Proċedura : 2019/2114(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0021/2019

Testi mressqa :

A9-0021/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2019 - 5.3
CRE 14/11/2019 - 5.3

Testi adottati :

P9_TA(2019)0053

<Date>{08/11/2019}8.11.2019</Date>
<NoDocSe>A9-0021/2019</NoDocSe>
PDF 190kWORD 63k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour)</Titre>

<DocRef>(COM(2019)0442 – C9-0127/2019 – 2019/2114(BUD))</DocRef>


<Commission>{BUDG}Kumitat għall-Baġits</Commission>

Rapporteur: <Depute> José Manuel Fernandes</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ITTRA tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour)

(COM(2019)0442 – C9-0127/2019 – 2019/2114(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0442 – C9-0127/2019),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0021/2019),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu; billi dan il-każ jinvolvi grupp ta' età partikolarment vulnerabbli, li fih aktar minn 81 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

C. billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2019/001 BE/Carrefour għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 751 sensja matul il-perjodu ta' referenza fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt in-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 47 (Kummerċ bl-imnut, ħlief vetturi bil-mutur u muturi), bejn it-30 ta' Novembru 2018 u t-30 ta' Marzu 2019; billi 268 ħaddiem addizzjonali ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta' referenza; billi, skont il-Kummissjoni, tista' tiġi stabbilita rabta ta' kawżalità ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza; billi l-ebda fond jew programm ieħor ma ġie użat b'rabta mal-fatti deskritti fl-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju;

D. billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom intemmet;

E. billi skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Belġju ddeċieda li jipprovdi wkoll servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil 330 żagħżugħ u żagħżugħa li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs);

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Belġju għandu d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 632 028 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 720 047, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 2 665 047 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, amministrazzjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 55 000;

2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fl-20 ta' Ġunju 2019 u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-4 ta' Ottubru 2019 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3. Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Diċembru 2018, għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Diċembru 2018 sal-20 ta' Ġunju 2021;

4. Jinnota li l-Belġju, fil-25 ta' Jannar 2018, beda nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG u li n-nefqa fuq attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar bejn il-25 ta' Jannar 2018 u l-20 ta' Diċembru 2021 għalhekk se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

5. Ifakkar li d-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa wkoll l-iżviluppi emerġenti tas-suq tax-xogħol, b'enfażi speċjali fuq il-bidla lejn ekonomija sostenibbli u bbażata fuq sorsi effiċjenti;

6. Ifakkar li din hija l-14-il applikazzjoni tal-Belġju, u li dawk l-applikazzjonijiet koprew varjetà ta' setturi: vetturi, manifattura ta' metalli bażiċi, tessuti, makkinarju u tagħmir, ħġieġ u, f'dan il-każ, is-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa kopert fil-Belġju għall-ewwel darba; ifakkar li s'issa din hija l-10 applikazzjoni tal-FEG li tkopri s-settur tal-bejgħ bl-imnut;

 7. Jirrikonoxxi li l-kummerċ bl-imnut għaddej minn perjodu ta' bidla kbira, minħabba l-globalizzazzjoni (il-kummerċ elettroniku, ix-xiri online), li jirriżulta f'sensji u li t-tibdil fix-xejriet fid-drawwiet tal-konsumaturi u d-diġitalizzazzjoni għandhom ukoll impatt fuq il-kummerċ bl-imnut; jenfasizza li s-sensji f'Carrefour Belgique SA ma jikkonċernawx direttament lill-industrija tal-ikel, iżda fil-biċċa l-kbira għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ elettroniku ta' oġġetti, bħal kotba u tagħmir elettroniku; jinnota li dawn it-tipi ta' sensji jistgħu jiżdiedu aktar fil-futur minħabba d-diġitalizzazzjoni, problema li għandha tiġi kkunsidrata fid-diskussjonijiet futuri dwar il-FEG fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għas-snin 2021 sa 2027;

8. Jemmen li l-globalizzazzjoni tirrappreżenta sfida għall-Unjoni; iqis, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta' qgħad ieħor jinvolvi l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet fil-kumpaniji Ewropej; jistenna li Carrefour Belgique SA tiżgura d-djalogu soċjali ta' kwalità għolja meħtieġ mal-ħaddiema tagħha matul dan il-proċess;

9. Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna b'kollox 1 019 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Carrefour Belgique SA, u li s-sensji kienu jikkonċernaw lill-Belġju kollu; jinnota, barra minn hekk, li l-Belġju jistenna li 400 biss mit-total ta' benefiċjarji eliġibbli se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira), jiġifieri l-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-Wallonja peress li dawk is-sensji għandhom impatt negattiv partikolarment sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi u b'hekk fuq l-ekonomija reġjonali tal-Wallonja minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi fir-reġjun, ir-rata relattivament għolja ta' qgħad u, b'konsegwenza ta' dan, id-diffikultajiet mistennija ta' riallokazzjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, b'mod partikolari dawk li għandhom 50 sena jew aktar; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-rata tal-qgħad ta' 8,6 % fil-Wallonja hija konsiderevolment ogħla mir-rata tal-qgħad medja ta' 6,9 % fl-UE, li hija aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad ta' 3,5 % fir-reġjun Fjamming; 

10. Jinnota, barra minn hekk, li l-Belġju jipproponi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 330 żagħżugħ u żagħżugħa li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni, jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena fid-data ta' sottomissjoni tal-applikazzjoni, peress li 240 mis-sensji msemmija fil-paragrafu 5 qed iseħħu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Provinċja ta' Hainaut u l-Provinċja ta' Liège, li kellhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena ta' mill-inqas 20 %, abbażi tad-data annwali disponibbli għall-2018;

11. Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) Appoġġ/Gwida/Integrazzjoni, (ii) Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, (iii) Appoġġ lejn il-ħolqien tan-negozju, (iv) Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (v) Benefiċċji; jenfasizza li, f'dan il-każ, ir-rilevanza tal-appoġġ, il-gwida u l-integrazzjoni, kif ukoll it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ vokazzjonali hija evidenzjata mill-għadd ta' parteċipanti stmati (730 parteċipant stmat fl-ewwel azzjoni, 460 fit-tieni);

12. Jenfasizza li n-NEETs se jkunu mħarrġa b'mod partikolari dwar kif jistgħu jfittxu u japplikaw għall-impjieg, u se jkunu infurmati aħjar dwar il-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u l-appoġġ fil-proċeduri amministrattivi. Barra minn hekk, għandu jingħata benefiċċju ta' kull xahar ta' EUR 350 lill-ħaddiema u n-NEETs li jwettqu studji full-time ta' mill-inqas sena;

13. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal fil-Belġju f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, b'mod partikolari mat-trade unions, mal-konsulenti vokazzjonali u mal-ħaddiema soċjali, sabiex jerġgħu jiġu kkunsidrati diversi soluzzjonijiet ta' riallokazzjoni adattati għall-ħtiġijiet ta' ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg;

14. Jenfasizza li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

15. Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

16. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 


 

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[6].

(3) Fl-20 ta' Ġunju 2019, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji f'Carrefour, Belgique SA. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Belġju ddeċieda li jipprovdi servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil 330 żagħżugħ u żagħżugħa li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) ukoll.

(5) Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 632 028 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(6) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2019, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 632 028 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni][*].

Magħmula fi,

Għall-Parlament Ewropew   Għall-Kunsill

Il-President   Il-President


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[7] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[8], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Rigward il-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[9], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni tal-Belġju u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-4 ta' Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn intrapriża waħda li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 47 (Kummerċ bl-imnut, ħlief vetturi bil-mutur u muturi).

Din hija l-ewwel applikazzjoni li se tiġi eżaminata taħt il-baġit tal-2019 u l-għaxar waħda fis-settur tal-bejgħ bl-imnut minn mindu ġie stabbilit il-FEG. Tirrigwarda 1 019 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 632 028 mill-FEG għall-Belġju.

Il-Belġju jargumenta li s-sensji huma marbuta ma' bidliet kbar fix-xejriet tal-kummerċ bl-imnut minħabba l-globalizzazzjoni u b'mod partikolari ż-żieda fix-xiri online, li jirriżultaw f'sensji. Ix-xejriet li jinbidlu tad-drawwiet tal-konsumaturi u d-diġitalizzazzjoni wkoll għandhom impatt fuq il-kummerċ bl-imnut.

Il-ħames tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

a. Appoġġ/Gwida/Integrazzjoni;

b. Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali;

c. Appoġġ lejn il-ħolqien ta' negozju;

d. Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju;

e. Benefiċċji.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.

Il-Belġju avża lill-Kummissjoni dwar il-fatt li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma l-fondi tar-Reġjun ta' Wallonja. Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

 

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 632 028 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01). F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.


 

 

ITTRA tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

WIE 05U012

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2019/001 BE/Carrefour</Titre> <DocRef>(COM(2019)0442 – C9‑0127/2019 – 2019/2114(BUD))</DocRef>

Għażiż President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, ippresedut mill-Viċi President tal-Kumitat EMPL Tomáš Zdechovský, eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2019/001 BE/Carrefour u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 751 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Carrefour Belgique SA, li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2: negozju bl-imnut, għajr vetturi bil-mutur u muturi;

B) Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Belġju jargumenta li r-raġuni ewlenija wara t-tnaqqis fil-forza tax-xogħol huma x-xiri online u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll ix-xejriet relatati li qed jinbidlu tad-drawwiet tal-konsumaturi;

C) Billi t-tkabbir kostanti ta' bejgħ fuq l-internet għal ħafna snin ikkontribwixxa fil-każ ta' Carrefour għal tnaqqis fil-bejgħ ta' prodotti mhux tal-ikel (tal-moda, kotba, tal-kompjuters u l-elettronika, tas-saħħa u sbuħija eċċ) fl-ipermarkits tagħha, u b'hekk immina l-profittabbiltà ta' dawn it-tip ta' punti ta' bejgħ; billi l-perċentwal tax-xerrejja online fil-Belġju żdied minn 46 % fl-2012 għal 67 % fl-2018;

D) Billi Carrefour Belgium topera permezz ta' tliet marki kummerċjali, li tnejn minnhom huma profittabbli u qed jespandu - Carrefour Express u Carrefour Market, filwaqt li fost il-Carrefour Hypermarkets, 19 minn 45 mhumiex profittabbli;

E) Billi sal-lum, is-settur tal-bejgħ bl-imnut kien is-suġġett ta' 10 applikazzjonijiet tal-FEG, li tnejn minnhom huma bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ[10] u tmienja minnhom fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali[11];

F) Billi, fost l-400 ħaddiem fil-mira, in-nisa jirrappreżentaw 70.5 % u l-irġiel 29.5 %, filwaqt li 81.3 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn 55 u 64 sena, 17 % huma bejn it-30 u l-54 sena, 1.7 % bejn il-25 u d-29 sena. Għaldaqstant, it-total stmat ta' benefiċjarji li huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri, inklużi n-NEETs, huwa 730;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Belġjana:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti, u li għalhekk il-Belġju għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 632 028 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 720 047;

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Belġjani sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fl-4 ta' Ottubru, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3. Jirrikonoxxi l-impatt negattiv sinifikanti mistenni fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi u fl-ekonomija reġjonali tal-Wallonja, li jirriżulta mill-iskarsezza tal-impjiegi fir-reġjun, ir-rata ta' qgħad reġjonali relattivament għolja (8.6 %) meta mqabbla ma' 3.5 % fi Flanders u d-diffikultajiet mistennija ta' riallokazzjoni għall-ħaddiema ssensjati, b'mod partikolari dawk li għandhom 50 sena jew aktar;

4. Jinnota li l-Belġju se joffri servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 330 żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni. 240 tas-sensji jseħħu fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 tal-Provinċja ta' Hainaut u tal-Provinċja ta' Liège;

5. Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs jinkludu azzjonijiet għall-appoġġ, gwida, taħriġ ta' integrazzjoni, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, appoġġ għall-ħolqien ta' negozju, kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju u allowances;

6. Jenfasizza li n-NEETs se jkunu mħarrġa b'mod partikolari għat-tfittxija u l-applikazzjoni ta' impjieg, u se jkunu infurmati aħjar dwar il-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u l-appoġġ fil-proċeduri amministrattivi. Barra minn hekk, għandu jingħata benefiċċju ta' kull xahar ta' EUR 350 lill-ħaddiema u l-NEETs li jwettqu studji full-time ta' mill-inqas sena;

7. Jenfasizza li l-ħaddiema se jingħataw aktar setgħa permezz ta' miżuri, bħall-konsulenza, azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija u n-netwerking ma' imprendituri rilevanti u ma' kowċis ċċertifikati ta' negozji ġodda. Jgħid ukoll li l-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000;

8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-involviment attiv tas-sħab soċjali fid-definizzjoni tal-pjan soċjali u l-koordinazzjoni tal-intervent tas-servizzi pubbliċi kkonċernati, peress li s-servizz ta' impjieg pubbliku tal-Wallonja kkonsulta mat-trade unions dwar diversi soluzzjonijiet ta' riallokazzjoni kif ukoll dwar il-ħtiġijiet ta' ħiliet u taħriġ mill-ġdid/titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema;

9. Jinnota l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani li l-azzjonijiet proposti ma jirċevux appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li jkunu komplementari ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Josserva wkoll li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata għandha tagħmel skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

10. Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

 

Dejjem tiegħek,

Lucia Ďuriš Nicholsonová

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

6.11.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Clotilde Armand, Anna Bonfrisco, Jonathan Bullock, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valerie Hayer, Niclas Herbst, John Howarth, Mislav Kolakušić, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Ušakovs, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Erik Bergkvist, Monika Vana

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

30

+

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca

GUE/NGL

Dimitrios Papadimoulis

ID

Hélène Laporte

NI

Mislav Kolakušić, Ioannis Lagos

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Janusz Lewandowski, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

RENEW

Clotilde Armand, Olivier Chastel, Valerie Hayer, Nicolae Ştefănuță

S&D

Erik Bergkvist, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini, John Howarth, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Nils Ušakovs

VERTS/ALE

Rasmus Andresen, Alexandra Geese, Francisco Guerreiro, Monika Vana

 

3

-

ID

Joachim Kuhs

NI

Jonathan Bullock

RENEW

Moritz Körner

 

2

0

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[4]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[5]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[6]  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

[*] Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

[7] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[8] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[9] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[10] L-applikazzjoni attwali u EGF/2017/005 FI/Retail, COM(2017) 618.

[11] EGF/2010/010 CZ/Unilever, COM(2011) 61,

EGF/2010/016 ES/Aragón Retail, COM(2010) 615,

EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas, COM(2011) 580,

EGF/2014/009 EL/Sprider Stores, COM(2014) 620,

EGF/2014/013 EL/Odyssefs Fokas, COM(2014) 702,

EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa, COM(2016) 210,

EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail, COM(2016) 742, u

EGF/2017/003 GR Attica Retail, COM(2017) 613.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali