Proċedura : 2014/2845(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0140/2014

Testi mressqa :

B8-0140/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0029

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 121kWORD 60k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0117/2014
16.9.2014
PE537.042v01-00
 
B8-0140/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))


Charles Tannock, Bas Belder, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Geoffrey Van Orden, Zdzisław Krasnodębski f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))  
B8‑0140/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-vjolenza bejn Gaża u l-Iżrael damet għal perjodu ta' 50 jum, li hu itwal mill-Operazzjoni Ċomb Fondut fl-2008/2009 u l-Operazzjoni Pilastru tad-Difiża fl-2012;

B.     billi l-gwerra bejn il-Ħamas u l-Iżrael għandha titqies fil-kuntest aktar wiesa' tal-kunflitt Iżraeljan-Għarbi;

C.     billi l-Ħamas hija organizzazzjoni identifikata mill-UE bħala waħda terroristika u ġie rrekordjat mill-media internazzjonali li qed tuża lil ċivili innoċenti bħala tarki umani;

D.     billi ċ-ċifri tan-NU jindikaw li nqatlu 72 persuna, inkluż tifel, fl-Iżrael waqt il-vjolenza, waqt li ndarbu 450 suldat u 80 ċivili, filwaqt li nqatlu 2 139 Palestinjan, inklużi 490 tifel u tifla, u ġew spustjati madwar 500 000 resident ta' Gaża u inqerdu 20 000 dar f'Gaża;

E.     billi l-Ħamas sparat aktar minn 3 700 rokit ġewwa l-Iżrael;

F.     billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija għall-Iżrael, b'kummerċ totali li, fl-2012, kien jammonta għal madwar EUR 33 biljun;

G.     billi, matul is-sajf tal-2014, seħħ għadd ta' kuntatti vjolenti u rvellijiet ħorox anti-Semitiċi f'diversi bliet Ewropej inklużi Londra u Pariġi bħala konsegwenza dirett tal-kunflitt bejn Gaża u l-Iżrael;

H.     billi hemm għadd ta' protagonisti ewlenin fi ħdan il-gruppi fil-kunflitt bejn Gaża u l-Iżrael, inklużi n-nazzjonijiet Għarab, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, il-Ġappun, istituzzjonijiet internazzjonali (l-aġenzija tan-NU), l-Istati Membri tal-UE u nazzjonijiet oħra;

1.      Ifaħħar il-ħeffa tal-avukat ġenerali militari tal-Iżrael fit-tnedija ta' investigazzjonijiet f'għadd ta' attakki bl-ajru li wettqu l-Forzi għad-Difiża ta' Iżrael, b'mod partikolari meta dak li jkun iqis il-fatt li l-Iżrael qed tiġġieled kontra l-Ħamas, organizzazzjoni identifikata mill-UE bħala waħda terroristika;

2.      Jasserixxi li hemm ħtieġa urġenti biex l-UE tassisti fil-kooperazzjoni bejn l-AP u l-Iżrael fir-rigward tar-riabilitazzjoni tal-Istrixxa ta' Gaża sabiex jiġi żgurat li l-ebda assistenza umanitarja ma tiġi ddevjata għal skopijiet terroristiċi kontra ċivili innoċenti; jinnota li l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża jirċievu livell ta' għajnuna li hu wieħed mill-ogħla fid-dinja;

4.      Jappella biex l-assistenza politika u monetarja tal-UE b'appoġġ għaċ-ċittadini tan-Nofsinhar tal-Iżrael li batew minn telf ekonomiku u ħsarat infrastrutturali minħabba rokits sparati minn Gaża;

5.      Jisħaq fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jipprovdu appoġġ kontinwu lill-AP u lill-gvern Iżraelja fin-negozjati tagħhom għall-paċi biex jiġu stabbiliti l-fruntieri ta' stat Palestinjan potenzjali fil-ġejjieni; ifakkar li l-UE tixtieq tara li Gaża tkun taħt it-tmexxija tal-AP, u timplimenta r-rispett tal-liġi u l-ordni u tikkonforma mal-valuri u l-prinċipji demokratiċi;

6.      Jirrikonoxxi u jfaħħar ir-rwol imwettaq mill-Eġittu fin-negozjati għall-waqfien mill-ġlied; jappoġġa lill-awtoritajiet Eġizzjani fil-ħidma kontinwa tagħhom mal-Iżraeljani u l-Palestinjani b'mod li jiġi stabbilit waqfien mill-ġlied għat-tul; jilqa' r-rapporti reċenti li l-Eġizzjani waslu biex jibdew diskussjonijiet għal waqfien mill-ġlied permanenti;

7.      Jisħaq fuq il-fatt li hu kruċjali li l-AP, l-UE, l-Eġittu u l-Ġordan jaħdmu b'mod deċiż, biex ikun żgurat li l-gruppi terroristiċi f'Gaża u fix-Xatt tal-Punent ma jkunux jistgħu jerġgħu jarmaw ruħhom u ma jerġgħux jibdew bil-kuntrabandu tal-armi, il-manifattura ta' rokits u l-bini ta' mini;

8.      Ifakkar, għal darba oħra, il-fatt li l-UE impenjat ruħha li tassisti bl-implimentazzjoni tal-elementi prattiċi assoċjati mal-ftehimiet kollha milħuqin mill-AP u l-Iżrael, inkluż billi tibgħat persunal biex jieħu ħsieb il-punti fejn jinqasmu l-fruntieri u billi tissorvelja l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti li deħlin u ħerġin minn Gaża;

9.      Jappella biex l-UE jkollha rwol pożittiv fil-faċilitazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u l-kunflitt Iżraeljan-Għarbi aktar estensiv b'mezzi paċifiċi u kostruttivi li jservu l-interessi tal-UE ta' sigurtà, stabilità u prosperità fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jinkoraġġixxu r-relazzjonijiet kummerċjali, kulturali, xjentifiċi, enerġetiċi, idriċi u ekonomiċi bejn l-Iżrael u l-ġirien tagħha;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Eġittu u lill-Gvern tar-Renju tal-Ġordan.

Avviż legali