Proċedura : 2014/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0288/2014

Testi mressqa :

B8-0288/2014

Dibattiti :

PV 26/11/2014 - 20
CRE 26/11/2014 - 20

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.8
CRE 27/11/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 178kWORD 106k
24.11.2014
PE539.011v01-00
 
B8-0288/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))


Dita Charanzová, Pavel Telička, Javier Nart, Antanas Guoga, Gérard Deprez, Juan Carlos Girauta Vidal f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))  
B8‑0288/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 12, 14, 16, 26, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 21, 38 u 52 tagħha,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem ‘E–commerce Action Plan 2012-2015 – State of play 2013’ (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Is-Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–       wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Nru 26 tat-18 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni tal-2014,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 bl-isem ‘Qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online' (COM (2011)0942),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar  2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(4),–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata ‘Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun’(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Interni(9),

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar kif wieħed jista' jibni soċjetà diġitali tal-UE li tkun dejjem aktar preżenti kullimkien,

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu dwar id-diskriminazzjoni tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali,

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu bl-isem ‘Entertainment x.0 to boost broadband deployment’ (Divertiment x.0 biex tingħata spinta lill-istallazzjoni tal-broadband),

−      wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 fil-Kawżi Konġunti C-293/12 u C-594/12, li fiha d-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data ġiet iddikkjarata invalida,

−      wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar proposta għal regolament li jistipula miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness(10),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi l-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, identifika 10 prijoritajiet għall-2015 u esprima x-xewqa tiegħu li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej fit-tfassil tal-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni;

B.     billi t-tieni prijorità għandha x’taqsam ma’ suq uniku diġitali konness li għandu jikkonsisti f’pakkett ta’ suq uniku diġitali;

C.     billi t-tlestija għalkollox ta' suq uniku diġitali Ewropew ikun joħloq miljuni ta' impjiegi u potenzjalment jippermetti li l-Ewropa tiggwadanja 4 % fi PDG sal-2020;

D.     billi żieda fir-rata ta’ penetrazzjoni tal-broadband ta’ 10 punti perċentwali mistennija żżid it-tkabbir annwali tal-PDG per capita b’0.9 sa 1.5 punti perċentwali;

E.     billi l-ekonomija tal-applikazzjonijiet (apps) waħedha mistennija tittrippla d-dħul tagħha mill-2013 sal-2018, u b’hekk toħloq 3 miljun impjieg fl-istess perjodu;

F.     billi l-Parlament ikkummissjona studju biex jiġi analizzat il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku Diġitali, ħaġa li ssaħħaħ l-importanza li naraw is-soluzzjonijiet diġitali bħala opportunità għall-konsumaturi, iċ-ċittadini u n-negozji u mhux bħala theddida;

G.     billi l-Unjoni jeħtieġ li tinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-cloud computing mill-massa fl-Ewropa, peress li jikkostitwixxi mutur b'saħħtu għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea; billi l-istudju jagħti xhieda ta’ gwadanji mistennija sinifikanti marbuta mal-iżvilupp rapidu tiegħu;

H.     billi l-fatt li l-aġenziji ta’ intelligence kellhom aċċess għal data personali ta’ utenti ta’ servizzi online għawweġ b’mod serju l-fiduċja taċ-ċittadini f’tali servizzi, u għalhekk għandu effett avvers fuq in-negozji li jinvestu fl-iżvilupp ta’ servizzi ġodda bl-użu ta’ “Big Data” jew applikazzjonijiet ġodda bħalma hu l-“Internet tal-Oġġetti”;

I.      billi l-ostakoli li qed iżommu lura l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali għandhom x'jaqsmu mal-prattiki diskriminatorji bħalma huma r-restrizzjoni ta’ fornituri tas-servizzi għal ċerti pajjiżi jew territorji, sempliċi rifjut ta’ bejgħ, devjazzjoni (rerouting) awtomatika, u d-diversifikazzjoni mhix ġustifikata tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ;

J.      billi l-pagamenti bil-mowbajl u l-pagamenti bl-Internet siguri, effiċjenti, kompetittivi u innovattivi huma kruċjali jekk il-konsumaturi għandhom igawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku;

K.     billi hemm nuqqas ta’ għarfien fost il-konsumaturi bl-alternattivi għas-servizz postali nazzjonali, jew il-konsumaturi għandhom it-tendenza li jemmnu li l-alternattivi disponibbli jipprovdu servizz ta' kwalità aktar baxxa;

L.     billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, kif ukoll is-sigurtà ċibernetika u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u biex tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini u l-konsumaturi fih;

M.    billi n-newtralità tal-Internet hija meħtieġa biex tiġi protetta l-innovazzjoni fuq l-Internet;

N.     billi s-settur kulturali qed jintlaqat b’mod sever mill-kriżi; billi l-qafas ġuridiku għad-drittijiet tal-awtur għandu jintegra l-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali ġodda filwaqt li jiżgura r-rimunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet; billi l-iżvilupp tal-Internet, in-netwerks soċjali u t-TV konness għadu sfida enormi u ma għandux jitqies bħala ta’ detriment għall-industriji kulturali u kreattivi tagħna, li joħolqu l-impjiegi u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-PDG;

O.     billi l-UE qed tkaxkar wara l-kompetituri prinċipali tagħha, fosthom l-Istati Uniti, fl-investiment fl-ICT, l-istallazzjoni tal-broadband u l-innovazzjoni diġitali, prinċipalment minħabba l-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali;

P.     billi għandhom isiru disponibbli riżorsi tal-ispettru suffiċjenti bil-għan li jiġi akkomodat it-tkabbir esponenzjali fid-data mobbli u tiġi sodisfatta d-domanda li qiegħda tikber;

Q.     billi, id-disponibbiltà trans-Ewropea ta’ aċċess malajr mifrux, b'veloċità għolja u sikur għall-Internet u s-servizzi diġitali fl-interess pubbliku hija essenzjali għat-tkabbir soċjali u ekonomiku, il-kompetittività, l-inklużjoni soċjali u s-suq uniku;

R.     billi l-iżvilupp ta' netwerks tal-broadband ta' veloċità għolja se jibbenefika minn standards tekniċi Ewropej; billi huma meħtieġa programmi ta' riċerka u ta' żvilupp fil-livell tal-UE u żieda fil-monitoraġġ tal-proċeduri ta' standardizzazzjoni jekk l-Unjoni għandha twettaq rwol ewlieni fl-industrija tat-telekomunikazzjonijiet;

S.     billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali se jgħinu biex jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva fit-term medju u f’dak aktar fit-tul;

T.     billi t-tqegħid rapidu ta’ netwerks tal-broadband ta’ veloċità għolja huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-produttività Ewropea u biex jitfaċċaw intrapriżi ġodda u żgħar li jistgħu jkunu minn ta’ quddiem f’setturi differenti, pereżempju fl-industrija tal-kura tas-saħħa, f’dik tal-manifattura u fl-industrija tas-servizzi;

U.     billi s-settur privat għandu jwettaq ir-rwol ewlieni fl-istallazzjoni u l-immodernizzar tan-netwerks tal-broadband, bl-appoġġ ta' qafas regolatorju kompetittiv u li jirrispetta l-investiment;

V.     billi l-istituzzjonijeit tal-UE għandhom jagħmlu wisq aktar biex ikunu ta’ quddiem nett fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi;

Inizjattivi ta’ prijorità għall-2015

1.      Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-pakkett tas-suq uniku diġitali li għandu jiġi adottat fl-2015 ġabra ta’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi (minn hawn ’il quddiem "l-inizjattivi") li jkunu jimmiraw li jinkoraġġixxu l-fiduċja tal-konsumatur online u jissimplifikaw ir-regolamentazzjoni tal-konsumatur għax-xirjiet online;

Regolatur uniku Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet

2.      Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva li tistabbilixxi regolatur uniku Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet, li jkun iċ-ċavetta biex is-suq uniku diġitali eżistenti jiġi dekompartimentalizzat;

Twettiq tal-infrastruttura diġitali u għeluq tad-distakk tal-investimenti

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tadotta inizjattivi sabiex tiżgura, permezz tas-settur privat, żieda massiva fil-finanzjament għall-proġetti li jgħinu biex tiġi aċċellerata l-istallazzjoni ta’ netwerks tal-broadband ultrarapidu, jistimulaw il-ħolqien u l-adozzjoni ta’ servizzi diġitali li jsaħħu l-produttività, jagħlqu d-distakk diġitali fiż-żoni rurali għall-aċċess għall-veloċità għolja, u jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tan-netwerks u l-applikazzjonijiet tal-ICT permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura

4.      Iqis li l-inizjattivi għandhom iwettqu wkoll mira ta’ aġenda diġitali riveduta li tħares ’il quddiem għall-2020 biex jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi kollha tal-UE jkollhom aċċess għall-konnessjonijiet tal-broadband li jwasslu 100 megabits/second, b'50 % tal-unitajiet domestiċi jkunu sottoskritti għal 1 gigabit/second jew aktar;

Trawwim ta’ intraprenditorija u ħiliet diġitali

5.      Jitlob lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva għall-intraprenditorija diġitali, peress li din hija ħaġa kritika għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u ideat innovattivi, inklużi miżuri biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-intraprendituri diġitali ġodda (pereżempju permezz tal-crowdsourcing) u jiġi inkoraġġit li l-intraprendituri li jkunu fallew jerġgħu ikollhom ċansijiet oħra;

Cloud computing

6.      Iqis li l-inizjattivi għandu b’mod partikolari jkun fihom proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-cloud computing, bil-għan li ssir reazzjoni għan-nuqqas ta’ responsabilità tal-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing u l-inkonsistenza tal-liġijiet u r-regolamenti transnazzjonali;

7.      Jenfasizza li jekk is-servizzi tal-cloud ikunu fornuti biss minn għadd limitat ta' fornituri kbar, kwantitajiet dejjem akbar ta' informazzjoni sejra tinġabar f'idejn dawk il-fornituri; barra minn hekk ifakkar li l-cloud computing iġib miegħu wkoll riskji għall-utenti, speċjalment in-negozji ż-żgħar, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda d-data sensittiva u s-sigrieti kummerċjali;

8.      Jinnota li l-fiduċja fil-cloud computing u l-fornituri tal-cloud ġiet affettwata b’mod negattiv mill-prattiki ta’ sorveljanza tal-massa; jenfasizza, għalhekk, l-iżvilupp ta’ clouds u soluzzjonijiet tal-IT bħala element essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi u għall-fiduċja fis-servizzi u l-fornituri tal-cloud computing, kif ukoll biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni tkun ta' quddiem nett fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta' standards u speċifikazzjonijiet Ewropej għall-cloud computing u l-promozzjoni tagħhom internazzjonalment li jippermettu servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, ikunu affidabbli, interoperabbli fi grad għoli, siguri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta' politika industrijali tal-Unjoni futura; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data huma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumaturi u għall-kompetittività;

Ir-roaming

10.    Jikkonferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li l-eliminazzjoni tal-ħlasijiet għar-roaming diġà messha ilha li saret; jenfasizza li t-tressiq tad-data għal wara l-15 ta’ Diċembru 2015 u l-fatt li n-nies li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE jkollhom iħallsu ħlasijiet żejda huma ħwejjeġ inaċċettabbli;

Diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi online

11.    Jiddispjaċih li l-konsumaturi jbatu minn diskriminazzjoni meta jkunu qed jixtru online; iqis li l-inizjattivi għandhom għalhekk jindirizzaw ukoll b’mod orizzontali dawn il-prattiki diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza, li jseħħu f’ħafna oqsam differenti tad-dritt tal-UE;

12.    Filwaqt li jilqa’ t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku, jinnota l-pożizzjoni dominanti f’xi Stati Membri li għandhom biss ftit atturi fil-bejgħ dirett ta’ oġġetti fiżiċi jew bħala pjattaforma bbażata fuq is-suq biex oħrajn ibiegħu oġġetti fiżiċi; jenfasizza l-ħtieġa fil-livell Ewropew li jiġi mmonitorat u pprevenut l-abbuż ta’ tali pożizzjonijiet dominanti f’dawk li huma d-disponibilità tal-oġġetti għall-konsumaturi u l-ħlasijiet mitluba mingħand l-SMEs talli jużaw tali pjattaformi bbażati fuq is-suq;

Is-suq tat-tiftix u s-siti tal-Internet għall-paragun tal-prezzijiet

13.    Jilqa' t-tħabbira mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ta' investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni dwar il-prattiki tal-magni tat-tiftix u dwar is-suq diġitali b'mod ġenerali;

14.    Jinnota li s-suq tat-tiftix online u s-siti tal-Internet għall-paragun tal-prezzijiet huma ta' importanza partikolari fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq uniku diġitali, fid-dawl tal-iżvilupp potenzjali tagħhom fi gwardjani li jirregolaw l-aċċess u l-possibbiltà li għandhom li jikkummerċjalizzaw l-isfruttament sekondarju tal-informazzjoni li tinkiseb; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-hekk imsejħa vantaġġi “ta’ min jidħol l-ewwel” (first mover) u l-effetti tan-netwerk fis-settur diġitali li malajr jistgħu jiżviluppaw f’abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti, u tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE b’mod deċiżiv, abbażi tal-kontribuzzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u filwaqt li titqies l-istruttura kollha kemm hi tas-suq uniku diġitali bil-għan li jiġu żgurati rimedji li veramenti ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi, l-utenti tal-Internet u n-negozji online;

15.    Barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex tikkunsidra soluzzjonijiet potenzjali li jxaqilbu lejn struttura tat-tiftix fuq l-Internet li tkun waħda bbilanċjata, ġusta u miftuħa;

16.    Jenfasizza li, fl-użu tal-magni tat-tiftix u s-siti tal-Internet għall-paragun tal-prezzijiet, il-proċess u r-riżultati tat-tiftix għandhom ikunu imparzjali ħalli t-tiftix fuq l-Internet jibqa' nondiskriminatorju, jiġi żgurat li jkun hemm aktar kompetizzjoni u għażla għall-utenti u l-konsumaturi u tinżamm id-diversità tas-sorsi ta' informazzjoni; jinnota, għaldaqstant, li l-indiċizzazzjoni, il-valutazzjoni, il-preżentazzjoni u l-gradazzjoni għandhom ikunu imparzjali u trasparenti, filwaqt li, għas-servizzi interkonnessi, il-magni tat-tiftix u s-siti tal-Internet għall-paragun tal-prezzijiet iridu jiggarantixxu trasparenza sħiħa meta juru r-riżultati tat-tiftix; jitlob li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe abbuż fil-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi interkonnessi;

Pagamenti bil-mowbajl u pagamenti bl-Internet

17.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw ulterjorment l-oqfsa regolatorji tal-UE u dawk nazzjonali bil-għan li jħallu jseħħ suq integrat, sigur u innovattiv ta' pagamenti bl-internet u bil-mowbajl, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tad-data tal-konsumaturi u tal-klijenti; jitlob f’dan ir-rigward li jiġu identifikati b'mod ċar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet kollha inklużi fornituri terzi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm regoli ċari u trasparenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni sabiex ikun jista’ jsir il-qbid u l-promozzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda;

18.    Jiddispjaċih minħabba l-eteroġeneità sostanzjali tal-prattiki kummerċjali bejn l-Istati Membri fil-pagamenti bil-mowbajl u l-kosti eċċessivi tat-twettiq ta' pagamenti transfruntieri, li jipprevjenu s-suq milli jikber aktar malajr;

19.    Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi tal-pagamenti bl-Internet ikomplu jiġu inkorporati fis-SEPA; jitlob lill-Kummissjoni taċċellera l-ħidma tagħha fuq il-pagamenti bil-kards, bl-Internet u bil-mowbajl bil-ħsieb li tiżviluppa standards Ewropej f’dan il-qasam, u tagħmel proposti konkreti fil-kuntest tal-inizjattivi, filwaqt li tiżgura li l-ebda inizjattiva ma teskludi lil min jidħol ġdid jew tiskoraġġixxi l-innovazzjoni;

Konsenja tal-pakketti

20.    Iqis li l-inizjattivi għandhom jinkoraġġixxu l-awtoregolazzjoni fil-qasam tal-konsenja tal-posta u tal-pakketti bil-għan li jimtlew il-lakuni konsiderevoli ta’ informazzjoni li jeżistu fir-rigward tad-disponibilità ta’ diversi servizzi ta’ konsenja u għażliet ta’ konsenja assoċjati, kemm għall-konsumaturi u kemm għall-bejjiegħa bl-imnut online;

21.    Jenfasizza li servizzi ta’ konsenja minn punt għal ieħor li jkunu veloċi, affidabbli u tajbin għall-but ta’ kulħadd huma essenzjali għall-kompetittività tal-bejjiegħa bl-imnut online żgħar; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tiżgura proċessi doganali mtejba, reġimi tal-ispedizzjoni tal-merkanzija armonizzati, u limiti de minimus ogħla għad-dazji;

Restrizzjonijiet fid-distribuzzjoni online

22.    Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled lill-prattiki diskriminatorji fil-qasam tad-distribuzzjoni online kif irregolat mir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Akkordji Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Regolament tal-Kummissjoni (UE) 330/2010), ħalli tiġi salvagwardjata l-abilità tad-distributuri li jużaw metodi ta’ distribuzzjoni innovattivi u jintlaħqu għadd u spettru ikbar ta’ klijenti;

Internet tal-Oġġetti

23.    Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-inizjattivi ddaħħal proposti ambizzjużi dwar l-Internet tal-Oġġetti u dwar standards tal-komunikazzjoni minn magna għal magna u tħejji proġetti pilota; jenfasizza li l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iwettqu rwol akbar fil-ħolqien ta’ standards internazzjonali tal-Internet tal-Oġġetti; jemmen li l-Ewropa tista’ tkun vuċi għal protokolli b'saħħithom tal-protezzjoni tad-data f'dan il-qasam u jenfasizza l-ħtieġa li d-data tal-Internet tal-Oġġetti tiġi protetta mill-użu ħażin, mill-manipulazzjoni, jew mill-attakki ċibernetiċi; jinsisti f’dan ir-rigward li għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li t-tagħmir terminali huwa kompatibbli mad-dritt li għandhom l-utenti li jikkontrollaw u jipproteġu d-data personali tagħhom, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni tispjega b’mod ċar ir-regoli li jirrikjedu “inklużjoni fakultattiva” (opt-in) mill-utenti sabiex id-data tagħhom minn hardware li jkun użat għal finijiet ta’ insegwiment tas-saħħa, l-eżerċizzju jew kwalunkwe fini ta’ insegwiment ieħor tintuża għall-finijiet ta' reklamar, il-kummerċjalizzazzjoni jew stili ta’ ħajja; jenfasizza li l-utenti għandhom ikunu jistgħu faċilment iwaqqfu tali prattiki milli jkomplu mingħajr ma jitilfu l-aċċess għall-funzjonijiet l-oħra tal-hardware jew tas-software relatati miegħu;

25.    Jistieden lin-negozji li qed jipprovdu servizzi ġodda bl-użu ta’ “Big Data” u applikazzjonijiet ġodda bħall-Internet tal-Oġġetti jdaħħlu miżuri għall-protezzjoni tad-data sa mill-istadju tal-iżvilupp, sabiex isostnu livell għoli ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini;

Newtralità tal-Internet

26.    Ifakkar li n-newtralità tal-Internet hija tal-ikbar importanza sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-Internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ;

27.    Iqis li n-newtralità tal-Internet jeħtieġ li tiġi definita b’mod ċar skont id-definizzjonijiet tal-Parlament u ggarantita u strettament imnaqqx fil-liġi bil-għan li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u atturi oħra soċjali u ekonomiċi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ tal-opportunitajiet kollha tas-suq diġitali;

28.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-korpi ta’ standardizzazzjoni u lill-ENISA jiżviluppaw standards u linji gwida ta’ sigurtà u ta’ privatezza minimi għas-sistemi, in-netwerks u s-servizzi tal-IT, inklużi s-servizzi ta’ cloud computing, sabiex jiġu protetti aħjar id-data personali taċ-ċittadini tal-UE u l-integrità tas-sistemi tal-IT kollha; jemmen li tali standards jistgħu jsiru l-punt ta’ riferiment għal standards globali ġodda u għandhom jiġu stabbiliti fi proċess miftuħ u demokratiku;

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u drittijiet tal-awtur

29.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPRs) u toħroġ bi proposta dwar l-IPRs li tkun tibbilanċja l-interessi kemm tal-konsumaturi u kemm tad-detenturi tad-drittijiet; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema transfruntiera armonizzata u integrata tal-UE tad-drittijiet tal-awtur li tkun tibbilanċja l-valur u l-apprezzament inerenti tal-kontenut kreattiv u artistiku mad-drittijiet tal-konsumatur; jenfasizza li l-industriji kreattivi huma s-settur li l-aktar qed jiffjorixxi fl-UE, li jipprovdu stimolu għat-tkabbir u l-impjiegi iżda wkoll li jappoġġjaw l-innovazzjoni skont l-Istrateġija Ewropa 2020; ifakkar li l-Parlament stabbilixxa Grupp ta’ Ħidma dwar ir-riforma tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u tad-drittijiet tal-awtur bil-għan li jiffaċilita soluzzjonijiet f’dan il-qasam u jgħin biex tali riforma issir;

30.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0239.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0063.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

(6)

ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.

(7)

ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.

(8)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2014)0281.

Avviż legali