Proċedura : 2014/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0135/2014

Testi mressqa :

B8-0135/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0028

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 132kWORD 199k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0111/2014
16.9.2014
PE537.037v01-00
 
B8-0135/2014

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))


Marietje Schaake, Jozo Radoš, Marielle de Sarnez, Andrus Ansip, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Ivan Jakovčić, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))  
B8‑0135/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru tal-Missjoni ta' Appoġġ fil-Libja tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSMIL) intitolat "Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya"),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Persunal Assoċjat, u l-Protokott Alternattiv tagħha,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2013 li ħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata fil-Libja (EUBAM),

–       wara li kkunsidra ratifikazzjoni tal-Libja fil-25 ta' April 1981 tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li Tirregola l-Aspetti Speċifiċi tal-Problemi tar-Rifuġjati fl-Afrika,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-iskontri bejn il-forzi tal-milizzja rivali intensifikaw f'dawn l-aħħar xhur u l-battalji għall-kontroll ta' Tripli u Benghazi, b'mod partikolari, iddestabilizzaw lill-Libja u t-tranżizzjoni tagħha lejn id-demokrazija u kkawżaw, f'numri dejjem jiżdiedu, imwiet fost il-popolazzjoni ċivili, persuni spostati internament u rifuġjati;

B.     billi fil-ġimgħat li għaddew kien hemm deterjorament qawwi fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-istabilità politika tal-Libja;

C.     billi fl-24 ta' Awwissu 2014 il-forzi tal-milizzja affiljati mal-Iżlamisti ħadu taħt idejhom Tripli u l-ajruport ċivili tagħha;

D.     billi l-UNSMIL ingħatat il-kompitu tal-isforz prinċipali għall-bini tal-istat, u l-Unjoni Ewropea ffokat fuq l-appoġġ għal-Libja permezz tal-EUBAM;

E.     billi hemm rapporti ta' involviment minn barra fil-vjolenza fil-Libja, inkluż fil-forma ta' azzjoni militari u l-forniment ta' armi u munizzjon;

F.     billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti 2174 (2014) tawtorizza projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' assi kontra "individwi u entitajiet determinati mill-Kumitat biex jingaġġaw ruħhom fl-appoġġ jew jipprovdu appoġġ għal atti oħra li jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sikurezza tal-Libja, jew li jostakolaw jew jimminaw is-suċċess tal-proċess sħiħ tat-tranżizzjoni politika";

1.      Jistieden lill-partijiet kollha jiftiehmu dwar waqfien immedjat mill-ġlied u sabiex jieqfu l-kumbattimenti, u jikkundanna ż-żieda fil-vjolenza, b'mod partikolari kontra l-poplu ċivili u l-istituzzjonijiet ċivili;

2.      Jenfasizza li destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Libja tfisser theddida serja għar-reġjun, il-poplu Libjan u l-Unjoni Ewropea;

3.      Huwa mħasseb profondament dwar rapporti ta' involviment ta' atturi reġjonali fil-vjolenza fil-Libja;

4.      Jikkundanna kull forma ta' vjolenza u intimidazzjoni, inkluż il-qtil, l-istupru u l-attakki sesswali, is-serq bl-użu tal-armi, il-ħtif, it-teħid ta' ostaġġi, is-sekwestru ta' persuni u d-detenzjoni;

5.      Jappoġġja l-isforzi tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal-Libja;

6.      Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieħu azzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Libja, permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja;

7.      Jistieden lir-Rappreżentant Għoli jirrieżamina l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata fil-Libja bil-ħsieb li titfassal missjoni ġdida fi ħdan il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, li tqis is-sitwazzjoni mibdula fil-Libja, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa urġenti għall-bini tal-istat, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u r-riforma tas-settur tas-sigurtà;

8.      Jissuġġerixxi li r-Rappreżentant Għoli u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jista' jkollhom rwol strumentali biex iġibu waqfien mill-ġlied fil-Libja u jfasslu mekkaniżmu biex jimmonitorjawh;

9.      Jitlob lir-Rappreżentant Għoli jeżamina l-possibilità li jittieħdu miżuri kontra persuni speċifiċi ħatja li tawlu l-atti ta' vjolenza u li kisru d-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-azzjonijiet;

10.    Jibqa' mħasseb dwar il-proliferazzjoni tal-armi, il-munizzjon u s-sustanzi splussivi fil-Libja, li ġġib magħha riskju għall-istabilità fil-pajjiż u għall-popolazzjoni tiegħu;

11.    Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li kellhom in-nisa fit-tranżizzjoni tal-Libja, u jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali fil-Libja u l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet nazzjonali fil-livelli kollha;

12.    Jilqa' l-estensjoni tal-miżuri kontra ċerti individwi, kif deċiż fir-Riżoluzzjoni tal-UNSC 2174 (2014); jistieden lir-Rappreżentant Għoli jeżamina t-teħid ta' miżuri kontra dawk l-individwi li huma meqjusa li jaqgħu f'din id-definizzjoni;

13.    Jenfasizza l-fatt li l-gvern ċentrali għandu jamministra l-isfruttament u l-bejgħ taż-żejt, u jistieden lill-komunità internazzjonali żżomm lura minn kull tranżazzjoni ma' atturi oħra;

14.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt armat jirrispettaw il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza sabiex jiżguraw l-għoti ta' għajnuna umanitarja, is-sikurezza tal-poplu ċivili li qed jirċievi għajnuna u s-sigurtà tal-persunal umanitarju;

15.    Ifakkar li l-attakki intenzjonali diretti kontra l-persunal involut f'assistenza umanitarja jew missjonijiet għaż-żamma tal-paċi f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

16.    Jistieden lill-istati kollha, b'mod partikolari l-istati ġara tal-Libja, isaħħu l-kontroll tal-fruntieri tagħhom, inkluż fil-portijiet tal-baħar u l-ajruporti, u biex jibqgħu jagħmlu spezzjonijiet fil-fond ta' kull merkanzija lejn u mil-Libja;

17.    Huwa mħasseb serjament dwar il-preżenza dejjem tiżdied ta' gruppi terroristiċi konnessi mal-Al-Qaeda u individwi li joperaw fil-Libja, u jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem applikabbli, id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali, kontra t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti ta' terroriżmu;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali Libjan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.

 

Avviż legali