Proċedura : 2014/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0124/2014

Testi mressqa :

B8-0124/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 377kWORD 63k
16.9.2014
PE537.026v01-00
 
B8-0124/2014

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-risposta tal-UE għat-tifqigħa tal-Ebola (2014/2842(RSP))


Fabio De Masi, Sabine Lösing, Merja Kyllönen, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Lola Sánchez Caldentey, Pablo Echenique, Pablo Iglesias, Teresa Rodriguez-Rubio, Tania González Peñas, Marina Albiol Guzmán, Kateřina Konečná, Marisa Matias, Patrick Le Hyaric, Helmut Scholz, Dimitrios Papadimoulis, Malin Björk, Cornelia Ernst, Sofia Sakorafa, Kostadinka Kuneva, Iosu Juaristi Abaunz, João Ferreira, Inês Cristina Zuber, Miguel Viegas, Emmanouil Glezos, Kostas Chrysogonos, Barbara Spinelli, Martina Michels f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-risposta tal-UE għat-tifqigħa tal-Ebola (2014/2842(RSP))  
B8‑0124/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' "emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali" tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għar-Rispons tal-Ebola tal-WHO tat-28 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Africa mill-Kummissarju għas-saħħa, Tonio Borg tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-Ebola mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, president internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Marda tal-Virus tal-Ebola (EVD), li qabel kienet magħrufa bħala d-deni emorraġiku Ebola, hija marda severa, ħafna drabi fatali fil-bniedmin;

B.     billi t-tifqigħa tal-Ebola li ġiet uffiċjalment iddikjarata fit-22 ta' Marzu fil-Ginea, bħalissa qiegħda taffetwa r-reġjun kollu tal-Punent tal-Afrika, u speċjalment il-Liberja, in-Niġerja, Sjerra Leone u s-Senegal;

C.     billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-Ebola bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali, fej issejjaħ għal rispons internazzjonali koordinat;

D.     billi ħafna mill-NGOs attivi fuq il-post bħal Médecins Sans Frontières u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar ikkundannaw ir-rispons internazzjonali bħala inadegwat b'mod perikoluż;

E.     billi d-dipartiment tal-Kummissjoni Ewropea għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili wiegħed aktar minn EUR 147 miljun f'għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp biex irażżan it-tixrid tal-virus, jipprovdi trattament u tagħmir essenzjali lil persuni infettati u jiskjera esperti umanitarji;

F.     billi EUR 11.9 miljun biss mill-EUR 147 miljun mwiegħda speċjalment jindirizzaw uħud mill-aktar bżonnijiet umanitarji urġenti;

G.     billi l-Istati Membri tal-UE għandhom il-kapaċità li jimmobilizzaw timijiet ta' rispons immedjat biex jiżguraw djanjosi bikrija, iżolament (bil-każijiet suspetti u l-każijiet ikkonfermati fi swali differenti), il-monitoraġġ ta' persuni f'kuntatt u li jintraċċaw katini ta' trażmissjoni u kura tas-saħħa immedjata għall-popolazzjonijiet affetwati;

H.     billi l-pajjiżi affetwati diġà qegħdin ibatu min-nuqqas ta' ikel u ilma nadif u kollass ekonomiku ikkawżat bit-tfixkil fil-kummerċ, titjiriet kummerċjali u xogħol ta' ħsad wara t-tifqigħa tal-epidemija;

I.      billi t-tifqigħa żvelat nuqqas fis-sistemi u s-servizzi tas-saħħa tal-pajjiżi affetwati u l-bżonn urġenti għal appoġġ biex dawn jissaħħu;

1.      Jikkundanna t-telf ta' ħajjiet fir-reġjun iddevastat mit-tifqigħa tal-Ebola;

2.      Jiddispjaċih bir-rispons bil-mod u redikolu mill-Istati Membri għal din it-tifqigħa tal-Ebola u d-dewmien fl-għoti ta' strateġija adegwata u koordinata;

3.      Iħeġġeġ biex issir laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi strateġija biex timmobilizza r-rispons mediku biex tingħata għajnuna umanitarja mill-Istati Membri skont il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

4.      Jitlob għal preparamenti għall-iskjerament urġenti ta' persunal mediku ċivili speċjalizzat u l-mmobilizzazzjoni ta' speċjalizzazzjoni medika internazzjonali;

5.      Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-WHO, għall-skjerament ta' 165 persunal mediku speċjalizzat minn Kuba fir-reġjun affetwat, l-ikbar offerta ta' tim mediku barrani minn pajjiż wieħed waqt din it-tifqigħa tal-Ebola;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal pjanijiet ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet u pjanijiet speċifiċi għal pajjiż biex tiddetermina d-domanda ta' persunal tas-saħħa, laboratorji mobbli, tagħmir tal-laboratorju, ħwejjeġ protettivi u l-istabbilment ta' swali ta' iżolament;

7.      Jikkunsidra l-pjan direzzjonali għar-rispons tal-Ebola tal-WHO bħala l-bażi għall-attivitajiet ta' prijorità, speċjalment ir-rispons differenzjat tal-pajjiżi b'trażmissjoni mxerrda ħafna, każijiet inizjali u pajjiżi ġirien fejn il-preparamenti għandhom jiġu msaħħa;

8.      Jistieden lill-Istati Membri biex jikkordinaw titjiriet u jistabbilixxu pontijiet tal-arja dedikati għaċ-ċaqliq ta' persunal u tagħmir tas-saħħa lejn il-pajjiżi affetwati u biex jipprovdu evakwazzjoni medika jekk hi neċessarja;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Avviż legali