Proċedura : 2014/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0126/2014

Testi mressqa :

B8-0126/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0026

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 76k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0107/2014
16.9.2014
PE537.028v01-00
 
B8-0126/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))


Davor Ivo Stier, Peter Liese, Giovanni La Via, Bogdan Brunon Wenta, Gabrielius Landsbergis, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Françoise Grossetête, Annie Schreijer-Pierik, Philippe Juvin, Cristian Dan Preda, Mariya Gabriel, Francesc Gambús f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))  
B8‑0126/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014 fir-rigward tat-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika bħala Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta' Tħassib Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE Borg dwar t-tfaqqigħ tal-Ebol fil-Punent tal-Afrika tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-laqgħa ta' koordinazzjoni tas-sistema kollha tan-Nazzjonijiet Uniti msejħa fit-13 ta' Awwissu 2014 li s-Segretarju Ġenerali Ban Ki-moon sejjaħ b'rispons għat-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika, iż-żona perikoluża ta' trażmissjoni tal-marda tkun iż-żona fejn il-fruntieri tal-Ginea, tal-Liberja, u ta' Sjerra Leone jiltaqgħu;

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea dwar il-kriżi tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-15 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Ebola Response Roadmap (il-Pjan Direzzjonali b'Rispons għall-Ebola) tal-WHO ppubblikat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali tan-NU dwar l-Ebola tat-2 ta' Settembru 2014 mid-Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières,

–       wara li kkunsidra s-sejħa ta' salvataġġ internazzjonali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tal-5 ta' Settembru 2014 biex in-Nazzjonijiet Uniti jkunu mmobilizzati f'kull mod possibbli biex jirrispondu għat-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika,

–       wara li kkunsidra l-avviż tal-WHO tal-5 ta' Settembru 2014 li esperti li ħadu sehem f'diskussjoni ta' jumejn dwar terapiji u vaċċini tal-Ebola possibbli identifikaw diversi interventi terapewtiċi u vaċċini li għandhom ikunu l-fokus ta' evalwazzjoni klinka ta' prijorità f'dan iż-żmien, inklużi żewġ vaċċini tal-Ebola promettenti,

–       wara li kkunsidra l-konferma tal-President Barack Obama tas-7 ta' Settembru 2014, li l-Istati Uniti tgħin tikkoordina sforz globali biex trażżan l-epidemija tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika qabel l-involviment tal-militar tal-Istati Uniti, inklużi l-istabbiliment ta' unitajiet ta' iżolament, il-konsenja ta' tagħmir, u l-forniment ta' sigurtà għal forza globali ta' ħaddiema fil-qasam tas-saħħa pubblika,

–       wara li kkunsidra s-sejħa ta' Médecins Sans Frontières tal-10 ta' Settembru 2014 għal mobilizzazzjoni militari internazzjonali, hekk kif l-epidemija tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika saret theddida għas-sigurtà nazzjonali u globali, bir-reġjun sħiħ jaffaċċja mhux biss kriżi tas-saħħa iżda wkoll kriżi umanitarja u ta' sigurtà,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi t-tfaqqigħ tal-Ebola attwali li affettwa r-reġjun fil-Punent tal-Afrika (il-Liberja, Sjerra Leone, il-Ginea, in-Niġerja u l-aktar reċenti s-Senegal) li beda f'Diċembru 2013, huwa l-agħar tfaqqigħ tal-epidemija;

B.     billi l-WHO rrappuratat li sa mis-6 ta' Settembru, 4 269 każ u 2 288 mewt ġew irrapurtati riżultat tat-tfaqqigħ attwali tal-virus tal-Ebola fil-Ginea, il-Liberja u fi Sjerra Leone; billi fin-Niġerja, kien hemm 21 każ u 8 każi ta' mewt, u fis-Senegal, każ minnhom ġie kkonfermat;

C.     billi, fid-9 ta' Settembru 2014, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Karin Landgren, għarrfet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-firxa tal-Ebola fil-Liberja, fejn enfasizzat li l-ħeffa u l-iskala tat-telf ta' ħajjiet, u r-riverberazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, politiċi u ta' sigurtà tal-kriżi, qed jaffettwaw b'mod profond lil-Liberja, b'minn tal-anqas 2 070 każ dokumentat, li jinkludu minn tal-anqas 160 ħaddiem fil-qasam tas-saħħa;

D.     billi bosta mill-ħaddiem fil-qasam tas-saħħa jwettqu dmirijiethom mingħajr tagħmir protettiv xieraq, taħriġ jew ħlas; billi riti funebbri lokali li jinvolvu l-mess u l-ħasil tal-mejtin, flimkien mat-tradizzjoni tradizzjoni li wieħed jieħu ħsieb qrabatu u ħbiebu morda, qed jikkontribwixxu għall-firxa tal-virus;

E.     billi skont l-Aġenzija tas-Saħħa tan-NU, miżuri standard, bħal identifikazzjoni bikrija u iżolament tal-każijiet, ittraċċar tal-kuntatti, sorveljar u proċeduri rigorużi għall-kontroll tal-infezzjoni, waqqfu t-tfaqqigħ tal-Ebola preċedenti, inklużi dawk fl-Uganda, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kif ukoll fil-Gabon, u jistgħu jerġgħu jagħmlu l-istess;

F.     billi l-impenji enormi biex tiġi indirizzata l-Ebola żvelaw dgħjufijiet istituzzjonali persistenti u profondi, inkluż fis-settur tas-sigurtà, u jikkontribwixxu għal inċertezza ekonomika;

G.     billi bord ta' etika ta' 12-il membru mlaqqa' mill-WHO f'Awwissu 2014 ħabbar li huwa etiku li pazzjenti bl-Ebola jiġi trattati b'droga sperimentali biex jiġi miġġieled l-akbar, l-aktar sever u l-aktar tfaqqigħ kumpless tal-virus tal-Ebola fl-istorja;

H.     billi fil-bidu ta' Awwissu, ħaddiema fil-qasam tas-saħħa Nancy Writebol u Kent Brantly ġew imsiefra lejn l-Istati Uniti għat-trattament wara li ġew infettati; billi t-tnejn ġew rilaxxati mill-isptar wara li ġew trattati b'serum sperimentali msejjaħ Zmapp;

I.      billi fit-8 ta' Awwissu, l-Unjoni Afrikana stabbilixxiet l-ASEOWA, missjoni biex tiġġieled l-Ebola għall-bidu fuq perjodu ta' 6 xhur, bil-kwartieri ġenerali tagħha fil-Liberja, u massimu ta' persunal ta' 100 ruħ sabiex tikkoordina operazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, iżżomm kuntatt mal-atturi umanitarji, tipprovdi appoġġ mediku u tassisti lill-awtoritajiet lokali jikkonsolidaw il-kontroll fuq l-epidemija; billi l-UE ħabbret li se tipprovdi EUR 5 miljun f'appoġġ għall-missjoni tal-Unjoni Afrikana stabbilita fit-8 ta' Awwissu 2014;

J.      billi fl-10 ta' Settembru 2014 kważi USD 4 miljun ġew uffiċjalment approvati għas-Servizz Umanitarju bl-Ajru tan-NU (UNHAS) biex jappoġġjaw l-operazzjonijiet fil-Punent tal-Afrika; billi l-finanzjament se jassisti l-Programm Dinji tal-Ikel, li jmexxi l-UNHAS, fit-trasportar tal-persunal umanitarju, provvisti mediċinali, tagħmir u merkanzija umanitarja essenzjali oħra b'mod rapidu u effiċjenti lejn diversi postijiet remoti fil-Ginea, il-Liberja, in-Niġerja u Sjerra Leone,

K.     billi s'issa, is-sħab umanitarju rċevew USD 7.6 miljun mill-Fond Ċentrali tan-NU għar-Rispons f'Emerġenza b'appoġġ għar-rispons inizjali tagħhom għat-tfaqqigħ tal-Ebola fl-erba' pajjiżi, iklużi kura tas-saħħa ta' emerġenza u għajnuna tal-ikel: il-Ginea (USD 2.7 miljun), il-Liberja (USD 1.9 miljun), in-Niġerja (USD 1.5 miljun) u Sjerra Leone (USD 1.5 miljun);

L.     billi l-Kummissjoni Ewropea ilha żżid ir-rispons tagħha għall-epidemija minn Marzu 2014; billi fil-5 ta' Settembru 2014 il-Kummissjoni ħabbret pakkett addizzjonali ta' EUR 140 miljun f'finanzjament għall-pajjiżi li attwalment huma milquta bil-virus tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika: il-Ginea, Sjerra Leone, il-Liberja u n-Niġerja;

M.    billi l-UE bagħtet esperti umanitarji fir-reġjun, jissorveljaw is-sitwazzjoni u jżommu kuntatt mall-organizzazzjonijiet imsieħba u l-awtoritajiet lokali; billi diversi timijiet ta' speċjalisti Ewropej mil-Laboratorju Mobbli Ewropew għal mard perikoluż li jittieħed intbagħtu lejn il-Ginera, in-Niġerja u l-Liberja b'laboratorji mobbli biex jappoġġjaw id-dijanjostiċi tad-deni emorraġiku virali, analiżijiet rapidi tal-kampjuni u konfermi tal-każijiet;

N.     billi s-Segretarju Ġenerali Ban Ki-moon se jsejjaħ lill-mexxejja miġbura fi New York għas-segment ta' livell għoli li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' din is-sena biex jenfasizza l-ħtiġijiet urġenti u r-rispons meħtieġ għat-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika;

1.      Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tfaqqigħ tal-virus tal-Ebola li laqat diversi pajjiżi fil-Punent tal-Afrika u b'mod speċjali l-fatt li l-marda kompliet aggravat, u f'xi każijiet reġgħet tfaċċat anke f'postijiet fejn kienet ġiet ikkontrollata; jisħaq li l-EU teħtieġ tappoġġja kontinwament lis-sħab Afrikani tagħha u tikkoopera magħhom mill-qrib fil-ġlieda kontra din il-marda qerrieda;

2.      Jisħaq li dan huwa l-aktar tfaqqigħ sever li qatt ġie rrekordjat li ħataf il-ħajja ta' 'l fuq minn elfejn ħajja;

3.      Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-gvernijiet Afrikani u lill-popli milquta mit-tfaqqigħ; jieħu nota tad-deċiżjoni reċenti meħuda mil-WHO biex tiddikjara t-tfaqqigħ tal-Ebola bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali, u jappella għas-solidarjetà u l-appoġġ tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll mal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li qed jiġġieldu din il-marda;

4.      Iwissi li l-kriżi tal-Ebola saret waħda kumplessa, b'implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u tas-sigurtà, li se jkomplu jaffettwaw lir-reġjun ħafna aktar lil hinn mill-emerġenza medika attwali;

5.      Jisħaq li t-tfaqqigħ tal-Ebola hija sfida ta' sigurtà globali u mhijiex biss problema tal-Punent tal-Afrika iżda problema fuq skala globali;

6.      Jistieden lill-komunità internazzjonali tagħmel kull sforz sabiex tħaffef u tiżviluppa terapiji effikaċi u siguri biex tiġġieled l-Ebola; huwa, madankollu, tal-istess opinjoni tal-WHO li l-investigazzjoni ta' dawn it-terapiji m'għandhiex tnaqqas l-attenzjoni mill-implimentazzjoni ta' kura klinika effikaċi, mill-prevenzjoni u l-kontroll rigoruz tal-infezzjonijiet, mill-ittraċċar tal-kuntatti u mis-segwitu bir-reqqa, u mill-mobbilizzazzjoni soċjali, li kollha kemm huma huma essenzjali biex iwasslu fi tmiemhom tfaqqigħ ta' mard;

7.      Jissottolinja li rispons għall-Ebola b'suċċess jeħtieġ tmexxija kostanti, għax in-nuqqas ta' fiduċja, hekk kif intwera fil-każ tan-nuqqas ta' kapaċità tal-Gvern tal-Liberja biex jindirizza l-kriżi, ikkontribwixxa għal sejħiet mid-dijaspora għal tranżizzjoni organizzata mill-gvern preżenti; jitlob għall appoġġ internazzjonali biex jiġi żgurat li l-Liberja tkompli fit-triq għall-paċi u prosperità fit-tul, ikun żgurat ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni taċ-ċivili, kif ukoll komunikazzjoni pubblika effikaċi u miżuri oħra għall-bini tal-fiduċja;

8.      Jilqa' f'dan ir-rigward diskussjonijiet dwar kif l-isforzi għaż-żamma tal-paċi tan-NU jistgħu jappoġġjaw aktar il-ġlieda kontra l-Ebola fil-Liberja; jisħaq li dawn għandhom jinkludu forniment ta' sigurtà u faċilitajiet għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll appoġġ loġistiku għal faċilitajiet u tagħmir tas-saħħa essenzjali;

9.      Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha u tikkoordina azzjonijiet mal-Istati Uniti u sħab internazzjonali oħra biex jiġġieldu t-tfaqqigħ tal-virus tal-Ebola;

10.    Jilqa' l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-missjoni ASEOWA tal-Unjoni Afrikana biex tiġġieled kontra l-Ebola u jisħaq li l-UE għandha tappoġġja lill-awtoritajiet Afrikani tal-pajjiżi milquta fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta' emerġenza;

11.    Jilqa' l-impenn ta' total ta' EUR 140 miljun permezz ta' diversi programmi tal-UE u għajnuna addizjonali minn Stati Membri bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-UE għal rispons internazzjonali b'saħħtu u kkoordonat;

12.    Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 

Avviż legali