Proċedura : 2014/2845(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0116/2014

Testi mressqa :

B8-0116/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kWORD 72k
16.9.2014
PE537.018v01-00
 
B8-0116/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-kunflitt ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-kunflitt ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))  
B8‑0116/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Lulju 2014 u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-Moon, tat-13 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Iżrael u l-Palestina huma firmatarji tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-aħħar rapporti adottati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-Territorju Palestinjan Okkupat,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tas-26 ta' Awwissu fl-Eġittu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Parlament tenna kemm-il darba l-appoġġ tiegħu għad-dritt ta' awtodeterminazzjoni tal-Palestinjani, u billi ma hemmx dubju dwar id-dritt tagħhom għal stat proprju;

B.     billi l-Eġittu qed iwettaq rwol importanti biex intlaħaq il-ftehim ta' waqfien mill-ġdid u biex jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għal ftehim ta' paċi li jtawwal fiż-żmien;

C.     billi ċ-ċifri tan-NU jindikaw li 2 139 Palestinjan ġew maqtula, fosthom 490 tifel u tifla, filwaqt li madwar 500 000 resident ta' Gaża ġew spustati u 20 000 dar ġew meqruda f'Gaża, u 80 Iżraeljan inqatlu fil-vjolenzi, inkluż tifel wieħed;

D.     billi attwalment hemm 33 membru tal-Parlament Palestinjan, żewġ ministri u 7 000 ċittadin Palestinjani li qegħdin jinżammu fil-ħabsijiet Iżraeljani, inklużi madwar 500 persuna li qegħdin jinżammu f'detenzjoni amministrattiva mingħajr akkuża jew proċess;

E.     billi l-EUBAM Rafah (il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntiera għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah) ssospendiet l-attivitajiet tagħha fil-Punt tal-Qsim ta' Rafah fl-2007.

F.     billi fit-3 ta' Lulju 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jestendi l-mandat tal-EUBAM Rafah bi 12-il xahar, mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 abbażi tal-mandat attwali tagħha;

G.     billi l-EU BAM Rafah ilu ma jopera fil-Punt tal-Qsim ta' Rafah (RCP) sa mill-2007 minħabba l-kontroll tal-Istrixxa ta' Gaża mill-Ħamas; billi madankollu l-UE għadha żżomm l-acquis tal-AMA u r-rwol tal-UE bħala parti terza bħala importanti u tinsab lesta li tniedi l-attivitajiet tagħha mill-ġdid fil-punt tal-qsim ta' Rafah f'każ li l-kundizzjonijiet politiċi u ta' sigurtà jippermettu;

H.     billi l-maġġoranza tal-membri parlamentari Palestinjani li attwalment qed jinżammu fl-Iżrael kienu arrestati f'Ġunju u f'Lulju 2014;

1.      Jesprimi, għal darb' oħra, l-kondoljanzi tiegħu għall-vittmi kollha tal-kunflitt armat u l-familji tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali miż-żewġ naħat;

2.      Jirrikonoxxi u jfaħħar ir-rwol imwettaq mill-Eġittu fin-negozjati għall-waqfien mill-ġlied; jappoġġa l-awtoritajiet Eġizzjani fil-ħidma kontinwa tagħhom mal-Iżraeljani u mal-Palestinjani għall-istabbiliment ta' waqfien mill-ġlied fit-tul u fl-identifikazzjoni tar-rwol strateġiku tiegħu bħala medjatur attwali u futur għal riżoluzzjoni paċifika; jilqa' r-rapporti reċenti li l-Eġizzjani waslu biex jibdew diskussjonijiet għal waqfien mill-ġlied permanenti;

3.      Jilqa' d-deċiżjoni bilaterali mill-Gvern Iżraeljan u mill-Awtorità Palestinjana li aċċettaw il-proposta Eġizzjana għal waqfien mill-ġlied f'Gaża; jistieden liż-żewġ naħat jirrispettaw it-termini kollha tal-waqfien mill-ġlied;

4.      Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-Awtorità Palestinjana sabiex jirrikonoxxu b'mod reċiproku l-possibilità li jimplimentaw soluzzjoni ta' żewġ stati fil-futur;

5.      Jistieden liż-żewġ naħat jonoraw it-termini tal-waqfien mill-ġlied u partikolarment id-deċiżjoni għall-estensjoni mill-ġdid taż-żona tas-sajd għal 6 mili nawtiċi u aktar tard għal 12;

6.      Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-Awtorità Palestinjana jiżguraw l-applikazzjoni minnufih tat-termini tal-waqfien mill-ġlied u jitlob liż-żewġ partijiet iwettqu l-kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġdid, peress li dan hu ta' interess bilaterali u ukoll kundizzjoni għal paċi dejjiema fir-reġjun u l-ħolqien tal-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jitħaffef it-tieni rawnd ta' negozjati għall-paċi;

7.      Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali ewlenin, partikolarment lill-Eġittu u lill-Ġordan, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni u biex jiksbu riżultati konkreti;

8.      Jenfasizza għal darb'oħra li l-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani ma jistax jissolva b'mezzi militari iżda biss permezz ta' proċess paċifiku u nonvjolenti; jitlob għal darb'oħra t-tkomplija mill-ġdid ta' taħdidiet ta' paċi diretti bejn iż-żewġ partijiet;

9.      Jenfasizza l-fatt li hu kruċjali li l-Awtorità Palestinjana, l-UE, l-Eġittu u l-Ġordan jaħdmu b'mod deċiż, biex jiżguraw id-diżarm tal-gruppi armati f'Gaża u biex jiżguraw li fil-futur dawn il-gruppi ma jarmawx mill-ġdid u ma jmorrux lura għall-kuntrabandu tal-armi, il-manifattura tal-missili u t-tħaffir ta' mini;

10.    Jenfasizza l-bżonn li kemm iċ-ċittadini Iżraeljani u dawk Palestinjani għandhom id-dritt li jgħixu fil-paċi u f'sigurtà fi fruntieri sikuri u mingħajr periklu u ż-żewġ naħat għandhom jaċċettaw dan b'mod uffiċjali;

11.    Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu rwol politiku aktar attiv, u jħeġġeġ lill-UE biex twettaq ir-responsabilitajiet tagħha bħala attur influwenti u biex tieħu f'idejha l-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

12.    Jappoġġa l-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha għall-ħolqien ta' perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

13.    Ifakkar, għal darb'oħra, il-fatt li l-UE hi impenjata li tassisti fl-implimentazzjoni tal-elementi prattiċi assoċjati mal-ftehim attwali milħuq mill-Awtorità Palestinjana u mill-Iżraek, u biex tiżgura li t-taħdidiet futuri għall-paċi, inkluż it-tieni rawnd fl-Eġittu li hu skedat għas-26 ta' Settembru 2014, jikkunsidraw t-tneħħija tal-imblokk ta' Gaża, il-bini ta' port marittimu fl-Istrixxa ta' Gaża, il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport f'Gaża, ir-rilaxx tal-priġunieri Palestinjani, ir-ritorn tal-iġsma tas-suldati Iżraeljani u d-demilitarizzazzjoni ta' Gaża;

14.    Jenfasizza l-fatt li l-miżuri ta' paċi u nonvjolenti huma l-unika mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

15.     Jitlob it-tkomplija tat-taħditiet diretti għall-paċi bejn iż-żewġ partijiet;

16.    Jitlob għal kummissjoni ta' inkjesta indipendenti li tinvestiga l-ħsara kkawżata mill-kunflitt armat u biex jiġu stmati l-kostijiet ta' rikostruzzjoni;

17.    Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati għall-kunflitt fuq il-bażi tal-fruntieri tal-1967 b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà;

18.    Jitlob li jitneħħa l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża, flimkien ma' mekkaniżmu effikaċi ta' kontroll li jipprevjeni l-kuntrabandu tal-armi f'Gaża;

19.    Jirrikonoxxi l-bżonnijiet ta' sigurtà leġittimi tal-Iżrael;

20.    Jitlob li sseħħ azzjoni konkreta li tippermetti r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' Gaża, bl-UE tissorvelja l-implimentazzjoni;

21.    Jiddikjara l-bżonn urġenti li l-UE tassisti fir-rijabbilitazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-Istrixxa ta' Gaża;

22.    Jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jipprovdu appoġġ kontinwu lill-Awtorità Palestinjana u lill-Gvern Iżraeljan fin-negozjati għall-paċi tagħhom biex jistabbilixxu fruntieri sikuri u mingħajr periklu ta' Stat Palestinjan futur u fruntieri sikuri għall-Iżrael;

23.    Jitlob li jkun hemm kummissjoni ta' inkjesta indipendenti għar-rikostruzzjoni; jemmen li l-UE għandha tappoġġa bis-sħiħ - politikament u ekonomikament - l-istabbiliment ta' kummissjoni ta' inkjesta tal-UE indipendenti għar-rikostruzzjoni li għandha tikkoordina u tissorvelja, bl-għajnuna minn u bil-parteċipazzjoni tal-EUBAM, u l-użu ta' fondi tal-UE, li tiżgura li l-fondi tal-UE jaslu fid-destinazzjoni xierqa tagħhom u li dawn ma jintużawx għall-kostruzzjoni ta' mini, il-kisba tal-armi u ta' materjal splussiv ieħor jew ta' kwalunkwe attività legali oħra;

24.    Jitlob li jkun hemm kummissjoni ta' inkjesta tal-UE indipendenti għar-rikostruzzjoni li għandha tinħoloq biex tiżgura li l-fondi tal-UE jintużaw għall-bini ta' stabbilimenti edukattivi u mediċi, li tipprovdi taħriġ tal-persunal mediku u biex tittratta l-bżonnijiet primarji taċ-ċittadini;

25.    Jiddeplora l-espansjoni kontinwa tal-insedjamenti Iżraeljani, li huma illegali skont id-dritt internazzjonali u li jikkostitwixxu ostaklu għall-paċi, partikolarment f'din is-sitwazzjoni mhux stabbli ta' waqfien mill-ġlied;

26.    Jitlob lill-UE tadotta pożizzjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-Gvern Iżraeljan tat-30 ta' Awwissu 2014 rigward l-esproprjazzjoni ta' 400 ettaru ta' art madwar l-insedjament ta' Etzion qrib Betlem, għall-benefiċċju tal-insedjament ġar ta' Gvaot;

27.    Jitlob it-tneħħija minnufih tal-imblokk ta' Gaża sabiex jitħalla fluss aktar faċli ta' prodotti u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal għajnuna umanitarja u tagħmir ta' rikostruzzjoni;

28.    Jitlob lill-UE tenfasizza l-fatt li l-provviżjoni ta' assistenza umanitarja tkun protetta skont id-dritt umanitarju internazzjonali (Artikolu 59 tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949) u biex timpenja ruħha li tiżgura r-responsabilità għal kwalunkwe interferenza f'dan ir-rigward;

29.    Jitlob lill-Iżrael biex idejjaq iż-żona ta' sigurtà tul il-fruntieri fuq in-naħa ta' Gaża u biex jippermetti aċċess akbar għall-art tar-raba' qrib il-fruntiera lill-Palestinjani;

30.    Jitlob lill-Awtorità Palestinjana tassumi responsabilità għall-amministrazzjoni tal-fruntieri ta' Gaża;

31.    Jinnota li l-Unjoni Ewropea se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u l-implikazzjonijiet usa' tagħha u taġixxi konsegwentement;

32.    Jilqa' l-mossa tal-Iżrael li jeħles lill-Khalid Yahya Said, membru tal-Parlament Palestinjan mill-ħabs ta' Megiddo; Jitlob lill-Iżrael sabiex jeħles minnufih it-33 membru tal-Parlament Palestinjan u liż-żewġ ministri li għadhom miżmuma fid-detenzjoni amministrattiva Iżraeljana mingħajr akkuża u mingħajr proċess, u jfakkar li l-membri tal-Parlament Palestinjan ġew eletti fuq bażi demokratika u li għandha tiġi rrispettata l-espressjoni demokratika taċ-ċittadini kollha;

33.    Jitlob lis-SEAE testendi l-kompetenzi tal-EUBAM Rafah għal dawk ta' missjoni ta' osservazzjoni tal-UE responsabbli għall-fondi tal-UE kollha allokati għar-reġjun, peress li din ilha inattiva sa mill-2007, filwaqt li l-mandat tagħha ġie estiż għall-2014;

34.    Jitlob lill-UE tiskjera t-truppi tal-EUBAM Rafah għall-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE b'mod ġenerali u partikolarment jekk il-fondi tal-UE jintużaw għall-kostruzzjoni ta' ajruport u ta' port marittimu f'Gaża fil-futur;

35.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Eġittu u lill-Gvern tar-Renju tal-Ġordan.

 

Avviż legali