IT-TIENI RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

30.9.2019 - (2018/2168(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Isabel García Muñoz

Proċedura : 2018/2168(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0010/2019
Testi mressqa :
A9-0010/2019
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0320/2018)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2017,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet,[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019[5] li tiddifferixxi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2017, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[7], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019),

1. Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2017;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019),

A. billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtiġilhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

B. billi l-Parlament huwa l-uniku korp direttament elett fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bir-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

C. billi l-proċedura tal-għoti ta' kwittanza b'mod separat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika stabbilita minn żmien ilu u aċċettata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha għajr il-Kunsill, u billi din il-proċedura ġiet żviluppata biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tiġi segwita l-ġlieda meħtieġa kontra l-frodi;

1. Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom awtonomija amministrattiva fi kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; jissottolinja l-importanza li jaġixxu b'mod responsabbli u professjonali fl-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

2. Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, hekk kif regolat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju u li, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u tal-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju;

3. Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija lill-mistoqsijiet, u wara li jisma' s-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; itenni li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem bis-sħiħ u b'rieda tajba fil-proċedura ta' kwittanza annwali, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra; jiddispjaċih bid-diffikultajiet li nqalgħu s'issa fil-proċeduri ta' kwittanza tal-Kunsill;

4. Jiddispjaċih li l-Kunsill reġa' naqas milli jagħti risposti lill-mistoqsijiet bil-miktub mibgħuta mill-Parlament, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma attendiex is-seduta ta' smigħ organizzata fis-27 ta' Novembru 2018 fil-kuntest tal-proċedura annwali ta' kwittanza; jiddispjaċih ukoll li l-Kunsill ukoll ma tax risposta għall-osservazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 u li b'hekk injora r-rwol tal-Parlament;

5. Ifakkar fid-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza tal-Kunsill sal-lum minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill u li wasslet biex il-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009-2016 u f'Marzu 2019 għas-sena finanzjarja 2017;

6. Jinnota li l-Kunsill ta risposta għall-proposta tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar il-proċedura ta' kwittanza tal-Kunsill fit-2 ta' Mejju 2018 bi proposta emendata, u li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bagħat ir-reazzjoni tiegħu għall-proposta emendata tal-Kunsill fis-16 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jirreaġixxi rapidament għall-aktar proposta reċenti biex b'hekk l-arranġamenti l-ġodda għall-proċedura ta' kwittanza jkunu jistgħu jiġu applikati mill-aktar fis possibbli;

7. Jiddispjaċih li t-talba biex il-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jiġi sseparat f'baġit wieħed għal kull istituzzjoni, magħmula mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet preċedenti ta' kwittanza, ma ġietx ikkunsidrata; jinsisti fuq din is-separazzjoni li tikkontribwixxi għal aktar trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja taż-żewġ istituzzjonijiet u ttejjeb ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tan-nefqa tagħhom;

8. Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2017 għall-2018, b'mod partikolari dawk relatati mal-għamara, mat-tagħmir tekniku, mat-trasport u mas-sistemi informatiċi; ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jagħti biżżejjed informazzjoni dwar il-politika tal-proprjetà immobbli;

9. Jilqa' pożittivament l-isforzi għat-tkomplija tat-titjib tal-ġestjoni u l-prestazzjoni finanzjarja, bħall-armonizzazzjoni tal-ippjanar baġitarju fuq livell ċentrali bl-integrazzjoni tal-Attività Pluriennali u l-Ippjanar tal-Baġit (MABP);

10. Jirrikonoxxi titjib fil-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tal-Kunsill, bħal pereżempju li r-regoli interni għar-rapportar ta' irregolaritajiet serji jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Kunsill flimkien ma' gwida dwar l-etika u l-imġiba għall-membri tal-persunal tal-Kunsill; jappella lill-Kunsill biex jissensibilizza dwar dawn ir-regoli u jiżgura li l-membri kollha tal-persunal jiġu informati kif xieraq dwar drittijiethom;

11. Ifakkar li l-Kunsill qabel fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal reġistru ta' trasparenza obbligatorju fis-6 ta' Diċembru 2017, iżda għadu ma implimentahiex; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill ma pparteċipax fl-iskema tar-reġistru ta' trasparenza; jappella bis-sħiħ lill-Kunsill ikompli bid-diskussjonijiet dwar l-aspetti tekniċi tal-pakkett ta' strumenti dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza, biex jintlaħaq qbil politiku bejn it-tliet istituzzjonijiet mill-aktar fis possibbli, hekk kif aktar trasparenza fi ħdan l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jżidu l-fiduċja pubblika fl-Unjoni;

12. Jenfasizza li l-Parlament appoġġja b'votazzjoni f'seduta plenarja l-proposti tal-Ombudsman Ewropew relatati mar-rakkomandazzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni b'mod aktar faċli (trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill, OI/2/2017/TE); ifakkar li l-Kunsill għandu, fost oħrajn, jirreġistra b'mod sistematiku l-pożizzjoni ta' kull Stat Membru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli għall-pubbliku għall-klassifikazzjoni ta' dokumenti bħala 'LIMITE', skont id-dritt tal-Unjoni, u jiżviluppa paġna web dedikata għal kull proposta leġiżlattiva u jtejjeb il-faċilità għall-utent li juża r-reġistru pubbliku tad-dokumenti;

13. Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għalkollox fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni;

14. Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill b'rispett dovut għar-rwoli rispettivi tagħhom; iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f'għamla ta' proċedura ta' djalogu miftuħ u formali tkun sinjal pożittiv għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni rrapportata mill-mezzi tal-informazzjoni Ewropej dwar l-isponsorizzazzjoni minn impriżi tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Unjoni u jirrifletti t-tħassib espress miċ-ċittadini tal-Unjoni u mill-Membri tal-Parlament; jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma mistennija jiffinanzjaw il-Presidenzi tagħhom u jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin saret prassi komuni li jsir użu minn sponsorizzazzjoni minn impriżi biex jiġu koperti wħud mill-ispejjeż tagħhom f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni u r-riskju ta' telf ta' fiduċja li din il-prattika jista' jkollha fuq l-Unjoni, fuq l-istituzzjonijiet tagħha u speċjalment fuq il-Kunsill f'għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jissuġġerixxi li l-Kunsill jadotta linji gwida biex jippromwovi t-trasparenza finanzjarja u l-indipendenza tal-Presidenzi; jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kunsill jipprevedi l-ibbaġitjar tal-Presidenzi; ser jissorvelja mill-qrib il-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew relatata ma' din il-kwistjoni; jitlob lill-Kunsill jippreżenta dan it-tħassib lill-Istati Membri, b'mod partikolari lit-Triju ta' Presidenzi attwali;

16. Huwa inkuraġġit bil-fatt li l-Kunsill iqis li jeħtieġ li jindirizza l-proċedura ta' kwittanza u huwa miftuħ għas-sejba ta' soluzzjoni flimkien mal-Parlament dwar kif għandhom jikkooperaw f'din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.9.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Tamás Deutsch, Raffaele Fitto, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Michael Heaver, Joachim Kuhs, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Katalin Cseh, Derk Jan Eppink, Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu, Viola Von Cramon-Taubadel, Lucia Vuolo

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

25

+

ECR

Derk Jan Eppink, Raffaele Fitto

ID

Matteo Adinolfi, Joachim Kuhs, Lucia Vuolo

NI

Michael Heaver, Sabrina Pignedoli

PPE

Lefteris Christoforou, Tamás Deutsch, Markus Pieper, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

RENEW

Olivier Chastel, Katalin Cseh, Cristian Ghinea, Ramona Strugariu

S&D

Caterina Chinnici, Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

VERTS/ALE

Daniel Freund, Mikuláš Peksa, Viola Von Cramon-Taubadel

 

0

-

 

 

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza