Proċedura : 2014/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0287/2014

Testi mressqa :

B8-0287/2014

Dibattiti :

PV 26/11/2014 - 20
CRE 26/11/2014 - 20

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.8
CRE 27/11/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 146kWORD 91k
24.11.2014
PE539.01v01-00
 
B8-0287/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))


Vicky Ford, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))  
B8‑0287/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 12, 14, 16, 26, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 11, 21 u 38 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' kodeċiżjoni 2013/0309 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness (COM(2013)0627),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem ‘E–commerce Action Plan 2012-2015 – State of play 2013’ (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–       wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Nru 26 tat-18 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni tal-2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem ‘Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online’ (COM(2011)0942),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar Aġenda Ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar  2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata ‘Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun’(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(8),

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar kif wieħed jista' jibni soċjetà diġitali tal-UE li tkun dejjem aktar preżenti kullimkien,

–       wara li kkunsirdar r-riċerka tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu bl-isem ‘Entertainment x.0 to boost broadband deployment’ (Divertiment x.0 għat-tisħiħ tal-użu tal-broadband),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi s-suq diġitali uniku huwa wieħed mill-oqsma ta' progress li, għalkemm jinvolvi sfidi, joffri potenzjal għal akkwisti ta' effiċjenza kbira li jista' jammonta għal EUR 260 biljun fis-sena, filwaqt li b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi;

B.     billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mis-setturi l-aktar innovattivi tal-ekonomija u għalhekk qed ikollu rwol ewlieni fil-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, filwaqt li jiffaċilita wkoll il-konformità amministrattiva u finanzjarja tan-negozji u jippreżenta l-konsumaturi b'għażla aktar wiesgħa ta' prodotti u servizzi;

C.     billi s-suq uniku diġitali mhux biss joffri benefiċċji ekonomiċi iżda għandu wkoll impatt profond fuq il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' kuljum tal-konsumaturi u ċ-ċittadini tal-UE;

D.     billi suq uniku diġitali kompetittiv ma jistax jeżisti mingħajr netwerks ta' broadband u ta' telekomunikazzjoni veloċi u high-capacity fir-reġjuni kollha tal-UE, inklużi ż-żoni remoti; billi teżisti firxa wiesgħa ta' mezzi differenti biex tingħata din il-kapaċità, inkluż investiment fis-settur privat u fis-settur pubbliku;

E.     billi d-distakk diġitali qed ikollu impatt negattiv dirett fuq l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kemm fir-rigward tal-aċċess għall-internet kif ukoll għall-e-skills (ħiliet elettroniċi);

F.     billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza u s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u biex tiġi żgurata l-fiduċja li għandhom iċ-ċittadini u l-konsumaturi fih;

G.     billi jeħtieġ li s-swieq online jkunu aktar flessibbli u faċli li jintużaw mill-konsumatur jekk iridu jikbru;

H.     whereas e-commerce is an important complement to offline trade and a major driver of consumer choice, competition and technological innovation, and thus contributes to the European Union’s convergence into a knowledge-driven economy;

I.      billi kompetizzjoni mingħajr tfixkil u kundizzjonijiet ugwali għall-kumpaniji, li se jsaħħu l-investiment, huma vitali għal dan is-settur tal-ekonomija peress li se jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli fit-tul tiegħu għall-benefiċċju tal-utenti finali; billi l-kompetizzjoni effettiva hija mutur għal investiment effiċjenti u tista' tipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi fir-rigward tal-għażla, il-prezz u l-kwalità;

J.      billi f'xi oqsma tas-suq uniku diġitali hemm vulnerabbiltajiet li jiġu minn konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq u operaturi dominanti;

K.     billi l-isfida tal-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' interoperabbiltà fl-Unjoni Ewropea huma ostaklu għall-iżvilupp rapidu tas-suq uniku diġitali;

L.     billi l-impjiegi li nħolqu permezz tas-suq uniku diġitali huma, bħala medja, impjiegi bi kwalifiki għolja u mħallsin tajjeb u huma kontribut importanti għall-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità u sostenibbli;

1.      Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, permezz ta' sforzi tal-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u l-infurzar ta' dawn ir-regoli biex bħala parti minn strateġija ġenerali, jindirizzaw l-ostakli eżistenti kollha li qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, filwaqt li jiżguraw li l-miżuri jiġu vvalutati dwar il-impatt tagħhom, tajbin għall-futur u adegwati għall-era diġitali; jenfasizza li dawn l-isforzi jeħtieġ li jkunu fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u impjiegi u ssaħħaħ il-kompetittivita u r-reżiljenza tagħha fi ħdan l-ekonomija globali;

2.      Jenfasizza b'mod partikolari l-potenzjal tal-kummerċ elettroniku, li huwa mistenni jiffranka lill-konsumaturi ;l fuq minn EUR 11.7 biljun fis-sena jekk jagħżlu mill-firxa wiesgħa ta' oġġetti u servizzi tal-Ue meta jkunu qed jagħmlu xirjiet online;

3.      Jinnota b'mod partikolari l-bżonn li jiġu indirizzati l-ostakoli li għad hemm għall-konsumaturi u n-negozji b'rabta mal-kummerċ elettroniku, inkluż inter alia s-servizzi online, l-aċċess għall-kontenut diġitali, il-prevenzjoni tal-frodi, ir-reġistrazzjonijiet tal-websajts, il-promozzjoni u t-tikkettar tas-sales;

4.      Jitlob li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati fil-kuntest tal-iżvilupp tas-suq uniku diġitali sabiex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa taċ-ċittadini Ewropej fl-isfera diġitali;

5.      Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat u miġġieled id-distakk diġitali għal fehim bis-sħiħ tal-potenzjal tas-suq diġitali uniku u jenfasizza l-ħtieġa li tkun permessa l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-introjtu, is-sitwazzjoni soċjali, il-lokazzjoni ġeografika, is-saħħa jew l-età tagħhom, fis-soċjetà fl-era diġitali;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni rapida għal ftuħ ulterjuri tas-suq uniku għas-servizzi, permezz tat-tħeġġiġ ta' approċċ skont is-settur għas-servizzi, li jiġġenera tkabbir fl-oqsma bl-ikbar potenzjal ekonomiku, inkluż il-kummerċ elettroniku, servizzi kummerċjali u assigurazzjoni, u biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' regoli bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u soluzzjoni online għat-tilwim, filwaqt li jiġi żgurat it-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi;

7.      Jitlob li jiġi adottat bil-ħeffa r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data mmodernizzat ħalli jipprovdi bilanċ xieraq bejn, minn naħa, livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, sikurezza tal-utenti u kontroll fuq id-data personali tal-individwi u, min-naħa l-oħra, kwadru leġiżlattiv stabbli u prevedibbli li fih in-negozji, l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku jkunu jistgħu jiffjorixxu fi ħdan suq uniku għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin, kundizzjonijiet indaqs li jġibu 'l quddiem l-investiment, u ambjent li jikkontribwixxi għall-attrattività tal-UE kollha kemm hi bħala destinazzjoni għan-negozji; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika permezz ta' miżuri leġiżlattivi u kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet, sew fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, partikolarment permezz tal-użu taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3);

8.      Jenfasizza l-potenzjal ta' analitika kbira tad-data fil-ħolqien ta' tkabbir u l-iffaċilitar tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp f'oqsma li jinkludu s-saħħa;

9.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku diġitali jkollhom kundizzjonijiet indaqs, ħalli jkunu jistgħu jikkompetu; jitlob lil l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza sewwa r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex tipprevjeni konċentrazzjonijiet eċċessivi tas-suq u abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti, kif ukoll tissorvelja l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kontenuti u s-servizzi miġbura f'daqqa;

10.    Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji fis-suq uniku diġitali biex niggarantixxu ekonomija diġitali ħajja fl-UE; jenfasizza li infurzar eżawrjenti tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali se jkun fattur determinanti għat-tkabbir tas-suq, l-aċċess tal-konsumaturi u s-setgħa tagħhom li jagħżlu, u l-kompetittività fit-tul; jenfasizza kemm huwa importanti li l-konsumaturi jingħataw l-istess protezzjoni online bħalma għandhom diġà fis-swieq tradizzjonali;

11.    Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress rapidu u jiftaħ negozjati mal-Parlament dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, minħabba li dan ikollu l-effett konkret li jtemm il-ħlasijiet għar-roaming fi ħdan l-UE, joffri aktar ċertezza ġuridika rigward in-newtralità tal-internet, u jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan is-suq uniku;

12.    Jemmen bil-qawwa fil-prinċipju ta' internet miftuħ fejn it-traffiku jiġi trattat b'mod ekwu u nondiskriminatorju; jirrikonoxxi madankollu li ż-żieda fl-użu tal-internet, b'mod partikolari l-Internet Protocol TV, żiedet il-pressjoni fuq il-provdituri tas-servizzi sabiex dawn iġestixxu b'mod effiċjenti l-kapaċità ta' netwerk tagħhom permezz tal-użu ta' għodod ta' ġestjoni tat-traffiku; jemmen li kwalunkwe leġiżlazzjoni ulterjuri f'dan il-qasam għandha tkun ibbażata fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi filwaqt li tkun tippermetti ġestjoni tat-traffiku u servizzi speċjalizzati meħtieġa meta dawn ma jkunux ta' ħsara materjali għal utenti oħrajn, u fl-istess waqt għandha tagħti lill-awtoritajiet il-kapaċità li jieħdu azzjoni kontra l-kriminalità;

13.    Jinnota li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq uniku diġitali, fid-dawl tal-iżvilupp potenzjali tal-magni tat-tiftix fi gwardjani li jirregolaw l-aċċess, u l-possibbiltà li għandhom li jikkummerċjalizzaw l-isfruttament sekondarju tal-informazzjoni li tinkiseb; jitlob li l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni b'mod deċiżiv, abbażi ta' kontributi mill-persuni interessati kollha u fil-qies tal-istruttura sħiħa tas-suq uniku diġitali, bil-għan li tiżgura li jkun hemm rimedji li jibbenefikaw minnhom tassew il-konsumaturi, l-utenti tal-internet u n-negozji online; jitlob li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra proposti intiżi biex jifirdu l-magni tat-tiftix minn servizzi kummerċjali oħra, bħala waħda mis-soluzzjonijiet potenzjali fit-tul;

14.    Jenfasizza li, fl-operar tal-magni tat-tiftix, jeħtieġ li l-proċess u r-riżultati tat-tiftix għall-utenti jkunu imparzjali, b'tali mod li t-tiftix fuq l-internet jibqa' nondiskriminatorju, ikun żgurat li jkun hemm aktar kompetizzjoni u għażla għall-konsumaturi, u tinżamm id-diversità tas-sorsi ta' informazzjoni; jinnota għalhekk li l-indiċjar, l-evalwazzjoni, il-preżentazzjoni u l-klassifikazzjoni mill-magni tat-tiftix għandhom ikunu imparzjali u trasparenti; jitlob li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe abbuż fil-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi interkonnessi min-naħa ta' operaturi tal-magni tat-tiftix;

15.    Jilqa' t-tħabbira ta' investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni dwar il-prattiki tal-magni tat-tiftix u dwar is-suq diġitali b'mod ġenerali; jinnota l-possibilità li l-Kummissjoni timplimenta rimedji sabiex jiġi indirizzat tħassib possibbli b'rabta mal-kompetizzjoni; jemmen li miżuri speċifiċi dwar il-kompetizzjoni u inizjattivi ġenerali bl-għan li jittejjeb is-suq uniku diġitali għandhom objettivi differenti u għandhom jitqiesu bħala distinti, partikolarment fir-rigward ta' inizjattivi politiċi li għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta' tfassil aħjar ta' liġijiet;

16.    Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta r-riforma tad-drittijiet tal-awtur li tant ilha mistennija, b'mod partikolari rigward miżuri li jqawwu l-potenzjal tas-suq uniku diġitali, speċjalment rigward l-aċċess għall-kontenuti, id-disseminazzjoni tal-għarfien u mudelli vijabbli għas-servizzi transfruntiera; iqis, f'dan ir-rigward, li r-rieżami tad-Direttiva 2001/29/KE huwa fundamentali għar-riforma futura, li għandha tqis teknoloġiji ġodda u l-aġir tal-konsumaturi u tal-utenti;

17.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas effiċjenti u bbilanċjat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali, maħsub għar-realtà tal-ekonomija diġitali, filwaqt li l-interessi tal-konsumaturi u tal-utenti tal-internet ikunu ggarantiti;

18.    Jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurat s-sikurezza online tal-internet, b'mod partikolari għat-tfal għat-tfal, u li jiġi pprevenut l-isfruttament tal-minuri billi jiġi żgurat li jkun hemm mezzi stabbiliti għad-detezzjoni u l-eradikazzjoni ta' immaġini illegali ta' abbuż tal-minuri fl-Internet, u billi jiġu stabbiliti mezzi għall-prevenzjoni ta' aċċess min-naħa ta' tfal u adolexxenti għal kontenut għall-adulti;

19.    Jinkoraġġixxi l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni leġiżlattiva rapida ta' dispożizzjonijiet internazzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess ta' utenti b'diżabbiltà għal kontenuti diġitali, kif ukoll għal xogħlijiet stampati, permezz tad-diġitizzazzjoni ta' dawn tal-aħħar; jilqa' l-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakesh għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-kotba għall-persuni bi problemi tal-vista, u jħeġġeġ lill-partijiet firmatarji kollha tat-Trattat biex jirratifikawh; jemmen li t-Trattat ta' Marrakesh jirrappreżenta pass tajjeb 'il quddiem, iżda li għad fadal ħafna xi jsir sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-kontenut għall-persuni b'diżabilità, minbarra għal dawk bi problemi tal-vista; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ulterjorment l-aċċessibilità tul spettru wiesa' ta' oqsma, mid-drittijiet tal-awtur u l-magni tat-tiftix għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw ulterjorment l-oqfsa regolatorji tal-UE u nazzjonali bil-għan li jippermettu suq integrat u sikur ta' pagamenti mobbli online, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tal-klijenti; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal regoli ċari u prevedibbli li jkunu stabbiliti bil-liġi;

21.    Ifakkar li, kif enfasizzat fir-rapport dwar il-Kost tan-Non-Ewropa, il-cloud computing jista' jsir strument qawwi għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, u jista' joffri benefiċċji ekonomiċi, partikolarment għall-SMEs, billi jbaxxi l-kostijiet infrastrutturali u ta' xort' oħra tal-IT; jissottolinja, b'rabta ma' dan, li jekk is-servizzi tal-cloud ikunu offruti biss minn għadd limitat ta' fornituri kbar, kwantità dejjem akbar ta' informazzjoni sejra tinġabar f'idejn dawk il-fornituri; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni tajba tal-istrateġija Ewropea biex jiġi ggarantit cloud computing kompetittiv u sikur;

22.    Jitlob li l-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet internazzjonali għall-cloud computing, li jippermettu servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, aċċessibbli, interoperabbli fi grad għoli, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta' politika industrijali tal-Unjoni tal-futur; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data huma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumaturi u għall-kompetittività;

23.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0239.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0063.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

(6)

ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.

(7)

ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.

(8)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.

Avviż legali