Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0235/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0235/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea unika ta' aċċess għall-professjoni ta' għalliem, taħriġ kontinwu u valutazzjoni tar-rendiment

11.11.2014

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8‑0235/2014

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea unika ta' aċċess għall-professjoni ta' għalliem, taħriġ kontinwu u valutazzjoni tar-rendiment

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-bżonn li jiġi żgurat tagħlim ta' kwalità huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-qafas strateġiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, adottat fl-2009 mill-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej;

B.     billi l-Eurydice ippubblika studju komparattiv li jagħti ħarsa lejn il-qagħda attwali tal-professjoni tal-għalliema fi 32 pajjiż Ewropew (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija) li minnu joħorġu differenzi kbar bejn Stat u ieħor f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-professjoni, it-taħriġ kontinwu u l-valutazzjoni tar-rendiment;

C.     billi l-aktar kwalifika komuni biex persuna ssir għalliem hija l-lawrja universitarja tal-ewwel livell (bachelor), ħlief għall-għalliema tal-iskejjel sekondarji għolja li, fil-maġġoranza tal-pajjiżi, irid ikollhom lawrja universitarja tat-tieni livell (master);

D.     billi, f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ kontinwu, f'xi pajjiżi dan huwa parti mid-dmirijiet professjonali, filwaqt li f'oħrajn huwa fakultattiv, bir-riżultat li huwa biss fl-ewwel każ li l-għalliema jkunu qegħdin itejbu kontinwament il-ħiliet tagħhom;

E.     billi l-proċedura ta' valutazzjoni tal-għalliema tvarja ħafna: fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, il-valutazzjoni tal-għalliema hija responsabbiltà tal-kap tal-iskola, u ħafna drabi dan isir b'mod regolari; fil-Pajjiżi l-Baxxi, min-naħa l-oħra, il-valutazzjoni individwali tal-persunal issir mill-korp li jmexxi l-iskola, filwaqt li fil-Polonja, pereżempju, il-kap tal-iskola jivvaluta r-riżultati professjonali tal-għalliema meta għalliem iressaq talba ta' promozzjoni għal grad professjonali ogħla;

F.     billi l-profil professjonali tal-għalliema jeħtieġ jiġi rivedut u msaħħaħ permezz ta' taħriġ inizjali effikaċi garantit għall-għalliema u sistemi koerenti u mgħammra b'riżorsi adegwati għar-reklutaġġ, l-għażla, it-taħriġ inizjali, is-sostenn fil-bidu tal-karriera u żvilupp professjonali kontinwu u bbażat fuq il-ħiliet tal-persunal involut fit-tagħlim;

1.      Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta ġdida għal regolament dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea unika ta' aċċess għall-professjoni ta' għalliem, taħriġ kontinwu u valutazzjoni tar-rendiment.