmuma minn investituri jew intermedjarji differenti;

(d)  tivverifika li fi kwalunkwe ħin in-numru ta' SBBS ta' ħruġ wieħed ikun ugwali għas-somma tal-SBBSs miżmuma mill-investituri jew l-intermedjarji kollha f'dak il-ħruġ;

(e)  tivverifika li l-valur nominali pendenti tal-SBBS ta' ħruġ wieħed ikun ugwali għall-valur nominali pendenti tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani ta' dak il-ħruġ.

4.  L-SPEs għandhom iżommu l-bonds sovrani msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) taħt kustodja, kif permess skont il-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15) u l-punt (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16) f'banek ċentrali, depożitorji ċentrali tat-titoli, istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati jew ditti tal-investiment awtorizzati biss.

4a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żamma ta' bonds sovrani mill-SPEs tgawdi l-istess trattament bħal kwalunkwe żamma oħra tal-istess bond sovran jew bonds sovrani oħra maħruġa bl-istess termini.

Artikolu 8Politika ta' investiment

1.  SPE għandha tinvesti l-pagamenti tal-kapital jew tal-imgħax mill-bonds sovrani msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) li jkunu dovuti qabel pagamenti tal-kapital jew tal-imgħax taħt l-SBBS fi flus kontanti biss jew ekwivalenti ta' flus kontanti denominati f'euro li jkunu eliġibbli għal-likwidazzjoni fi żmien jum b'effett negattiv minimu tal-prezz.

SPE għandha żżomm f'kustodja, kif permess skont il-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE u l-punt (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 il-pagamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu f'banek ċentrali, depożitorji ċentrali tat-titoli, istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati jew ditti tal-investiment awtorizzati biss.

2.  SPE ma għandhiex tbiddel il-portafoll sottostanti ta' SBBS sal-maturità ta' dak l-SBBS.

3.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f'aktar dettall l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jitqiesu likwidi ħafna b'livell minimu ta' riskju tas-suq u tal-kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1. L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Qed tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Kapitolu 3Użu tad-denominazzjoni SBBS u obbligi ta' notifika, trasparenza u informazzjoni

Artikolu 9Użu tad-denominazzjoni "Titoli Koperti minn Bonds Sovrani"

Id-denominazzjoni "Titoli Koperti minn Bonds Sovrani" jew "SBBS" għandha tintuża biss għall-prodotti finanzjarji li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  il-prodott finanzjarju jkun konformi b'mod kontinwu mal-Artikoli 4, 5 u 6;

(aa)  l-SPE tkun konformi b'mod kontinwu mal-Artikoli 7 u 8;

(b)  l-ESMA tkun iċċertifikat dan il-prodott finanzjarju skont l-Artikolu 10(1) u l-prodott finanzjarju jkun ġie inkluż fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 10Obbligi ta' notifika tal-SBBS

1.  SPE għandha tressaq applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni ta' ħruġ ta' SBBSs billi tinnotifika lill-ESMA mill-inqas ġimgħa qabel il-ħruġ tal-SBBSs – permezz tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu – li l-ħruġ tal-SBBSs jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 6. L-ESMA għandha tinforma b'dan lill-awtorità kompetenti tal-SPE mingħajr dewmien żejjed.

1a.  In-notifika prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinkludi spjegazzjoni min-naħa tal-SPE ta' kif tkun issodisfat kull wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8.

1b.  L-ESMA għandha tiċċertifika l-ħruġ ta' SBBSs meta tkun sodisfatta għalkollox li l-SPE applikanti u l-ħruġ tal-SBBSs jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament. L-ESMA għandha tinforma lill-SPE applikanti mingħajr dewmien żejjed dwar jekk ċertifikazzjoni tkunx ingħatat jew tkunx ġiet rifjutata.

2.  L-ESMA għandha żżomm lista tal-SBBSs kollha li jkunu ġew iċċertifikati mill-ESMA fuq is-sit web uffiċjali tagħha. L-ESMA għandha taġġorna dik il-lista istantanjament u tneħħi kwalunkwe SBBS li ma jkunx għadu meqjus bħala SBBS wara deċiżjoni tal-ESMA skont l-Artikolu 15.

3.  ▌L-ESMA għandha tindika minnufih fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu kull meta tkun imponiet xi sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 16 li minnhom ma jistax isir appell, b'rabta mal-SBBS ikkonċernat.

3a.  L-ESMA għandha tirtira ċ-ċertifikazzjoni għal ħruġ ta' SBBSs meta tkun issodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  l-SPE tkun irrinunzjat b'mod ċar għaċ-ċertifikazzjoni jew ma użathiex fi żmien sitt xhur wara li tkun ingħatat iċ-ċertifikazzjoni;

(b)  l-SPE tkun kisbet iċ-ċertifikazzjoni billi għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)  il-ħruġ tal-SBBS ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li kien iċċertifikat bihom.

L-irtirar taċ-ċertifikazzjoni għandu jkollu effett immedjat fl-Unjoni kollha.

4.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien ... [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-mudelli li għandhom jintużaw għall-provvista tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien ... [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 11Obbligi ta' trasparenza

1.  L-SPE għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-investituri u lill-ESMA l-informazzjoni li ġejja:

(a)  informazzjoni dwar il-portafoll sottostanti li tkun essenzjali biex jiġi vvalutat jekk il-prodott finanzjarju jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 6;

(b)  deskrizzjoni dettaljata tal-prijorità tal-pagamenti tas-segmenti tal-SBBSs;

(c)  jekk ma jkun tfassal l-ebda prospett f'konformità mal-Artikoli 1(4), 1(5) jew 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17), ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tal-SBBS, inkluż, fejn applikabbli, dettalji dwar il-karatteristiċi tal-iskopertura, il-flussi tal-flus u l-kaskata tat-telf;

(d)  in-notifika u ċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 10(1b) rispettivament.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu għandha tkun disponibbli mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta' maturità għall-pagament tal-imgħax tal-SBBS.

2.  SPE għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli fuq sit web li:

(a)  ikollu sistema ta' kontroll tal-kwalità tad-data li tiffunzjona tajjeb;

(b)  ikun soġġett għal standards ta' governanza xierqa u jinżamm u jitħaddem skont struttura organizzattiva li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament tajjeb tas-sit web;

(c)  ikun soġġett għal sistemi, kontrolli u proċeduri li jidentifikaw is-sorsi rilevanti kollha ta' riskju operazzjonali;

(d)  jinkludi sistemi li jiżguraw il-protezzjoni u l-integrità tal-informazzjoni riċevuta u r-reġistrazzjoni fil-pront ta' dik l-informazzjoni;

(e)  jagħmilha possibbli li jinżammu r-rekords tal-informazzjoni għal mill-inqas ħames snin wara d-data tal-maturità ta' kull ħruġ ta' SBBSs.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-post fejn tkun disponibbli l-informazzjoni għandhom jiġu indikati mill-SPE fid-dokumentazzjoni pprovduta lill-investituri dwar l-SBBSs.

Artikolu 12Obbligi ta' informazzjoni

1.  Qabel ma jittrasferixxi SBBS, it-trasferent għandu jipprovdi liċ-ċessjonarju l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)  il-proċedura biex jiġi allokat il-qligħ mill-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani għas-segmenti differenti tal-SBBSs, inkluż wara jew b'antiċipazzjoni ta' nuqqas ta' pagament fuq l-assi sottostanti;

(b)  kif għandhom jiġu assenjati d-drittijiet tal-vot fuq offerta ta' skambju wara jew b'antiċipazzjoni ta' nuqqas ta' pagament fuq kwalunkwe bonds sovrani fil-portafoll sottostanti lill-investituri u kif kwalunkwe telf minn nuqqas ta' pagament ta' dejn għandu jiġi allokat bejn is-segmenti differenti tal-SBBSs.

2.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Qed tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Kapitolu 4Sorveljanza tal-prodott

Artikolu 13Superviżjoni

mill-ESMA

1.  L-ESMA għandha tkun l-awtorità kompetenti ▌biex tissorvelja l-konformità tal-SPEs mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.  L-ESMA għandu jkollha s-setgħat superviżorji, investigattivi u ta' sanzjonar biex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament.

L-ESMA għandu jkollha s-setgħa li, tal-inqas:

(a)  titlob aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma sa fejn ikun relatat mal-SBBSs, u li tirċievi jew tieħu kopja tagħhom;

(b)  tesiġi li l-SPE tipprovdi informazzjoni mingħajr dewmien;

(c)  tesiġi informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-SPE;

(d)  twettaq spezzjonijiet fil-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;

(e)  tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li SPE tkompli tirrispetta dan ir-Regolament;

(f)  toħroġ ordni biex tiżgura li SPE tkun konformi ma' dan ir-Regolament u tieqaf milli tirrepeti kwalunkwe mġiba li tikser dan ir-Regolament.

Artikolu 14Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA

1.  L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-entitajiet li jiġbru SBBSs jew involuti b'mod ieħor fis-suq tal-SBBSs u l-ESMA għandhom jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni biex iwettqu dmirijiethom. B'mod partikolari, għandhom jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom biex jidentifikaw u jirrimedjaw il-ksur ta' dan ir-Regolament, jiżviluppaw u jippromwovu l-aħjar prattiki, jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni, jinkoraġġixxu l-konsistenza fl-interpretazzjoni u jipprovdu valutazzjonijiet ta' ġurisdizzjoni transfruntiera f'każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' qbil.

Biex tiffaċilita l-użu tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti u tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-ESMA għandha taġixxi skont is-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.  Awtorità kompetenti li jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli li SPE tkun qed tikser dan ir-Regolament għandha tinforma minnufih b'mod dettaljat lill-ESMA. L-ESMA għandha tieħu l-miżuri xierqa, inkluża d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15.

3.  Jekk l-SPE tippersisti li taġixxi b'mod li jkun qed jikser dan ir-Regolament b'mod ċar minkejja l-miżuri meħuda mill-ESMA, l-ESMA tista' ▌tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi lill-investituri, inkluż li tipprojbixxi lill-SPE milli twettaq aktar kummerċjalizzazzjoni tal-SBBSs fit-territorju tagħha u tieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 15Użu ħażin tad-denominazzjoni tal-SBBS

1.  Jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li SPE bi ksur tal-Artikolu 9 tkun użat id-denominazzjoni "SBBS" biex tqiegħed fis-suq prodott li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dak l-Artikolu, l-ESMA għandha ssegwi l-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

2.  Fi żmien 15-il jum wara li tkun saret taf bil-ksur possibbli msemmi fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk l-Artikolu 9 jkunx inkiser u għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra b'dan, inklużi l-awtoritajiet kompetenti tal-investituri, meta dawk ikunu magħrufa. ▌

Jekk l-ESMA ssib li l-ksur mill-SPE jkun relatat ma' nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 9 in bona fede, tista' tiddeċiedi li tagħti lill-SPE perjodu massimu ta' xahar biex tirrimedja l-ksur identifikat, li jibda mill-jum li fih l-SPE tkun ġiet infurmata bil-ksur min-naħa tal-ESMA. Matul dak il-perjodu, SBBS li jidher fil-lista miżmuma mill-ESMA skont l-Artikolu 10(2) għandu jibqa' jitqies bħala SBBS u għandu jinżamm f'dik il-lista.

3.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-obbligi ta' kooperazzjoni u l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont il-paragrafi 1 u 2.

L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Qed tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 16Miżuri ta' rimedju u sanzjonijiet amministrattivi

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali skont l-Artikolu 17, l-ESMA għandha timponi fuq l-SPE jew il-persuna fiżika li timmaniġġa l-SPE l-miżuri xierqa ta' rimedju, inkluża d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15 u s-sanzjonijiet amministrattivi xierqa stabbiliti fil-paragrafu 3 meta l-SPEs:

(a)  ikunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8;

(b)  ikunu naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9, anki meta ma jkunux innotifikaw lill-ESMA skont l-Artikolu 10(1) jew ikunu għamlu notifika qarrieqa;

(c)  ikunu naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tat-trasparenza tal-Artikolu 11.

2.  Is-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)  dikjarazzjoni pubblika li tindika l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun wettqet il-ksur u n-natura tal-ksur;

(b)  ordni li tesiġi li l-persuna fiżika jew ġuridika li tkun wettqet il-ksur twaqqaf l-imġiba u ma tirrepetix dik l-imġiba;

(c)  projbizzjoni temporanja li timpedixxi lil kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-SPE jew lil kwalunkwe persuna fiżika oħra miżmuma responsabbli għall-ksur milli jeżerċitaw funzjonijiet ta' ġestjoni fl-SPEs;

(d)  fil-każ ta' ksur kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, projbizzjoni temporanja fuq l-SPE milli tagħmel notifika kif imsemmi fl-Artikolu 10(1);

(e)  sanzjonijiet pekunarji amministrattivi ta' massimu ta' EUR 5 000 000, jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fi [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], jew ta' massimu ta' 10 % tal-fatturat nett annwali totali tal-SPE, kif stabbilit fil-kontijiet disponibbli l-aktar riċenti approvati mill-korp maniġerjali tal-SPE;

(f)  sanzjonijiet pekunarji amministrattivi ta' massimu ta' darbtejn l-ammont tal-benefiċċju miksub mill-ksur meta dak il-benefiċċju jkun jista' jiġi ddeterminat, anki meta dak il-benefiċċju jaqbeż l-ammonti massimi msemmija fil-punt (e).

3.  L-ESMA, meta tiddetermina t-tip u l-livell tas-sanzjonijiet amministrattivi, għandha tqis il-punt sa fejn il-ksur kien intenzjonat jew jirriżulta minn negliġenza u ċ-ċirkostanzi rilevanti l-oħra kollha, inklużi, fejn xieraq:

(a)  il-materjalità, il-gravità u t-tul tal-ksur;

(b)  il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)  is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(d)  l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, sa fejn tali profitti jew telf ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)  it-telf għal terzi persuni kkawżat mill-ksur;

(f)  il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g)  kwalunkwe ksur preċedenti min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

4.  L-ESMA għandha tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li timponi miżuri ta' rimedju jew sanzjonijiet amministrattivi tkun motivata sewwa u tkun soġġetta għal dritt ta' appell.

Artikolu 17Interazzjoni ma' sanzjonijiet kriminali

L-Istati Membri li jkunu stabbilixxew sanzjonijiet kriminali għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 16(1) għandhom jippermettu lill-ESMA tikkomunika mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni jew tal-ġustizzja kriminali fil-ġurisdizzjoni tagħhom, kif ukoll tirċievi mingħand l-awtoritajiet rilevanti, u tipprovdilhom, informazzjoni speċifika dwar investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali mibdija għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 16(1).

Artikolu 18Pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi

1.  L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva li fir-rigward tagħha ma jkunx għad hemm dritt ta' appell u li tkun imposta għall-ksur kif imsemmi fl-Artikolu 16(1) mingħajr dewmien żejjed u wara li tkun ġiet infurmata l-persuna kkonċernata.

Il-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur, l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha tkun ġiet imposta s-sanzjoni amministrattiva.

2.  L-ESMA għandha tippubblika s-sanzjoni amministrattiva fuq bażi anonima ▌fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)  meta s-sanzjoni amministrattiva tiġi imposta fuq persuna fiżika u, wara valutazzjoni minn qabel, jinstab li l-pubblikazzjoni tad-data personali tkun sproporzjonata;

(b)  meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew ta' investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;

(c)  meta l-pubblikazzjoni tikkawża ħsara sproporzjonata lill-SPE jew lill-persuni fiżiċi involuti.

Alternattivament, meta ċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu jkun hemm probabbiltà li jieqfu f'perjodu raġonevoli ta' żmien, il-pubblikazzjoni taħt il-paragrafu 1 tista' tiġi posposta għal tali perjodu ta' żmien.

3.  L-ESMA għandha tiżgura li l-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 jew 2 tibqa' fuq is-sit web uffiċjali tagħha għal ħames snin. Id-data personali għandha tinżamm fuq is-sit web uffiċjali tal-ESMA għall-perjodu neċessarju biss.

Artikolu 18aTariffi superviżorji

1.  L-ESMA għandha timponi tariffi fuq l-SPE f'konformità ma' dan ir-Regolament u f'konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi għandhom ikunu fi proporzjon mal-fatturat tal-SPE kkonċernata u għandhom ikopru għalkollox l-ispejjeż neċessarji tal-ESMA b'rabta mal-liċenzjar tal-SBBSs u s-superviżjoni tal-SPEs.

2.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta att delegat f'konformità mal-Artikolu 24a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika f'aktar dettall it-tip ta' tariffi, il-materji li għalihom ikunu dovuti tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif iridu jitħallsu.

Artikolu 19Sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tal-SBBSs

Fil-limiti tal-mandat tiegħu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010, il-BERS għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tal-SBBSs tal-Unjoni u jaġixxi skont is-setgħat stabbiliti f'dak ir-Regolament. Jekk isib li s-swieq tal-SBBSs ikunu qed jippreżentaw riskju serju għall-funzjonament tajjeb tas-swieq għat-titoli ta' dejn sovran ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, il-BERS għandu juża s-setgħat tiegħu skont l-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 kif xieraq.

Kapitolu 4Setgħat ta' implimentazzjoni u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 21Emenda għad-Direttiva 2009/65/KE

Fid-Direttiva 2009/65/KE jiddaħħal l-Artikolu 54a li ġej:

"Artikolu 54a

1.  Jekk l-Istati Membri japplikaw deroga kif imsemmi fl-Artikolu 54 jew jagħtu rinunzja kif imsemmi fl-Artikolu 56(3), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom:

(a)  japplikaw l-istess deroga jew jagħtu l-istess rinunzja għall-UCITS biex jinvestu sa 100 % tal-assi tagħhom fl-SBBSs kif imfisser fl-Artikolu 3(3) [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs] tar-Regolament skont il-prinċipju ta' tixrid tar-riskju fejn dawk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li t-titolari ta' unitajiet fl-UCITS ikollhom protezzjoni li tkun ekwivalenti għal dik tat-titolari ta' unitajiet f'UCITS li tikkonforma mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 52;

(b)  għandhom jirrinunzjaw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 56.

2.  Sa [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-SBBSs], l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA l-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-paragrafu 1.".

Artikolu 22Emenda għad-Direttiva 2009/138/KE

Fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2009/138/KE, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

"8.  Għall-finijiet tal-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku, l-iskoperturi għat-titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs] għandhom jiġu ttrattati bħala skoperturi għall-gvernijiet jew il-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika tagħhom.

Sa [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-SBBSs], l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA l-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-ewwel subparagrafu.".

Artikolu 23Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 268, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

"5.  B'deroga mill-ewwel paragrafu, is-segment superjuri tat-titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBS] jistgħu dejjem jiġu ttrattati skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.";

(2)  fl-Artikolu 325, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"4.  Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, l-istituzzjonijiet għandhom jittrattaw l-iskoperturi fl-għamla tas-segment superjuri ta' titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs] bħala skoperturi għall-gvern ċentrali ta' Stat Membru.;

(3)  fl-Artikolu 390(7), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-iskoperturi għat-titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs].".

Artikolu 24Emendi għad-Direttiva (UE) 2016/2341

Fid-Direttiva (UE) 2016/2341, jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

"Artikolu 18aTitoli Koperti minn Bonds Sovrani

1. Fir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-assi tal-IORPs, il-kalkolu tal-fondi proprji tal-IORPs u l-kalkolu ta' marġni ta' solvenza għall-IORPs, l-Istati Membri għandhom jittrattaw it-titoli koperti minn bonds sovrani, kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs], bl-istess mod bħall-istrumenti ta' dejn sovran taż-żona tal-euro.

2. Sa [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-SBBSs], l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA l-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-paragrafu 1.".

"Artikolu 24aEżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 18a(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 18a(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont it-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 4(3) jew l-Artikolu 18a(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25Klawżola ta' evalwazzjoni

Mhux aktar kmieni minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u ladarba ssir disponibbli data suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament li tivvaluta jekk tkunx laħqet l-objettivi tagħha biex telimina ostakli regolatorji mhux meħtieġa għall-iżvilupp tal-SBBSs.

Artikolu 26Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE(18). Dan il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 27Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  [ĠU C 0, 0.0.0000, p. 0. / Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

(2)

  [ĠU C 0, 0.0.0000, p. 0. / Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

(3)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(4)

  ĠU C , , p. .

(5)

  ĠU C , , p. .

(6)

  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(7)

  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(8)

  Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)

  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(10)

  Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

(11)

  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(12)

  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)

  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

(14)

  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

(15)

  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(16)

  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(17)

  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(18)

  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta' Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2011, p. 45).


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Titoli koperti minn bonds sovrani

Referenzi

COM(2018)0339 – C8-0206/2018 – 2018/0171(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

24.5.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

5.7.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Jonás Fernández

31.5.2018

 

 

 

Eżami fil-kumitat

12.11.2018

10.12.2018

 

 

Data tal-adozzjoni

21.3.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

12

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Stefan Gehrold, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Danuta Maria Hübner, Wolf Klinz, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Marisa Matias, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Stanisław Ożóg, Ralph Packet, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Ernest Urtasun, Marco Valli, Babette Winter

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Manuel dos Santos, Ramón Jáuregui Atondo, Danuta Jazłowiecka, Verónica Lope Fontagné, Aleksejs Loskutovs, Thomas Mann, Joachim Starbatty, Lieve Wierinck

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Eider Gardiazabal Rubial, Sylvie Guillaume, Bernd Kölmel, Ulrike Trebesius

Data tat-tressiq

22.3.2019


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Lieve Wierinck

PPE

Markus Ferber, Stefan Gehrold, Danuta Maria Hübner, Danuta Jazłowiecka, Werner Langen, Verónica Lope Fontagné, Aleksejs Loskutovs, Ivana Maletić, Thomas Mann, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander

S&D

Pervenche Berès, José Blanco López, Jonás Fernández, Eider Gardiazabal Rubial, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Sylvie Guillaume, Ramón Jáuregui Atondo, Olle Ludvigsson, Manuel dos Santos, Pedro Silva Pereira, Babette Winter

VERTS/ALE

Sven Giegold, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

12

-

ALDE

Wolf Klinz, Caroline Nagtegaal

ECR

Bernd Kölmel, Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Ralph Packet, Joachim Starbatty, Ulrike Trebesius

EFDD

Bernard Monot, Marco Valli

GUE/NGL

Marisa Matias

PPE

Esther de Lange

0

0

 

 

Tifsira:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' April 2019Avviż legali