Proċedura : 2014/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0286/2014

Testi mressqa :

B8-0286/2014

Dibattiti :

PV 26/11/2014 - 20
CRE 26/11/2014 - 20

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.8
CRE 27/11/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0071

ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 82k
24.11.2014
PE539.009v01-00
 
B8-0286/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))


Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Burkhard Balz, Krišjānis Kariņš, Michał Boni, Sabine Verheyen, Ivo Belet, Davor Ivo Stier, Ildikó Gáll-Pelcz, Siegfried Mureşan, Tomáš Zdechovský, Michaela Šojdrová, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Lara Comi f'isem il-Grupp PPE
Evelyne Gebhardt, Petra Kammerevert, Dan Nica, Evelyn Regner, Birgit Sippel, José Blanco López, Miriam Dalli, Miroslav Poche, Patrizia Toia, Flavio Zanonato, Alessandra Moretti, Marlene Mizzi, Liisa Jaakonsaari, Nicola Danti, Catherine Stihler, Lucy Anderson, Jutta Steinruck, Biljana Borzan, Maria Grapini, Hugues Bayet, Nicola Caputo, Vilija Blinkevičiūtė, Caterina Chinnici, Olga Sehnalová, Brando Benifei, Alessia Maria Mosca, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Marc Tarabella, Sergio Gutiérrez Prieto, Christel Schaldemose, Theresa Griffin, Victor Negrescu f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))  
B8‑0000/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 12, 14, 16, 26, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 11, 21 u 38 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' kodeċiżjoni 2013/0309 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness (COM(2013)0627),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem ‘E–commerce Action Plan 2012-2015 – State of play 2013’ (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–       wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 26 tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni tal-2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem ‘Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online’ (COM(2011)0942),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-politika Ewropea tal-konsumatur(1),‑

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar  2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(2),

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata ‘Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun’(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(8),

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar kif wieħed jista' jibni soċjetà diġitali tal-UE li tkun dejjem aktar preżenti kullimkien,

 

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu bl-isem ‘Entertainment x.0 to boost broadband deployment’ (Divertiment x.0 bħala spinta għat-tifrix tal-broadband),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mill-oqsma ta' progress li, għalkemm jinvolvu sfidi, joffru potenzjal għal gwadanji effiċjenti ħafna li jistgħu jammontaw għal EUR 260 biljun fis-sena, u b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi;

 

B.     billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mis-setturi l-aktar innovattivi tal-ekonomija u għalhekk qed ikollu rwol ewlieni fil-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, filwaqt li jiffaċilita wkoll l-ottemperanza amministrattiva u finanzjarja tan-negozji u joffri lill-konsumaturi għażla usa' ta' prodotti u servizzi;

C.     billi s-suq uniku diġitali mhux biss joffri benefiċċji ekonomiċi iżda għandu wkoll impatt profond fuq il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' kuljum tal-konsumaturi u ċ-ċittadini tal-UE;

D.     billi suq uniku diġitali kompetittiv ma jistax jeżisti mingħajr netwerks ta' broadband u ta' telekomunikazzjonijiet veloċi u ta' aktar kapaċità fir-reġjuni kollha tal-UE, inklużi ż-żoni remoti;

E.     billi d-distakk diġitali attwali li qed ikompli jikber qed ikollu impatt negattiv dirett fuq l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kemm fir-rigward tal-aċċess għall-internet kif ukoll għall-e-skills (ħiliet elettroniċi);

F.     billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza u s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u għall-ksib tal-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi;

G.     billi s-swieq online, jekk iridu jikbru u jespandu, jeħtieġ li jkunu sew aktar flessibbli kif ukoll ta' użu faċli għall-konsumatur;

H.     billi l-kummerċ elettroniku jikkumplementa b'mod sinifikanti n-negozju offline u huwa mutur ewlieni għall-għażla tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, u b'hekk jikkontribwixxi għall-konverġenza tal-Unjoni Ewropea f'ekonomija tal-għarfien;

I.      billi kompetizzjoni mingħajr tfixkil u kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji, li se jsaħħu l-investiment, huma vitali għal dan is-settur tal-ekonomija peress li se jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fit-tul għall-benefiċċju tal-utenti finali; billi kompetizzjoni effettiva hija mutur tajjeb għal investiment effiċjenti u tista' tipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi fir-rigward tal-għażla, il-prezz u l-kwalità;

J.      billi f'xi oqsma tas-suq uniku diġitali hemm dgħufijiet li jiġu minn konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq u operaturi dominanti;

K.     billi l-isfida tal-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' interoperabbiltà fl-Unjoni Ewropea huma ostaklu għall-iżvilupp rapidu tas-suq uniku diġitali;

L.     billi l-impjiegi li nħolqu permezz tas-suq uniku diġitali huma, bħala medja, impjiegi bi kwalifiki għolja u mħallsin tajjeb u huma kontribut importanti għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli;

1.      Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, permezz ta' sforzi tal-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u l-infurzar ta' dawn ir-regoli, biex, bħala parti minn strateġija ġenerali, jindirizzaw l-ostakli eżistenti kollha li qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali; jemmen li dawn l-isforzi jeħtieġ li jkunu fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u impjiegi u ssaħħaħ il-kompetittivita u r-reżiljenza tagħha fi ħdan l-ekonomija globali;

2.      Jenfasizza li kwalunkwe proposta leġiżlattiva relatata mas-suq diġitali uniku trid tkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sabiex id-drittijiet minquxa fiha jkunu protetti bis-sħiħ fil-qasam diġitali;

3.      Jenfasizza l-ħtieġa li d-distakk diġitali jiġi indirizzat u miġġieled għal apprezzament sħiħ tal-potenzjal tas-suq diġitali uniku, u jenfasizza l-ħtieġa li tkun garantita l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha fis-soċjetà fl-era diġitali, irrispettivament mill-introjtu, is-sitwazzjoni soċjali, il-lokazzjoni ġeografika, is-saħħa jew l-età tagħhom;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida tas-suq uniku għas-servizzi u l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' regoli bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, soluzzjoni online għat-tilwim, filwaqt li tiżgurat li l-piżijiet amministrattivi jitnaqqsu;

5.      Jitlob li jiġi adottat bil-ħeffa l-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data mmodernizzat ħalli jipprovdi bilanċ xieraq bejn, minn naħa, livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, sikurezza tal-utenti u kontroll fuq id-data personali tal-individwi u, min-naħa l-oħra, kwadru leġiżlattiv stabbli u prevedibbli li fih in-negozji jkunu jistgħu jiffjorixxu fi ħdan suq uniku għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin, kundizzjonijiet indaqs li jġibu 'l quddiem l-investiment, u ambjent li jikkontribwixxi għall-attrattività tal-UE kollha kemm hi bħala destinazzjoni għan-negozji; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika permezz ta' miżuri leġiżlattivi u kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet, sew fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

6.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku diġitali jkollhom kundizzjonijiet indaqs, ħalli jkunu jistgħu jikkompetu; jitlob lil l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza sewwa r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex tipprevjeni konċentrazzjonijiet eċċessivi tas-suq u abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti, kif ukoll tissorvelja l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kontenuti u s-servizzi miġbura f'daqqa;

7.      Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji fis-suq uniku diġitali biex niggarantixxu ekonomija diġitali ħajja fl-UE; jenfasizza li infurzar eżawrjenti tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali se jkun fattur determinanti għat-tkabbir tas-suq, l-aċċess tal-konsumaturi u s-setgħa tagħhom li jagħżlu, u l-kompetittività fit-tul;

8.      Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress rapidu u jiftaħ negozjati mal-Parlament dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, minħabba li dan ikollu l-effett konkret li jtemm il-ħlasijiet għar-roaming fi ħdan l-UE, joffri aktar ċertezza ġuridika rigward in-newtralità tal-internet, u jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan is-suq uniku; jemmen li dan ir-regolament jista' jikkostitwixxi pass kruċjali lejn it-twettiq ta' suq uniku Ewropew għas-servizzi ċellulari;

9.      Jenfasizza li jeħtieġ li t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat bl-istess mod, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat, min jirċievi, it-tip, il-kontenut, l-apparat, is-servizz jew l-applikazzjoni;

10.    Jinnota li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq uniku diġitali, fid-dawl tal-iżvilupp potenzjali tal-magni tat-tiftix fi gwardjani li jirregolaw l-aċċess, u l-possibbiltà li għandhom li jikkummerċjalizzaw l-isfruttament sekondarju tal-informazzjoni li tinkiseb; jitlob li l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni b'mod deċiżiv, abbażi ta' kontributi mill-persuni interessati kollha u fil-qies tal-istruttura sħiħa tas-suq uniku diġitali, bil-għan li tiżgura li jkun hemm rimedji li jibbenefikaw minnhom tassew il-konsumaturi, l-utenti tal-internet u n-negozji online; jitlob li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra proposti intiżi biex jifirdu l-magni tat-tiftix minn servizzi kummerċjali oħra, bħala mezz potenzjali għall-ilħiq, fit-tul, tal-miri msemmija hawn fuq;

11.    Jenfasizza li, fl-użu tal-magni tat-tiftix, jeħtieġ li l-proċess u r-riżultati tat-tiftix ikunu imparzjali, b'tali mod li t-tiftix fuq l-internet jibqa' nondiskriminatorju, ikun żgurat li jkun hemm aktar kompetizzjoni u għażla għall-konsumaturi, u tinżamm id-diversità tas-sorsi ta' informazzjoni; jinnota, għaldaqstant, li l-indiċizzazzjoni, l-evalwazzjoni, il-preżentazzjoni u l-gradazzjoni min-naħa tal-magni tat-tiftix irid ikun imparzjali u trasparenti, u li, għas-servizzi interkonnessi, il-magni tat-tiftix iridu jiggarantixxu trasparenza sħiħa meta juru r-riżultati tat-tiftix; jitlob li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe abbuż fil-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi interkonnessi min-naħa ta' operaturi tal-magni tat-tiftix;

12.    Jilqa' t-tħabbira ta' investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni dwar il-prattiki tal-magni tat-tiftix u dwar is-suq diġitali b'mod ġenerali;

13.    Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta r-riforma tad-drittijiet tal-awtur li tant ilha mistennija, b'mod partikolari rigward miżuri li jqawwu l-potenzjal tas-suq uniku diġitali, speċjalment rigward l-aċċess għall-kontenuti, id-disseminazzjoni tal-għarfien u mudelli vijabbli għas-servizzi transfruntiera; iqis, f'dan ir-rigward, li r-rieżami tad-Direttiva 2001/29/KE huwa fundamentali għar-riforma futura, li għandha tqis teknoloġiji ġodda u l-aġir tal-konsumaturi u tal-utenti;

14.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas effiċjenti u bbilanċjat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali, maħsub għar-realtà tal-ekonomija diġitali, filwaqt li l-interessi tal-konsumaturi u tal-utenti tal-internet ikunu ggarantiti;

15.    Jinkoraġġixxi l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni leġiżlattiva rapida ta' dispożizzjonijiet internazzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess ta' utenti b'diżabbiltà għal kontenuti diġitali, kif ukoll għal xogħlijiet stampati, permezz tad-diġitizzazzjoni ta' dawn tal-aħħar;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw ulterjorment l-oqfsa regolatorji tal-UE u nazzjonali bil-għan li jippermettu suq integrat u sikur ta' pagamenti mobbli online, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tal-klijenti; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal regoli ċari u prevedibbli li jkunu stabbiliti bil-liġi;

17.    Ifakkar li l-cloud computing jista' jsir strument qawwi għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, u jista' joffri benefiċċji ekonomiċi, partikolarment għall-SMEs, billi jbaxxi l-kostijiet infrastrutturali u ta' xort' oħra tal-IT; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li jekk is-servizzi tal-cloud ikunu offruti biss minn għadd limitat ta' fornituri kbar, kwantità dejjem akbar ta' informazzjoni sejra tinġabar f'idejn dawk il-fornituri; ifakkar, barra minn hekk, li l-cloud computing iġib miegħu wkoll riskji għall-utenti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda d-data sensittiva; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni tajba tal-istrateġija Ewropea biex jiġi ggarantit cloud computing kompetittiv u sikur;

18.    Jitlob li l-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet internazzjonali għall-cloud computing, li jippermettu servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, interoperabbli fi grad għoli, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta' politika industrijali tal-Unjoni tal-futur; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data huma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumaturi u għall-kompetittività;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0239.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0063.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

(6)

ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.

(7)

ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.

(8)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.

Avviż legali