Proċedura : 2019/0803(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0195/2019

Testi mressqa :

A8-0195/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.7
CRE 16/04/2019 - 8.7

Testi adottati :

P8_TA(2019)0365

RAPPORT     
PDF 211kWORD 61k
10.4.2019
PE 636.349v03-00 A8-0195/2019

dwar in-nomina ta' Ivana Maletić bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8‑0116/2019 – 2019/0803(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Ivana Maletić
 ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Ivana Maletić GĦALL-KWESTJONARJU
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nomina ta' Ivana Maletić bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8‑0116/2019 – 2019/0803(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0116/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0195/2019),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tat-8 ta' April 2019, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat innominat mill-Kunsill bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għan-nomina ta' Ivana Maletić bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Ivana Maletić

Edukazzjoni:

2015 – preżent

Kandidata għal Dottorat fl-Università ta' Rijeka, il-Fakultà tal-Ekonomija (il-Kroazja)

2012

Master fix-xjenza fil-Kontabbiltà, l-Awditjar u l-Finanzi, il-Fakultà tal-Kummerċ u tal-Ekonomija, l-Università ta' Zagreb (il-Kroazja)

2004 – 2006

Kontabilist u awditur ċertifikat għas-settur pubbliku (kors ta' sentejn), CIPFA - "The Chartered Institute of Public Finance and accountancy" (L-Istitut Ċertifikat tal-Finanzi Pubbliċi u tal-Kontabbiltà) (ir-Renju Unit)

1992 – 1997

Master fl-Ekonomija u fil-Kummerċ, il-Fakultà tal-Kummerċ u tal-Ekonomija, l-Università ta' Zagreb (il-Kroazja)

Esperjenza professjonali:

Lulju 2013 – preżent

Membru, Parlament Ewropew (Kumitat ECON, REGI u BUDG), Brussell (il-Belġju)

Marzu 2012 – Lulju 2013

President, TIM4PIN - iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur, Zagreb (il-Kroazja)

Frar 2008 – Diċembru 2011

Segretarja tal-Istat, Uffiċjal Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni, Negozjatur għall-kapitolu 22 u Viċi Kap Negozjatur, il-Ministeru tal-Finanzi (il-Kroazja)

Mejju 2005 – Frar 2008

Assistent Ministru għall-implimentazzjoni tal-baġit u Deputat Uffiċjal Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni, il-Ministeru tal-Finanzi (il-Kroazja)

Settembru 2004 – Mejju 2005

Kap tad-Dipartiment tal-Fondi Nazzjonali, il-Ministeru tal-Finanzi (il-Kroazja)

Diċembru 1998 – Settembru 2004

Konsulent, id-Dipartiment għall-kontabbiltà u r-rapportar finanzjarju tal-gvern, il-Ministeru tal-Finanzi (il-Kroazja)

Diċembru 1997 – Diċembru 1998

Trainee, id-Dipartiment għall-kontabbiltà u r-rapportar finanzjarju tal-gvern, il-Ministeru tal-Finanzi (il-Kroazja)

Involviment professjonali fi proġetti:

Mejju 2012 – Ġunju 2013

Il-Proġett ta' Evalwazzjoni u Ċertifikazzjoni "Il-Programm ta' Ċertifikazzjoni Reġjonali tal-Muniċipalitajiet Favorevoli għall-Kummerċ (BFC SEE)", NALED - Allenza Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku Lokali, CLER - Ċentru għall-Iżvilupp Ekonomiku Lokali tal-Fakultà tal-Ekonomija, l-Università ta' Rijeka (il-Kroazja)

Frar – Marzu 2013

Il-Proġett "Appoġġ għall-Proċess ta' Integrazzjoni tal-UE fir-Repubblika tas-Serbja", GIZ - Soċjetà Ġermaniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (is-Serbja)

Ġunju – Settembru 2012

Il-Proġett "Analiżi tal-Ġestjoni tal-Fondi tal-UE", il-Bank Dinji (il-Kroazja)

Mejju 2012

Il-proġett tal-KE "Appoġġ ulterjuri għall-implimentazzjoni ta' DIS", E.I. Euroconsultants (is-Serbja)

Diċembru 2011

Il-proġett tal-KE "It-tisħiħ tas-sistema tal-ġestjoni u tal-kontroll għall-assistenza finanzjarja tal-UE fil-Montenegro", East West Consulting (il-Montenegro)

Novembru 2010 – Jannar 2011

Il-proġett ta' riċerka "L-impatt tal-proċess tal-integrazzjoni tal-UE fuq il-finanzi pubbliċi u l-proċess tal-ġestjoni baġitarja tal-Bożnija-Ħerzegovina", l-Istitut tal-Finanzi Pubbliċi (il-Kroazja)

Ottubru 2004 – Ottubru 2005

Il-proġett "Is-sistema ta' superviżjoni fl-unitajiet tal-awtonomija lokali u reġjonali", LGI – Open Society Foundations (l-Ungerija / il-Kroazja)

Matul l-2002 - 2004

Lettur, skola sajf tas-CEF għall-finanzi pubbliċi, iċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-Finanzi (is-Slovenja)

April 2004 – Ġunju 2004

Il-Proġett "Il-finanzjament tal-unitajiet lokali", USAID (il-Kroazja)

Jannar 2002 – Ġunju 2002

Il-Proġett "Il-finanzjament tax-xjenza fil-Kroazja", l-Istitut tal-Finanzi Pubbliċi (il-Kroazja)

Jannar 2001 – Ġunju 2001

Il-Proġett "Il-ġestjoni tal-baġit fl-unitajiet lokali fil-Kroazja kollha", l-Istitut tal-Finanzi Pubbliċi (il-Kroazja)

Premjijiet u rikonoxximent:

1995

Premju tar-rettur għall-aħjar dokument ta' riċerka tal-istudenti

Pubblikazzjonijiet:

Kotba:

1)  Maletić, I., Jakir Bajo, I., Stepić, D., "A Guide to Good Governance in the Public and Non-Profit Sector" (Gwida għall-Governanza Tajba fis-Settur Pubbliku u fit-Tielet Settur), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur TIM4PIN, Zagreb, 2018

2)  Maletić, I., Kosor, K., Ivanković Knežević, K., et. al., "My EU Project: A Manual for the Preparation and Implementation of EU Projects" (Il-Proġett Tiegħi għall-UE: Manwal għat-Tħejjija u għall-Implimentazzjoni ta' Proġetti tal-UE), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur TIM4PIN, Zagreb, 2018

3)  Maletić, I., Kosor, K., Copić, M., et al. "EU Projects – from Idea to Realization" (Proġetti tal-UE – mill-Idea għat-Twettiq), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur TIM4PIN, Zagreb, 2016

4)  Maletić, I., Bešlić, B., Copić, M., Kosor, K,., Kulakowski, N., Zrinušić, N., "EU Project Management" (Il-Ġestjoni tal-Proġetti tal-UE), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur TIM4PIN, Zagreb, 2014

5)  Maletić, I., et. al., "Fiscal Responsibility - Completing Questionnaires, Compiling Plans and Reports" (Responsabbiltà Fiskali - It-Tlestija ta' Kwestjonarji u l-Kompilazzjoni ta' Pjanijiet u Rapporti), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur TIM4PIN, Zagreb, 2013

6)  Maletić, I., Stepić, D., Jakir Bajo, I., Knežević, M., Kozina, D., "Fiscal Responsibility and Financial Management" (Ir-Responsabbiltà Fiskali u l-Ġestjoni Finanzjarja), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur TIM4PIN, Zagreb, 2012

7)  Maletić, I., Jakir-Bajo, I., Zorić, A., "Fiscal Responsibility" (Responsabbiltà Fiskali), Il-komunità tal-kontabilisti u uffiċjali finanzjarji tal-Kroazja, Zagreb, 2011

8)  Maletić, I., Vašiček, D., Jakir-Bajo, I., et al., "The Accounting of Budget and Budget Users" (Il-Kontabbiltà tal-Baġit u l-Utenti tal-Baġit), Il-komunità tal-kontabilisti u uffiċjali finanzjarji tal-Kroazja, Zagreb, 2008

9)  Maletić, I., Jakir-Bajo, I., "Budgetary Planning and Accounting" (Ippjanar u Kontabbiltà Baġitarji), iċ-Ċentru għall-kontabbiltà u għall-finanzi, Zagreb, 2003

10)  Maletić, I., Vašiček, D., I., et . al., "Application of the Budget Accounting Plan 2003/2004" (L-Applikazzjoni tal-Pjan għall-Kontabbiltà tal-Baġit 2003/2004), Il-komunità tal-kontabilisti u uffiċjali finanzjarji tal-Kroazja, Zagreb, 2003

11)  Maletić, I., Vašiček, V., Vašiček, D., "Introduction to Budgetary Accounting 2002 (Introduzzjoni għall-Kontabbiltà Baġitarja 2002), Il-komunità tal-kontabilisti u uffiċjali finanzjarji tal-Kroazja, Zagreb, 2002

12)  Maletić, I., Jakir-Bajo, I., "Budgetary Accounting" (Kontabbiltà Baġitarja), Informator, Zagreb, 2001

13)  Maletić, I., Vašiček, D., Jakir-Bajo, I., et al., "Budgetary system: Accounting, Finance, Audit, Taxes" (Is-sistema baġitarja: Kontabbiltà, Finanzi, Awditu, Taxxi), il-komunità ta' kontabilisti u uffiċjali finanzjarji tal-Kroazja, Zagreb, 2000

Artikli f'ġurnali xjentifiċi b'bord editorjali internazzjonali u b'reviżjoni internazzjonali:

1)  Maletić, I., Kandžija, V., Il-Proċess tal-Adeżjoni u l-Fondi tal-IPA fil-Bożnija-Ħerzegovina – Opportunità għal Ristrutturar tan-Nefqa Pubblika u tal-Konverġenza Lejn l-UE, il-Proċedimenti tal-Konferenza Xjentifika Internazzjonali "Economic system of European Union and accession of Bosnia and Herzegovina – Challenges and Policies Ahead" (Is-sistema ekonomika tal-Unjoni Ewropea u l-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina – l-Isfidi u l-Politiki li hemm Quddiemna), il-Fakultà tal-Ekonomija, l-Università ta' Mostar, ECSA - l-Assoċjazzjoni tal-Istudji tal-Komunità Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina, p. 238-267, Mostar, 2017

2)  Maletić, I., Petričko, I., Vašiček, D., "Comparative Analysis of Croatia's Position in the Context of International Competitiveness" (Analiżi Komparattiva tal-Pożizzjoni tal-Kroazja fil-Kuntest tal-Kompetittività Internazzjonali), fil-ktieb "Competitiveness as a process" (Il-kompetittività bħala proċess), ECSA - l-Assoċjazzjoni tal-Istudji tal-Komunità Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina, p. 13-42, Mostar, 2017

3)  Maletić, I, Redžepagić, S., "Experience in management and absorption of the EU pre-accession funds in Croatia – lessons learned" (L-esperjenza fil-ġestjoni u fl-assorbiment tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-UE fil-Kroazja – tagħlimiet miksuba), fil-ktieb "Absorption Capacity of EU pre-accession Programmes in the Western Balkan Countries" (Il-Kapaċità tal-Assorbiment tal-Programmi ta' qabel l-adeżjoni tal-UE fil-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent), p. 311-327, Nice, 2014

4)  Maletić, I., Vašiček, D., Kandžija, J. L-esperjenzi tal-Kroazja fil-Ġestjoni u fl-Assorbiment tal-Fondi ta' Qabel l-Adeżjoni tal-UE, il-Proċedimenti tad-9 Konferenza Internazzjonali "Economic Integration, Competition and Cooperation – Accesion of the Western Balkan Countries to the European Union" (Integrazzjoni, Kompetizzjoni u Kooperazzjoni Ekonomiċi – L-Adeżjoni tal-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea), p. 737-755, Rijeka, 2013

5)  Maletić, I., Vašiček, D., Tendenzi u Rekwiżiti Attwali fil-Ġestjoni Finanzjarja bħala Appoġġ għall-Proċess tal-Ewropizzazzjoni tal-Amministrazzjoni Pubblika, il-Proċedimenti tal-14-il Simpożju Internazzjonali "Turning to an Innovative and Creative Bosnia and Herzegovina" (It-Trasformazzjoni f'Bożnija-Ħerzegovina Innovattiva u Kreattiva), p. 345-361, Sarajevo, 2013

6)  Maletić, I., Vašiček, D., "Europeanisation Reforms of the Financial Management System" (Riformi għall-Ewropizzazzjoni tas-Sistema tal-Ġestjoni Finanzjarja), l-Istitut tal-Amministrazzjoni Pubblika, Novi Informator, p. 393-420, Zagreb, 2011

7)  Maletić, I., et al., "General framework of administrative convergence provided by Croatian public administrative reforms" (Qafas ġenerali ta' konverġenza amministrattiva pprovdut mir-riformi amministrattivi pubbliċi tal-Kroazja), fil-ktieb "Administrative Convergence and Reforms in South-Eastern European States - Analyses, Models and Comparative Studies" (Konverġenza u Riformi Amministrattivi fl-Istati Ewropej tax-Xlokk - Analiżijiet, Mudelli u Studji Komparattivi, Nru 2, Editura Economică, p. str. 141-188, Bucharest, 2011

8)  Maletić, I., Primorac, M., Sopek, P., L-Effett Fiskali Nett ta' Qabel l-Adeżjoni u tal-Adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-Unjoni Ewropea, il-Proċedimenti tas-Simpożju "Challenges and perspectives of integration in countries of South-Eastern Europe" (L-isfidi u l-perspettivi tal-integrazzjoni fil-pajjiżi tal-Ewropa tax-Xlokk), p. 269-285, Tuzla, 2011

9)  Maletić, I., Marić, Z., Rukelj, D., "Analysis of Aggregate Investments and their Outlook in Croatia with Special Emphasis on the Possibility of Using the European funds" (Analiżi tal-Investimenti Aggregati u l-Prospettiva tagħhom fil-Kroazja, b'Enfasi Speċjali fuq il-Possibbiltà li Jintużaw il-Fondi Ewropej), il-Ġurnal "Ekonomski pregled", Nru 1-2, p. 3-34, 2011

10)  Maletić, I., Vašiček, D., "Convergence of Croatian financial and budget regulations to the framework and practices of the European Union," (Il-konverġenza tar-regolamenti finanzjarji u baġitarji tal-Kroazja lejn il-qafas u l-prattiki tal-Unjoni Ewropea), GAER - Assoċjazzjoni Ġenerali ta' Ekonomisti mir-Rumanija, "Theoretical and Applied Economics" (Ekonomija Teoretika u Applikata), XVII, p. 25-42, Bucharest, 2010

Pubblikazzjonijiet oħra

Ippubblikat aktar minn 250 artiklu f'ġurnali domestiċi. Bħala rappreżentant fil-Parlament Ewropew, nediet u editjat il-ġurnal perjodiku "I'M", li fih ippubblikat aktar minn 30 artiklu u kienet koawtur ta' edizzjonijiet speċjali dwar l-użu tal-fondi tal-UE għaż-żgħażagħ, l-intraprendituri, l-unitajiet lokali u l-villaġġi intelliġenti, kif ukoll edizzjoni speċjali dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Hija kienet ukoll il-koawtur ta' ħames pubblikazzjonijiet fil-jum li jfakkar il-ħames snin mis-sħubija tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, li ġew ippubblikati fil-ġurnal ta' kuljum "Jutarnji List". Il-pubblikazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq www.ivana-maletic.com.

Konferenzi, djalogi, diskussjonijiet, bordijiet, sessjonijiet ta' ħidma, preżentazzjonijiet u lekċers:

Ipparteċipat bħala lettur f'diversi konferenzi, diskussjonijiet madwar mejda u seminars f'pajjiżha u barra mill-pajjiż. Bħala membru tal-Parlament Ewropew, hija organizzat aktar minn 100 konferenza fi bliet differenti fil-Kroazja u fi Brussell, il-Belġju. L-informazzjoni kollha dwar l-attivitajiet hija disponibbli fuq www.ivana-maletic.com.


ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Ivana Maletić GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fl-ippjanar baġitarju, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

Matul l-14-il sena ta' ħidma fil-Ministeru tal-Finanzi tal-Kroazja, jien kont inkarigata biex intejjeb il-proċessi baġitarji u nimplimenta regolamenti ġodda, li permezz tagħhom introduċejna klassifikazzjonijiet baġitarji (ekonomiċi, programmatiċi, funzjonali, skont il-lokalità u skont is-sorsi ta' finanzjament), stabbilixxejna s-sistema tat-Teżor tal-Istat u l-funzjonament tal-kont uniku tat-Teżor, introduċejna kontrolli u monitoraġġ addizzjonali fil-proċess tal-eżekuzzjoni fir-rigward tal-użu legali u regolari tal-fondi, biddilna s-sistema kontabilistika u introduċejna l-prinċipju mmodifikat ibbażat fuq id-dovuti, u stabbilixxejna sistema għalkollox ġdida ta' rapportar u ta' rapporti finanzjarji li se tgħin lill-maniġers fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-monitoraġġ tal-kisba tar-riżultati, iżda li se tkun ukoll bażi tajba għall-ħtiġijiet tar-rapportar statistiku skont il-metodoloġiji tal-ESA u tal-SFG.

Aħna biddilna b'mod sinifikanti l-proċess tal-ippjanar tal-baġit: mill-ippjanar skont il-klassifikazzjoni ekonomika u l-attenzjoni fuq l-inputs għall-ibbaġitjar abbażi tal-programmi (ippjanar ibbażat fuq il-programmi – proġetti u attivitajiet) u l-attenzjoni fuq ir-riżultati. L-għan tagħna kien li nintroduċu baġitjar abbażi tal-prestazzjoni, madankollu għadu ma sarx il-pass minn baġitjar abbażi tal-programmi għal baġitjar abbażi tal-prestazzjoni.

Jien mexxejt lill-grupp ta' ħidma tal-Ministeru tal-Finanzi fl-introduzzjoni ta' ppjanar strateġiku u pluriennali, u fl-2008 introduċejna Att ġdid tal-Baġit (Gazzetta Uffiċjali 87/2008), li tejjeb b'mod sinifikanti l-proċessi tal-ippjanar, l-eżekuzzjoni, il-kontabbiltà, ir-rapportar u l-monitoraġġ.

Matul it-tħejjijiet għall-adeżjoni fl-UE u matul in-negozjati, kont inkarigata mill-istabbiliment tas-sistema ta' ġestjoni għal programmi ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni, jiġifieri l-formulazzjoni ta' proċeduri u regoli operazzjonali għall-korpi kollha u sistema ta' ġestjoni u kontroll finanzjarji tajba. F'dak iż-żmien, minbarra r-regolamenti kollha direttament u indirettament relatati mal-IPA, jien studjajt ukoll ir-regolamenti finanzjarji li kienu l-bażi għall-ħidma tagħna. Matul dawk is-snin (2005-2009), saret ukoll ħidma fuq l-introduzzjoni tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll finanzjarji fis-settur pubbliku kollu tal-Kroazja, u minħabba l-fatt li l-kunċett tal-PIFC huwa preċiżament il-bażi tas-sistema ta' ġestjoni tal-programmi ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni, l-esperjenzi u l-għarfien li ksibt kienu wkoll utli għall-istabbiliment ta' sistema nazzjonali, u jien kont parti mit-tim li ħadem fuqha.

Jien kont responsabbli wkoll mill-istabbiliment u l-funzjonament tajjeb tal-AFCOS – is-sistema għall-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet. Jien mexxejt il-grupp ta' ħidma għat-tħejjija tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Frodi u l-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2010-2012, li l-Gvern adotta fl-14 ta' Jannar 2010. Bħala Uffiċjal Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni, jien introduċejt il-kunċett tal-provvista ta' dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni fis-sistema tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE; madankollu, minħabba l-importanza tas-sensibilizzazzjoni tar-responsabbiltà tal-governanza, bħala Segretarja tal-Istat fil-Ministeru tal-Finanzi, jien estendejt dak il-kunċett fis-sistema nazzjonali kollha, u matul l-2010 jien issorveljajt it-tħejjija tal-Att ta' Responsabbiltà Fiskali, li ġie ppubblikat fil-Gazzetta Nazzjonali 131/10, li skontha l-maniġers fil-livelli kollha fis-settur pubbliku huma obbligati jipprovdu dikjarazzjoni ta' responsabbiltà fiskali li tixbah id-dikjarazzjoni ta' garanzija għall-fondi tal-UE. Permezz tal-mudell tas-sistema tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE, jien żviluppajt kwestjonarji u formoli għal testijiet li jridu jitwettqu sabiex il-maniġers ikunu jistgħu jipprovdu d-dikjarazzjoni, u l-metodoloġija kollha hija stabbilita fir-Regolament dwar it-Tħejjija u t-Twassil tad-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Fiskali u r-Rapport dwar l-Applikazzjoni ta' Regoli Fiskali li ġie introdott fl-2011 u li ġie ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali 78/11.

Bħala Assistent għall-Ministru tal-Finanzi, minbarra l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-istat, jien issorveljajt ukoll il-monitoraġġ tal-baġit, fejn evalwajt ir-rapporti fid-dettall u indikajt dak li kellu jkompli jittejjeb u jinħadem mill-ġdid jew sitwazzjonijiet li fihom kien hemm xi ambigwitajiet.

Is-sejbiet tal-monitoraġġ tal-baġit u l-awditi tal-istat kienu importanti ferm għalina biex intejbu s-sistema għaliex dawn żvelaw nuqqasijiet u l-aktar irregolaritajiet komuni.

Jien ma ħadtx sehem fl-awditi, iżda ksibt ċertifikat u diploma mill-British Chartered Institute of Public Finance and Accountancy (CIPFA), u ksibt it-titlu ta' Master fix-Xjenza proprju fil-qasam tal-kontabbiltà, l-awditu u l-finanzi fil-Fakultà tal-Ekonomija f'Zagreb.

Matul il-ħidma tiegħi fis-sistema tal-ġestjoni ta' programmi ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni, jien qrajt għexieren ta' akkreditazzjonijiet u awditi differenti, tajt tweġibiet lil diversi rapporti u tejjibt is-sistema sħiħa abbażi tas-sejbiet tal-awditjar. F'dak iż-żmien, l-esperjenza tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE u l-ħidma mal-awdituri tal-UE tejbet ħafna l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tal-importanza ta' kontrolli interni u awditi interni u esterni fis-sistema nazzjonali kollha. Kemm l-awdituri interni, kif ukoll l-Unità tal-Armonizzazzjoni Ċentrali kollha, saru l-id il-leminija tiegħi fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħi.

Jien awtorizzajt diversi xogħlijiet esperti u xjentifiċi dwar il-proċessi baġitarji, il-bidliet fis-sistema tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-ġestjoni ta' programmi ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni, ir-rapportar finanzjarju, it-trasparenza tal-baġit, is-sistema tar-responsabbiltà fiskali u suġġetti relatati oħra, u kont il-koawtur ta' diversi kotba f'dan il-qasam. Jien ħadt sehem f'għadd ta' seminars u konferenzi bħala lettur dwar dawn is-suġġetti.

2.  X'inhuma l-aktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-karriera professjonali tiegħek?

  L-istabbiliment tal-kont uniku tat-teżor u l-modernizzazzjoni tal-proċessi baġitarji ddefiniti fl-Att il-ġdid tal-Baġit li ġie adottat fl-2008.

  Jien kburija bl-akkreditazzjonijiet ta' suċċess u bil-ħidma ta' kwalità tas-sistema tal-ġestjoni ta' programmi ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni, li kont responsabbli għaliha.

  Il-Kapitolu 22 – Politika Reġjonali u Koordinazzjoni tal-Istrumenti Strutturali, li kont responsabbli għalih bħala negozjatur, tlesta b'suċċess, u bħala riżultat ta' dan kont kuntenta u kburija b'mod speċjali bl-amministrazzjoni kollha tagħna.

  L-introduzzjoni tal-kunċett ta' responsabbiltà fiskali fil-livell maniġerjali fis-settur pubbliku kienet sfida kbira u ngħelbet b'suċċess, li permezz tagħha ġie introdott mod kompletament ġdid ta' ħidma u ta' ħsieb fis-settur pubbliku.

Dawn il-programmi kollha li tlestew b'suċċess kienu jfissru wkoll progress professjonali, u jien kuntenta li ħdimt fil-Ministeru tal-Finanzi fejn ix-xogħol, l-għarfien u l-eċċellenza fuq il-post tax-xogħol kienu prijoritajiet ewlenin. Matul l-avvanz professjonali tiegħi fil-Ministeru, jien ma kont membru ta' ebda partit politiku, u kull pass li mxejt 'il quddiem kien dovut għal xogħol dedikat u ta' kwalità. Din hija r-raġuni preċiża għaliex kull progressjoni individwali –minn Konsulent u Konsulent Superjuri permezz tal-Kap tad-Dipartiment għal Assistent Ministru u Segretarja tal-Istat, Negozjatur għall-Kapitolu 22 u Viċi Kap Negozjatur - kienet suċċess kbir fil-karriera tiegħi.

3.  X'kienet l-esperjenza professjonali tiegħek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet multikulturali u multilingwistiċi internazzjonali bbażati barra minn pajjiżek?

Matul il-ħidma tiegħi fil-Ministeru tal-Finanzi, jien attendejt diversi programmi edukattivi f'Washington u Vjenna li ġew organizzati mill-Fond Monetarju Internazzjonali, u f'Ljubljana, li ġew organizzati miċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-Finanzi (CEF). Fis-CEF, fil-perjodu 2002-2004, jien kont impjegata bħala lettur fl-Iskola Sajf tal-Finanzi Pubbliċi. Minn Ottubru 2004 sa Ottubru 2005, jien ħadt sehem fil-proġett "Is-sistema ta' superviżjoni fil-livell tal-unitajiet tal-awtonomija lokali u reġjonali", li ġie organizzat mil-LGI - Open Society Institute fl-Ungerija, b'rappreżentanti minn ħames pajjiżi oħra.

L-aktar esperjenza importanti u speċjali li ksibt kienet bħala Membru tal-Parlament Ewropew mill-1 ta' Lulju 2013 sal-lum il-ġurnata, fejn il-mandat tiegħi jispiċċa fit-2 ta' Lulju 2019.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet ta' ġestjoni li wettaqt qabel, jekk tapplika proċedura bħal din?

Il-kompiti li wettaqt sa issa ma jipprevedu ebda proċedura ta' rilaxx.

5.  Liema mill-pożizzjonijiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' nomina politika?

Il-pożizzjoni ta' Segretarja tal-Istat hija pożizzjoni li hija r-riżultat ta' nomina politika. Jien ġejt innominata mill-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja fi Frar 2008, għalkemm f'dak il-mument ma kont membru ta' ebda partit politiku.

Jien sirt membru tal-Unjoni Demokratika tal-Kroazja (CDU) fl-2012, sirt President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi tal-UE, u ġejt eletta bħala Membru tal-Parlament Ewropew f'Mejju 2013, u mbagħad għal darb'oħra f'Mejju 2014.

6.  X'inhuma t-tliet deċiżjonijiet l-aktar importanti li kont parti minnhom fil-ħajja professjonali tiegħek?

1.  L-introduzzjoni tas-sistema tar-responsabbiltà fiskali fis-settur pubbliku tal-Kroazja.

2.  Il-parteċipazzjoni fin-negozjati għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-UE u l-għeluq b'suċċess tal-Kapitolu 22.

3.  L-istabbiliment ta' Ċentru għall-Iżvilupp tas-Settur Pubbliku u tat-Tielet Settur u l-pubblikazzjoni tar-Rivista TIM4PIN - rivista speċjalizzata għal suġġetti kontabilistiċi, finanzjarji, ekonomiċi u legali mill-qasam tal-operazzjoni tas-settur pubbliku u tat-tielet settur.

Indipendenza

7.  It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jridu jkunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħi bħala Membru tal-Qorti, jien niddependi fuq l-għarfien u l-esperjenza professjonali tiegħi stess, ma nfittixx u ma naċċetta l-influwenza u l-istruzzjonijiet tal-ebda gvern, ministeru jew istituzzjoni oħra, u dejjem naħdem fl-aħjar interess tal-UE. Ma nwettaqx attivitajiet li ma jkunux kompatibbli mad-dmirijiet ta' Membru tal-Qorti.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Le.

9.  Lest tiżvela l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

Bħala MEP, jien obbligata niżvela l-interessi finanzjarji tiegħi u jien lesta li niżvela l-interessi finanzjarji tiegħi kif ukoll kull impenn ieħor lill-President tal-Qorti, u li nagħmel id-Dikjarazzjoni ta' Interess tiegħi pubblika.

10.  Inti involuta f'xi proċedimenti legali attwali? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Il-kumpanija li wettqet xi xogħlijiet fuq l-inħawi ta' dar tal-familja li kienet il-proprjetà ta' missier ir-raġel tiegħi fetħet proċedura kontrija bl-għan li titlobni nħallas għal xogħlijiet li ġew miftiehma, iżda li qatt ma saru. Skont is-sejbiet tal-korp superviżorju, saru anqas minn nofs tax-xogħlijiet ippjanati, u l-kumpanija tixtieq li titħallas ammont li jaqbeż il-prezz miftiehem b'darbtejn u nofs għax-xogħlijiet kollha li qatt ma saru. Għalkemm il-parti fil-proċedura huwa missier ir-raġel tiegħi (ir-raġel tiegħi għandu s-setgħa li jimmaniġġja l-investiment), il-kumpanija fetħet kawża kontrija. S'issa ma sar l-ebda smigħ, u jien appellajt billi ressaqt motiv ta' leġittimità falz passiv.

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Jien ilni membru attiv tal-Unjoni Demokratika tal-Kroazja mill-2012 u ġejt maħtura bħala president tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi tal-UE tal-partit. Fl-2016, jien sirt waħda mis-sitt viċi presidenti eletti tal-Partit u għadni nokkupa dik il-pożizzjoni.

12.  Tirtira minn kull kariga uffiċjali li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabbiltajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Iva, jekk ninħatar bħala Membru tal-Qorti, jien se nirtira mill-kariga ta' Viċi President tal-Partit li ġejt eletta għaliha u se nitlaq kull funzjoni attiva relatata mar-responsabbiltajiet fil-partit politiku.

13.  Kieku kif tittratta irregolarità ewlenija jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Eżatt l-istess bħal irregolaritajiet/frodi/korruzzjoni li jiġu identifikati fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Jien nippromwovi politika ta' tolleranza żero lejn il-frodi u l-korruzzjoni għaliex dawk huma fenomeni li jeqirdu s-soċjetajiet u jagħmlu ħsara lill-kompetittività u lill-opportunitajiet għat-tkabbir u għall-iżvilupp. Huwa proprju permezz tal-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni effiċjenti ta' tali każijiet li aħna nistgħu nipprovdu l-aħjar assistenza possibbli lill-istat tagħna stess u lil stati oħra. Ir-regoli jridu jiġu segwiti u l-legalità u r-regolarità tal-użu tal-fondi pubbliċi huma l-pedament li minnu ma jrid ikun hemm l-ebda devjazzjoni.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X' għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' ġestjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

Ġestjoni finanzjarja soda tfisser approċċ responsabbli u trasparenti biex jintefqu l-fondi pubbliċi bl-għan li jinkisbu l-akbar benefiċċji possibbli għas-soċjetà billi l-għanijiet stipulati jintlaħqu bl-anqas spejjeż possibbli.

Il-karatteristiċi ewlenin ta' sistema ta' ġestjoni finanzjarja xierqa, effiċjenti u effettiva huma:

–  L-ippjanar ta' approċċ biex isir in-negozju – l-istabbiliment tal-missjoni, il-viżjonijiet, l-għanijiet,

–  Struttura organizzazzjonali ordnata – awtoritajiet, responsabbiltajiet u linji ta' rapportar iddefiniti,

–  Proċeduri ta' xogħol ċari, b'listi u deskrizzjonijiet u għanijiet partikolari li jistgħu jitkejlu u riżultati tax-xogħol mistennija għal kull impjegat,

–  Ġestjoni tar-riskji,

–  L-istabbiliment u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' kontroll xierqa,

–  L-istabbiliment u l-iżvilupp ta' sistema ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni,

–  Monitoraġġ u valutazzjoni kontinwi tas-sistema tal-ġestjoni finanzjarja.

Il-Qorti qed tiffoka dejjem aktar fuq l-evalwazzjoni tal-funzjonament ta' dawn l-elementi kollha tal-ġestjoni finanzjarja, speċjalment permezz ta' awditi tal-konformità u tal-prestazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti li jindikaw l-importanza li jiġu eliminati n-nuqqasijiet fis-sistema tal-ġestjoni finanzjarja soda jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli biex tinbena dik il-kultura fis-settur pubbliku. Il-Qorti spiss tindika n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mod ta' kif jiġu implimentati ċerti proċessi, li bħala riżultat tagħhom ma tistax toħroġ konklużjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi li twettqu. Huwa importanti li l-istituzzjonijiet li fihom ġew identifikati t-tali nuqqasijiet jintroduċu bidliet u jorganizzaw l-operazzjonijiet tagħhom b'mod aktar trasparenti. Ir-rwol ta' Membru tal-Parlament Ewropew huwa konsiderevoli għaliex matul id-diskussjonijiet li fihom il-Qorti tippreżenta r-rapporti tagħha, l-MEPs jipprovdu assistenza addizzjonali biex ifiehmu lill-istituzzjonijiet li fihom ikunu ġew identifikati nuqqasijiet u/jew irregolaritajiet jifhmu kemm huwa importanti li jirreaġixxu fil-pront u jibdlu l-mudelli tax-xogħol tagħhom, u spiss l-MEPs jitolbu data, rapporti u spjegazzjonijiet addizzjonali.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ikopru l-oqsma ta' politika Ewropea kollha, kif ukoll il-programmi u l-istrumenti tal-baġit tal-UE. Permezz ta' rapporti u riżoluzzjonijiet fuq Inizjattiva proprja (INI), dawn jagħtu twissijiet dwar nuqqasijiet fis-sistema u jipprovdu l-proposti tagħhom stess li permezz tagħhom jixtiequ jħeġġu t-titjib fl-effiċjenza, il-kwalità u l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni ta' programm partikolari.

Huwa importanti li r-rappreżentanti tal-Qorti jieħdu sehem f'diskussjonijiet dwar il-programmi u l-politiki tal-UE fil-Parlament kif ukoll f'rapporti tematiċi tal-MEPs u tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), sabiex dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-problemi u għan-nuqqasijiet li jiġu indikati mill-MEPs u jħejju r-rapporti tematiċi tal-Qorti b'rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb is-sistema.

Abbażi tar-rapporti tal-Qorti, l-MEPs jistgħu jiksbu għarfien aktar ċar dwar il-funzjonament tas-sistema u jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet u titjib għas-sistema permezz ta' rapporti u emendi fuq proposta ta' regolament.

Id-diskussjonijiet li jiġu organizzati mill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, li fihom ir-rappreżentanti tal-Qorti jippreżentaw rapporti u li fihom ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet li r-rapporti jkunu relatati magħhom ikollhom l-opportunità li jipprovdu tweġibiet u jispjegaw it-titjib li jkollhom l-għan li jwettqu lill-MEPs, huma eċċellenti. Il-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju jista' jniedi aktar ta' spiss diskussjonijiet konġunti mal-kumitati responsabbli għal programm partikolari jew strument tal-baġit tal-UE li għalih il-Qorti tkun ħejjiet rapport, u b'dak il-mod jinkludi b'mod aktar attiv ir-rappreżentanti li jkunu qed jaħdmu fuq emendi u rapporti tal-Parlament dwar l-istess suġġett.

Materjali bħall-kummenti tal-QEA dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 minn Frar 2019 u opinjonijiet u briefings dwar proposti għal programmi ġodda minn Orizzont permezz ta' Politika ta' Koeżjoni u Politika Agrikola ġdida għal regolamenti fir-rigward tal-istat tad-dritt huma ferm utli. B'materjali bħal dawn, il-Qorti tipprovdi assistenza lill-Parlament biex jiġu organizzati diskussjonijiet ta' kwalità dwar proposti ġodda u jittieħdu pożizzjonijiet sostanzjati.

Jekk nintgħażel bħala Membru tal-Qorti, jien se nkun proattiva biex nippreżenta r-rapporti tal-Qorti lill-MEPs. Jien lesta li nikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-PE permezz tal-organizzazzjoni ta' preżentazzjonijiet fil-kumitati, laqgħat bilaterali mal-MEPs, u parteċipazzjoni f'diskussjonijiet speċjali, konferenzi u diskussjonijiet madwar mejda li jiġu organizzati mill-PE u mill-MEPs.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri ta' ġestjoni?

L-awditu dwar il-prestazzjoni għandu importanza kruċjali għat-titjib tal-proċessi tal-ġestjoni għaliex dan jevalwa l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-attivitajiet. Dan l-awditu jidentifika n-nuqqasijiet fis-sistema tal-ġestjoni finanzjarja: minn nuqqasijiet organizzazzjonali, nuqqasijiet fil-proċeduri preskritti u l-implimentazzjoni ta' proċessi partikolari bħall-ippjanar (pereżempju, għadhom ma ġewx stabbiliti l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni ta' programmi partikolari, m'hemm l-ebda relazzjoni bejn il-pjan strateġiku tal-programmi u l-programmi, l-attivitajiet u l-proġetti fil-pjan finanzjarju, eċċ.), l-eżekuzzjoni (pereżempju, l-għanijiet ippjanati ma nkisbux b'taħlita ottimali tar-riżorsi), għal nuqqasijiet fl-ambjent u fl-attivitajiet ta' kontroll (pereżempju, il-pjanijiet ta' ħidma u l-għanijiet mill-pjanijiet ta' ħidma mhumiex relatati mal-programmi, il-proġetti u l-attivitajiet mill-pjan finanzjarju; għadha ma ġietx stabbilita r-responsabbiltà tal-individwi u tal-unitajiet organizzazzjonali biex jiġu ssodisfati għanijiet partikolari u jintlaħqu r-riżultati; hemm nuqqas ta' proċeduri ta' ħidma partikolari; l-impjegati huma nieqsa minn għarfien dwar il-proċedura u japplikawhom f'modi differenti, li jqiegħed lill-benefiċjarji finali f'pożizzjoni mhux ugwali), nuqqasijiet fil-ġestjoni tar-riskju (pereżempju, dawn ma jirriżultawx mill-attivitajiet u mill-kompiti ta' kuljum ippjanati għas-sena sħiħa; ir-riskji ġenerali ripetuti sena wara sena biss huma identifikati – nuqqas ta' persunal, bini mhux adegwat fejn isir ix-xogħol, tagħmir tal-IT mhux adattat), għal nuqqasijiet fl-informazzjoni u fil-komunikazzjonijiet, kif ukoll fl-evalwazzjoni u fil-monitoraġġ tas-sistema.

Abbażi tan-nuqqasijiet identifikati, l-awdituri tal-Qorti jipprovdu rakkomandazzjonijiet għal iffrankar finanzjarju, organizzazzjoni u metodi ta' ħidma aħjar, prevenzjoni ta' telfien ta' riżorsi u modi aktar effiċjenti kif jinkisbu l-għanijiet stipulati.

Din hija r-raġuni preċiża għaliex l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq awditi tal-prestazzjoni ttejjeb l-attivitajiet kummerċjali ġenerali, il-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-azzjonijiet maniġerjali.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

L-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali huma sħab tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u huwa importanti li tissaħħaħ il-ħidma konġunta bl-għan li mhux biss tinkiseb sinerġija, iżda anki simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-awditjar. Din il-kwistjoni hija partikolarment importanti għall-benefiċjarji finali u hija kwistjoni li dwarha jitressqu lmenti frekwenti eż. il-proġetti ffinanzjati mill-fondi SIE kellhom jgħaddu minn ħames sa għaxar awditi u kontrolli differenti.

L-ippjanar u t-twettiq ta' awditi konġunti, l-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenzi, il-preżentazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-awditjar u l-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet u rakkomandazzjonijiet huma l-metodi bażiċi ta' kooperazzjoni, li huwa importanti li tittejjeb. Barra minn hekk, ir-rabta u l-iskambju ta' informazzjoni permezz ta' sistema ta' informazzjoni waħda u l-awtomatizzazzjoni ta' xi wħud mill-proċessi tgħaqqad flimkien l-istituzzjonijiet tal-awditjar u tħaffef ix-xogħol.

Fil-Parlament Ewropew diġà jiġu organizzati diskussjonijiet u skambji tal-opinjonijiet mal-parlamenti nazzjonali, u dan il-programm jista' jiġi estiż sabiex jinkludi rapporti tal-awditjar tematiċi u rapporti tal-awditjar annwali, bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-awditjar u tal-Qorti. L-MEPs jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal implimentazzjoni aħjar tar-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-awditjar u tal-Qorti, u b'hekk anki għal titjib aktar rapidu tas-sistema tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi.

Il-proċedura tal-PE li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017, li skontha l-Parlament iħejji rapporti abbażi ta' rapporti speċjali tal-Qorti, hija bidla pożittiva ħafna mhux biss f'termini tat-titjib tal-kooperazzjoni u tar-rabta bejn il-PE u l-Qorti, iżda wkoll f'termini tal-influwenza tal-PE fuq is-suġġetti awditjati biex japplikaw rakkomandazzjonijiet tal-Qorti.

Ir-rakkomandazzjonijiet u s-sejbiet tal-Qorti għandhom jintużaw aktar f'diskussjonijiet, fit-tħejjija ta' rapporti u f'emendi. Huwa importanti li l-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju jinkludi kemm jista' jkun rappreżentanti minn kumitati oħra f'diskussjonijiet dwar ir-rapporti tematiċi speċjali tal-Qorti mill-qasam ta' attività tagħhom.

18.  Kieku inti kif tiżviluppa aktar ir-rapportar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Il-preċiżjoni tad-data għandha importanza kruċjali għal evalwazzjoni preċiża u ta' kwalità tal-funzjonament tas-sistema sħiħa tal-ġestjoni tal-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fl-Istati Membri. Pereżempju, jekk ma tiġix żgurata data statistika preċiża dwar l-indikaturi makroekonomiċi, ma jkunux jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet ta' kwalità fir-rigward tal-proċeduri ta' żbilanċ makroekonomiku, id-dejn u d-defiċit; mingħajr informazzjoni ta' kwalità dwar l-implimentazzjoni ta' riformi, ma jistax ikun hemm implimentazzjoni tajba tas-Semestru Ewropew; mingħajr data preċiża dwar il-proġetti kuntrattati, l-iskadenzi għall-implimentazzjoni, l-ammonti fatturati u l-iskadenzi għall-pagamenti, diffiċli jsir ippjanar tajjeb tal-pagamenti mill-fondi SIE u aħna qegħdin niffaċċjaw il-ħin kollu l-problema ta' rata baxxa ta' eżekuzzjoni mill-baġit tal-UE fir-rigward tal-ammonti ppjanati għall-pagamenti għal kull Stat Membru.

Meta jitqies li l-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolamenti u tal-politiki tal-UE fl-Istati Membri u għall-ġbir ta' data preċiża, ta' kwalità u komprensiva, fil-Qorti nistgħu nsaħħu s-sorveljanza tal-ħidma tal-Kummissjoni u nħejju rapporti dwar il-kwalità u l-effiċjenza tal-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ġbir tad-data u l-preċiżjoni tad-data miġbura, kif ukoll il-konklużjonijiet li saru għal Stati Membri partikolari.

Kwestjonijiet oħra

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Jien inqis li l-awtorità tal-Parlament Ewropew li tirriżulta mil-leġittimità demokratika tal-MEPs eletti trid tiġi osservata b'mod sħiħ u d-deċiżjonijiet tagħhom iridu jiġu applikati. F'konformità ma' dan, fil-każ tal-opinjoni negattiva tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħi, jien se nirtira l-kandidatura tiegħi.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titlu

Tiġdid parzjali ta' membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat HR

Referenzi

07034/2019 – C8-0116/2019 – 2019/0803(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

5.3.2019

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

14.3.2019

 

 

 

Rapporteurs:

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

11.3.2019

 

 

 

Data tal-adozzjoni

8.4.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

8

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Wolf Klinz, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, Dan Nica, Emilian Pavel, Răzvan Popa, Paul Rübig, Lambert van Nistelrooij, Maria Gabriela Zoană

Data tat-tressiq

10.4.2019

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' April 2019Avviż legali