Proċedura : 2019/2023(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0002/2019

Testi mressqa :

A9-0002/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2019 - 9.3

Testi adottati :

P9_TA(2019)0013

<Date>{05/09/2019}5.9.2019</Date>
<NoDocSe>A9-0002/2019</NoDocSe>
PDF 213kWORD 59k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija</Titre>

<DocRef>(COM(2019)0206 – C9-0005/2019 – 2019/2023(BUD))</DocRef>


<Commission>{BUDG}Kumitat għall-Baġits</Commission>

Rapporteur: <Depute>Siegfried Mureşan</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija

(COM(2019)0206 – C9-0005/2019 – 2019/2023(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0206 – C9-0005/2019),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0002/2019),

1. Jilqa' d-deċiżjoni bħala sinjal tas-solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini u r-reġjuni tal-Unjoni milquta mid-diżastri naturali;

2. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") lir-reġjuni fl-Unjoni milquta minn diżastri naturali fl-2018;

3. Jilqa' l-proposta[4] tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2019 biex jiġi emendat il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tar-riskju tad-diżastri tal-Unjoni, b'pakkett finanzjarju għall-perjodu ta' finanzjament 2021-2027 li jaqbel mal-livell ta' ambizzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] u f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 [6]; huwa konvint li l-Fond u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għandhom jimxu id f'id fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri naturali fl-Istati Membri;

4. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Awstrija, l-Italja u r-Rumanija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[8], u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2) Il-Fond ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[9].

(3) Fis-7 ta' Settembru 2018, ir-Rumanija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp li ħolqu għargħar estensiv.

(4) Fl-20 ta' Diċembru 2018, l-Italja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp.

(5) Fl-14 ta' Jannar 2019, l-Awstrija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp.

(6) L-applikazzjonijiet mir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(7) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija.

(8) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2019, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat kif ġej f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament:

(a) l-ammont ta' EUR 8 192 300 għandu jiġi pprovdut lir-Rumanija;

(b) l-ammont ta' EUR 277 204 595 għandu jiġi pprovdut lill-Italja;

(c) l-ammont ta' EUR 8 154 899 għandu jiġi pprovdut lill-Awstrija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn... [id-data tal-adozzjoni tagħha].

Magħmul fi...,

 

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-''Fond'') jiġi mobilizzat biex tingħata assistenza finanzjarja relatata ma' avvenimenti estremi tat-temp li seħħew matul l-2018 fir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija.

Ir-Rumanija - Għargħar

Fis-sajf tal-2018, is-sitt kontej kollha tar-reġjun tal-Grigal tar-Rumanija ntlaqtu minn xita qawwija ripetuta u għargħar estensiv sussegwenti b'danni sinifikanti għall-infrastruttura, bħal digi, imbankmenti, toroq, pontijiet, sistemi tat-trattament tal-ilma u tad-drenaġġ, distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass, provvista tal-ilma tax-xorb u sistemi ta' irrigazzjoni, skejjel u bini pubbliku ieħor. Saret ukoll ħsara lil djar privati u l-agrikoltura ġarrbet telf kbir.

Fl-applikazzjoni tagħhom, li waslet għand il-Kummissjoni fis-7 ta' Settembru 2018, l-awtoritajiet Rumeni stmaw il-ħsara totali diretta fil-livell ta' EUR 196,8 miljun jew 1,24 % tal-PDG tar-reġjun affettwat, jiġifieri inqas mill-valur ta' limitu għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE f'reġjun tal-livell NUTS 2 (1,5 % tal-PDG reġjonali). Fl-applikazzjoni riveduta li ġiet ippreżentata fid-9 ta' Ottubru 2018 u tlestiet fl-14 ta' Diċembru 2018, l-istima tal-ħsara żdiedet għal EUR 327,7 miljun jew 2,07 % tal-PDG reġjonali, u b'hekk id-diżastru beda jikkwalifika bħala ''diżastru naturali reġjonali'' fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE.

L-awtoritajiet Rumeni stmaw l-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza u ta' rkupru, kif iddefinit skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, fil-livell ta' EUR 294 miljun, bl-akbar sehem jikkonċerna l-ispejjeż għat-tisħiħ ta' infrastruttura protettiva (imbankmenti) u għar-restawr tal-infrastruttura tat-trasport.

Ir-reġjun milqut huwa parti mir-"reġjun inqas żviluppat" taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020. L-awtoritajiet Rumeni ma indikawx lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jirrilokaw fondi mill-FSIE għal miżuri ta' rkupru. Ma ntalab ebda ħlas bil-quddiem.

F'konformità mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi applikata r-rata ta' 2,5 % tal-ħsara totali diretta għal każijiet taħt il-livell limitu ta' ''diżastru maġġuri'' (jiġifieri 0,6 % tad-DNG jew EUR 3 biljuni bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont). L-ammont totali ta' għajnuna propost għaldaqstant jammonta għal EUR 8 192 300.

 

L-Italja - Avvenimenti estremi tat-temp

Fil-ħarifa tal-2018, il-parti l-kbira tar-reġjuni Taljani mit-Tramuntana san-Nofsinhar intlaqtu minn avvenimenti estremi tat-temp li wasslu għall-uqigħ tal-art, għargħar u siġar li waqgħu, u ħallew 34 vittma u persuna waħda nieqsa. Il-ħsarat materjali kienu jinkludu tħarbit kbir fin-netwerks tat-toroq u tax-xmajjar, ħsarat f'bini pubbliku u privat, interruzzjonijiet fin-netwerks tal-elettriku u tal-gass, u telf sinifikanti għall-ekonomija relatata mal-injam kif ukoll għat-turiżmu. Dawn l-avvenimenti tat-temp jistgħu jitqiesu bħala avveniment wieħed mill-perspettiva meteoroloġika.

Fl-applikazzjoni tagħhom tal-20 ta' Diċembru 2018 u aġġornata fis-27 ta' Marzu 2019, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw stimi ta' ħsara ta' EUR 6,6 biljun (ammont aġġornat), li jirrappreżenta 192 % tal-limitu applikabbli għall-Italja. Dawn ir-rapporti ta' ħsarat ġew ikkonfermati minn rapporti tas-Servizz ta' Mmappjar Rapidu Copernicus u mill-bażi ta' data tal-Laboratorju Ewropew tal-Maltempati Severi. Għalhekk, l-applikazzjoni tikkwalifika bħala ''diżastru naturali kbir'' kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament.

L-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza u rkupru ġiet stmata għal aktar minn EUR 1 700 miljun, bl-akbar sehem jikkonċerna t-tisħiħ tal-infrastruttura protettiva.

Tlieta mir-reġjuni affettwati (il-Calabria, il-Campania u Sqallija) huma ''reġjuni inqas żviluppati'' taħt il-FSIE, tnejn huma ''reġjuni fi tranżizzjoni'' (l-Abruzzo u Sardinja), filwaqt li d-9 l-oħra huma ''reġjuni aktar żviluppati''. Ma ġietx indikata l-intenzjoni li jiġu riallokati fondi FSIE għall-miżuri ta' rkupru.

Għal darb'oħra skont il-prattika preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-assistenza għandha tkun progressiva u tipproponi li tiġi applikata rata ta' 2,5 % għall-ħsara inqas mill-valur ta' limitu ta' ''diżastru naturali maġġuri'' u 6 % għall-ħsara li taqbeż il-limitu. L-ammont totali ta' għajnuna propost għaldaqstant jammonta għal EUR 277 204 595.

 

L-Awstrija - Avvenimenti estremi tat-temp

F'Ottubru 2018, il-fenomeni meteoroloġiċi li affettwaw l-Italja affettwaw ukoll il-Carinthia u t-Tirol tal-Lvant fin-Nofsinhar tal-Awstrija. Xita qawwija u riħ qawwi ħafna kkawżaw għargħar, ħsara sinifikanti fil-foresti, uqigħ tal-art u qtugħ fil-provvista tal-enerġija.

L-awtoritajiet Awstrijaċi applikaw għal kontribuzzjoni mill-Fond fl-14 ta' Jannar 2019 u aġġornaw l-applikazzjoni fl-20 ta' Frar 2019. L-istima tal-ħsara totali diretta ta' EUR 326,2 miljun hija inqas mil-limitu għal ''diżastri enormi'' applikabbli għall-Awstrija fl-2018 u l-limitu ta' ''diżastru reġjonali'', jiġifieri 1,5 % tal-PDG reġjonali. Peress li d-diżastru kien ikkawżat mill-istess kundizzjonijiet meteoroloġiċi li kkawżaw id-diżastru enormi fl-Italja, l-applikazzjoni hija eliġibbli skont l-hekk imsejħa ''dispożizzjoni dwar il-pajjiż ġar'' deskritta fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament.

L-awtoritajiet Awstrijaċi stmaw l-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza u rkupru fil-livell ta' EUR 214,5 miljun bl-akbar sehem jikkonċerna miżuri għat-tisħiħ tal-imbankmenti tax-xmajjar u biex tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija.

Ir-reġjuni milquta huma ''reġjuni aktar żviluppati'' skont il-FSIE. L-awtoritajiet Awstrijaċi ma talbux li jsir ħlas bil-quddiem iżda indikaw l-intenzjoni li jużaw flejjes mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-ħolqien mill-ġdid ta' miżuri ta' protezzjoni tal-foresti.

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi applikata r-rata tas-soltu ta' 2,5 % għal diżastri skont d-dispożizzjoni dwar il-''pajjiż ġar'', biex b'hekk tintlaħaq proposta ta' kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-Fond ta' EUR 8 154 899.

 

Konklużjoni

L-ammont totali propost li għandu jiġi mobilizzat għar-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija huwa ta' EUR 293 551 794. Dan jirrikjedi emenda tal-baġit tal-2019 permezz ta' abbozz ta' baġit emendatorju (ABE 3/2019) bil-għan li tiżdied il-linja baġitarja 13 06 01 "Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija" bl-ammont imsemmi hawn fuq kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament.

L-ammont totali disponibbli fil-bidu tal-2019 kien ta' EUR 851 082 072, jiġifieri s-somma tal-allokazzjoni tal-2019 ta' EUR 585 829 691, flimkien mal-allokazzjoni tal-2018 ta' EUR 265 252 381 li baqgħu ma ntefqux u li ġew riportati għall-2019.

Din hija l-ewwel deċiżjoni ta' mobilizzazzjoni tal-2019 u jkun fadal EUR 557 530 278 għall-bqija tal-2019, ferm aktar mill-ammont li legalment jeħtieġ jitwarrab sal-1 ta' Ottubru 2019 skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar il-QFP (25 % tal-allokazzjoni annwali tal-2019, jiġifieri EUR 146 457 423).

Ir-Rapporteur jappoġġja l-Istati Membri li jużaw il-FSIE għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tapprova b'mod rapidu r-riallokazzjoni tal-ftehim ta' sħubija mitlub mill-Awstrija għar-rikostruzzjoni ta' dawn ir-reġjuni.

Ir-Rapporteur jirrakkomanda l-approvazzjoni rapida tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni annessa ma' dan ir-rapport, li twassal għall-mobilizzazzjoni rapida tal-ammonti msemmija qabel, bħala simbolu ta' solidarjetà Ewropea għat-tliet Stati Membri kkonċernati.

 

 

 

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea</Titre> <DocRef>(COM(2019)0206 – C9-0005/2019 – 2019/2023(BUD))</DocRef>

Għażiż Sur Van Overtveldt,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex tingħata assistenza lir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija (COM(2019)0206 – C9-0005/2019 – 2019/2023(BUD)) ġiet riferita għall-opinjoni lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali. Jidher li hemm il-ħsieb li dalwaqt ser jiġi adottat rapport dwar dan fil-Kumitat għall-Baġits.

 

Din il-proposta ser timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kif ġej:

(a) EUR 8 192 300 f'assistenza għar-rispons għal xita qawwija ripetuta u għargħar fuq skala kbira fir-reġjun tal-Grigal tar-Rumanija fis-sajf tal-2018;

(b) EUR 277 204 595 f'assistenza għar-rispons għal avvenimenti estremi tat-temp li wasslu għal valangi, għargħar u qerda ta' siġar f'kważi r-reġjuni kollha tal-Italja matul il-ħarifa tal-2018;

(c) EUR 8 154 899 f'assistenza għar-rispons għal xita qawwija u irjieħ tal-maltemp li wasslu għal għargħar, ħsara sinifikanti lill-foresti, uqigħ tal-art u qtugħ tal-elettriku f'Carinthia u fit-Tirol tal-Lvant fl-Awstrija f'Ottubru 2018.

 

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FSUE huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-koordinaturi tal-kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninformak li l-maġġoranza ta' dan il-kumitat ma għandu ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jiġi allokat l-ammont imsemmi hawn fuq hekk kif propost mill-Kummissjoni.

 

Dejjem tiegħek,

Younous Omarjee

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.9.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Clotilde Armand, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Jonathan Bullock, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Valerie Hayer, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, John Howarth, Mislav Kolakušić, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Henrik Overgaard Nielsen, Jake Pugh, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Damian Boeselager, Herbert Dorfmann

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

35

+

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Hélène Laporte

NI

Mislav Kolakušić

PPE

Lefteris Christoforou, Herbert Dorfmann, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

RENEW

Clotilde Armand, Olivier Chastel, Valerie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds

S&D

Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini, John Howarth, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Nils Ušakovs

VERTS/ALES

Rasmus Andresen, Damian Boeselager, David Cormand, Alexandra Geese

 

1

-

ID

Joachim Kuhs

 

3

0

NI

Jonathan Bullock, Henrik Overgaard Nielsen, Jake Pugh

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[5] Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1.).

[7] ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

[8] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[9] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

 Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Settembru 2019Avviż legali