Proċedura : 2014/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0131/2014

Testi mressqa :

B8-0131/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0028

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 135kWORD 68k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0111/2014
16.9.2014
PE537.033v01-00
 
B8-0131/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Mariya Gabriel, Tokia Saïfi, Philippe Juvin, Davor Ivo Stier, Monica Luisa Macovei, Gabrielius Landsbergis, Dubravka Šuica f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))  
B8‑0131/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2014 tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) intitolat "Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya"),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu tal-partijiet involuti f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-iskontri bejn il-forzi ta' milizzji rivali, speċjalment minn Misrata u Zintan, żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, u l-ġlied għall-kontroll ta' Tripli u Benghazi, b'mod partikolari, iddestabilizza lil-Libja u t-tranżizzjoni tagħha lejn id-demokrazija, u kkawżaw għadd dejjem jikber ta' mwiet, , persuni spostati internament (IDPs) u rifuġjati fost il-popolazzjoni ċivili;

B.     billi l-milizzji affiljati mal-Iżlamisti huma assoċjati mal-gruppi armati Iżlamisti, bħall-Istat Iżlamiku, AQIM, al-Jammaa al-Libiya, al-Moukatila u Ansar al-Charia,

C.     billi fl-24 ta' Awwissu 2014 il-forzi ta' milizzja affiljati mal-Iżlamisti ħadu taħt idejhom il-belt ta' Tripli u l-ajruport ċivili tagħha;

D.     billi hemm allegazzjonijiet ta' każijiet ta' ksur li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra kontra ż-żewġ partijiet involuti fil-kunflitt;

E.     billi, fis-16 ta' Mejju, l-ex Ġeneral Libjan Khalifa Haftar, Kap tal-Armata Nazzjonali Libjana mhux rikonoxxuta, nieda l-"Operazzjoni Dinjità"

F.     billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi saru fil-25 ta' Ġunju 2014; billi, wara l-episodji ta' vjolenza reċenti, il-Kamra tad-Deputati eletta b'mod leġittimu tmexxiet minn Tripli għal Tobruk, u billi l-milizzji Iżlamisti ma jirrikonoxxu la l-Kamra tad-Deputati u lanqas il-Gvern il-ġdid, u fformaw il-gvern u l-parlament tagħhom,

G.     billi, skont il-mezzi tax-xandir tal-Istat Libjan, l-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni, eletta fi Frar 2014 u magħmula minn 60 rappreżentant mit-tliet reġjuni storiċi tal-Libja, se tippubblika abbozz ta' kostituzzjoni fi tmiem l-2014 u jista' jsir referendum dwarha f'Marzu 2015,

H.     billi, fl-assenza tal-istat tad-dritt fil-Libja, qed jiżdiedu l-każijiet ta' Nsara u minoranzi reliġjużi oħra li jiġu ppersegwitati, arrestati, maħtufa u maqtula; billi l-gvern ma kienx kapaċi jipprevjeni l-attakki tal-gruppi Iżlamisti fuq il-minoranzi reliġjużi;

1.      Jikkundanna l-vjolenza li dejjem qed tiżdied, b'mod partikolari fuq il-popolazzjoni ċivili u l-istituzzjonijiet ċivili; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt iwaqqfu kull vjolenza u jilħqu ftehim dwar waqfien mill-ġlied sabiex itemmu s-sofferenza li dejjem qed tiżdied; jappella sabiex dawk li kkawżaw il-vjolenza jinżammu responsabbli;

2.      Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw il-prinċipji umanitarji internazzjonali sabiex jiżguraw l-għoti ta' għajnuna umanitarja, is-sikurezza taċ-ċivili li jirċievu l-għajnuna u s-sigurtà tal-persunal umanitarju;

3.      Jistieden lill-gvern interim tal-Libja, lill-Kamra tad-Deputati eletta u l-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni jwettqu l-kompiti tagħhom fi spirtu ta' inklużività u fl-interessi tal-pajjiż u bil-għan li jħarsu d-drittijiet tal-Libjani kollha; jistieden lill-partijiet kollha jappoġġjawhom u jipparteċipaw fi djalogu politiku inklużiv biex jibnu mill-ġdid l-istabbiltà u jilħqu ftehim dwar kif għandhom jipproċedu;

4.      Itenni l-aspettattivi tiegħu li l-istituzzjonijiet ta' tmexxija jimpenjaw ruħhom fil-bini ta' stat tolleranti, unifikat u demokratiku fil-Libja, li jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem għaċ-ċittadini Libjani kollha u li jipproteġi lill-minoranzi reliġjużi; jistieden lill-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni tkompli l-ħidma tagħha abbażi ta' dawn il-prinċipji u bil-għan li tipproteġi d-drittijiet tal-Libjani kollha;

5.      Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal-Libja, Bernardino León biex jippromwovu u jiffaċilitaw djalogu nazzjonali fost il-politiċi u l-atturi influwenti fil-Libja;

6.      Jilqa' t-twessigħ tas-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti kontra l-Libja, permezz tar-riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jiġu inklużi nies jew entitajiet "li huma involuti fl-appoġġ jew li qed jipprovdu appoġġ", atti li "jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja jew jostakolaw jew jikkompromettu t-twettiq b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-pajjiż",

7.      Jistieden lill-pajjiżi ġirien iżommu lura milli jaġixxu b'mod li jirriskjaw li jiggravaw il-kriżi; jistedinhom jassistu lil-Libja biex tegħleb il-kriżi u b'mod partikolari tispezzjona l-merkanzija dieħla fil-Libja jew ħierġa minnha, sabiex twaqqaf it-tranżitu tal-armi u oġġetti pprojbiti oħra li jkomplu jħeġġu l-kunflitt;

8.      Jinnota, bi tħassib kbir, li l-kriżi Libjana tpoġġi f'riskju s-sigurtà tar-reġjun kollu tal-Afrika ta' fuq u ta' Sahel; jisħaq fuq il-fatt li l-porożità tal-fruntieri Libjani, kif ukoll in-nuqqas ta' kontroll politiku ċentrali, s'issa iffaċilita ħafna l-proliferazzjoni u t-traffikar ta' armi, kif ukoll il-moviment liberu ta' gruppi armati reġjonali;

9.      Jinsab imħasseb ferm bit-theddida li jirrappreżentaw l-armi u l-munizzjon mingħajr sigurtà fil-Libja u t-trasferiment potenzjali tagħhom lil gruppi terroristiċi jew gruppi estremisti vjolenti;

10.    Jinsab imħasseb ferm dwar il-preżenza li dejjem qed tikber ta' gruppi terroristiċi u individwi assoċjati ma' Al-Qaeda li qed joperaw fil-Libja; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat mill-atti ta' terroriżmu;

11.    Itenni l-appoġġ u l-impenn sod tal-UE għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Libjan, b'mod partikolari matul il-kriżi attwali u waqt it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija tal-pajjiż; jitlob li jissaħħaħ l-involviment tal-UE fl-appoġġ għal tranżizzjoni lejn l-istabbiltà u d-demokrazija fil-Libja;

12.    Josserva li l-UE tat bidu għal Missjoni tal-UE fil-Fruntiera (EUBAM) fil-Libja, li s'issa għadha ma kinitx f'pożizzjoni li tappoġġa konkretament lill-awtoritajiet Libjani biex itejbu u jiżviluppaw is-sigurtà tal-fruntieri tal-pajjiż; jinnota li din il-missjoni hija attwalment sospiża, u ħafna mill-persunal reġgħu ntbagħtu lura lejn pajjiżhom minħabba l-kundizzjonijiet ta' sigurtà, bl-eċċezzjoni ta' tim żgħir li ġie rilokat f'Tuneż; jistieden lill-Kunsill jagħmel rieżami radikalital-missjoni u l-mandat tagħha, kif ukoll jipprovdilha l-mezzi biex tilħaq l-objettivi tagħha; jekk dan ma jsirx, jitlob lill-Kunsill itemm il-missjoni;

13.    Jagħti istruzzjonijiet tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.

Avviż legali