MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan
10.12.2014 - (2014/2964(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Tamás Meszerics, Margrete Auken, Bodil Ceballos, Bart Staes, Alyn Smith, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Molly Scott Cato, Davor Škrlec, Karima Delli, Jill Evans, Jordi Sebastià, Josep-Maria Terricabras, Ernest Maragall, Keith Taylor, Pascal Durand, Bronis Ropė, Judith Sargentini, Eva Joly, Yannick Jadot, Klaus Buchner, Philippe Lamberts, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0277/2014
B8‑0309/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-konflitt bejn Iżrael u l-Palestina, inkluża dik tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina[1] u dik tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f’Gaża[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-17 ta' Novembru 2014 dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u fil-Palestina, fosthom dawk tal-15, is-17 u t-18 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra d-“dokument informali bbażat fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-possibilità ta’ segwitu fir-rigward ta’ Ġerusalem tal-Lvant” imħejji mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif inkixef lill-midja f’Novembru 2014,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Svediż li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan fit-30 ta’ Ottubru 2014, u r-rikonoxximent tal-Palestina li seħħ aktar kmieni min-naħa ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti li ġew adottati dan l-aħħar mill-House of Commons tar-Renju Unit, is-Senat Irlandiż, il-Parlament Spanjol u l-Assemblea Nazzjonali Franċiża dwar ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 242, 446 u 1515,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 67/19 tal-2012 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Iżrael u l-Palestina huma Stati Partijiet firmatarji tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi adottata f’Marzu 2002 mill-Kunsill tal-Lega tal-Istati Għarab,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 135 mill-193 stat membru tan-NU estendew rikonoxximent diplomatiku lill-Istat Palestinjan;
B. billi l-UE ripetutement irrikonoxxiet id-dritt Palestinjan għall-awtodeterminazzjoni, inkluż permezz ta’ status ta’ stat, li "ma huwa suġġett għall-ebda veto", kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 1999;
C. billi l-Palestina ġiet rikonoxxuta min-NU bħala stat osservatur mhux membru fid-29 ta’ Novembru 2012;
D. billi n-negozjati għal-soluzzjoni komprensiva tal-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina ġew sospiżi sine die f'April 2014 u għandhom prospetti limitati li jerġgħu jibdew fi ħdan il-parametri tal-proċess ta’ paċi ta’ Oslo mmexxi mill-Istati Uniti;
E. billi l-Gvern Iżraeljan aċċelera l-annessjoni tal-art u l-espansjoni tal-insedjamenti fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż bl-akbar ikkapparrar ta’ art fi 30 sena, imħabbar lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2014;
F. billi l-okkupazzjoni kontinwata u l-umiljazzjoni u l-vjolazzjonijiet relatati huma għejun ta’ riżentiment u tbatija profondi fost il-popolazzjoni mjassra Palestinjana;
G. billi l-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar f’Ġerusalem tal-Lvant fir-rigward tal-moskea ta’ al-Aqsa jippreżentaw ir-riskju ta’ aktar vjolenza settarja u destabbilizzazzjoni reġjonali, u jenfasizzaw kemm hu kritikament importanti li jiġi difiż l-istatus quo fir-rigward tal-kustodja tas-siti sagri;
H. billi ’l fuq minn 100 ġeneral ta’ riżerva u uffiċjal tas-sigurtà anzjan iffirmaw appell indirizzat lill-Prim Ministru Iżraeljan Netanyahu fejn talbu għal soluzzjoni diplomatika ta’ żewġ stati bbażata fuq ir-reġjun għall-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;
I. billi ’l fuq minn elf personalità pubblika Iżraeljana, inklużi ex-ministri, membri parlamentari u artisti, dan l-aħħar stiednu lill-Membri tal-Parlament Ewropew jirrikonoxxu formalment l-Istat Palestinjan;J. billi l-attakk mill-militar Iżraeljan fuq l-Istrixxa ta’ Gaża li ġie varat fit-8 ta’ Lulju 2014 wassal għal livell mingħajr preċedent ta’ devastazzjoni u vittmi fl-interkjużura; billi l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li ntlaħaq fis-26 ta’ Awwissu 2014 ma ġiex implimentat, b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija tal-imblokk;
K. billi l-gvern ta’ unità Palestinjan approvat mill-Ħamas u mill-Fataħ ġie stabbilit f’April 2014, filwaqt li aċċetta l-prinċipji tal-Kwartett tan-nonvjolenza, l-adeżjoni mal-ftehimiet imgħoddija u r-rikonoxximent tal-Iżrael, u appoġġjat mill-Istati Uniti u l-UE;
L. billi l-President tal-Awtorità Palestinjana, Maħmud Abbas, iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi skeda permezz tan-NU biex fi żmien tliet snin tintemm l-okkupazzjoni Iżraeljana tat-territorju Palestinjan; billi l-Lega Għarbija appoġġat dan il-pjan ta ' azzjoni u talbet li ssir konferenza internazzjonali li jkollha l-għan li ssib soluzzjoni finali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;
M. billi valutazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mat-Territorju Palestinjan Okkupat u tal-appoġġ lill-poplu Palestinjan, imwettqa f'isem il-Kummissjoni f'Mejju 2014, ikkonkludiet li l-paradigma ta' kooperazzjoni attwali kienet laħqet il-limiti tagħha fin-nuqqas ta' direzzjoni politika parallela mill-UE biex tindirizza l-ostakli ppreżentati mill-politiki Iżraeljani ta' okkupazzjoni u insedjament u mid-diviżjoni politika tax-Xatt tal-Punent u Gaża;
N. billi l-esperjenzi preċedenti ta' suċċess fir-riżoluzzjoni ta' konflitti minn Stati Membri tal-UE, partikolarment il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, jista’ jippermetti li l-UE twettaq rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina billi tuża kemm is-soluzzjonijiet istituzzjonali u kemm dawk politiċi li ġew żviluppati waqt il-konflitti preċedenti;
1. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha ħalli mingħajr kundizzjonijiet jirrikonoxxu lill-Istat Palestinjan skont il-konfini tal-1967;
2. Jemmen bil-qawwa li r-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan mill-Ewropa kollha se javvanza l-prospetti għall-paċi u jinkoraġġixxi l-isforzi, inkluż mis-soċjetà ċivili Iżraeljana, sabiex tiġi żgurata riżoluzzjoni negozjata ta’ żewġ stati għall-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;
3. Jilqa’ r-rikonoxximent li ngħata dan l-aħħar lil Stat Palestinjan mill-Gvern tal-Isvezja; jilqa’ l-adozzjoni sussegwenti, minn maġoritajiet predominanti, ta’ riżoluzzjonijiet mill-korpi leġiżlattivi ta’ Franza, Spanja, l-Irlanda u r-Renju Unit fejn ħeġġew lill-gvernijiet rispettivi tagħhom jagħmlu l-istess bħall-Isvezja;
4. Jinsab allarmat serjament mill-eskalazzjoni li seħħet dan l-aħħar tal-vjolenza f’Ġerusalem u jikkundanna mingħajr ekwivoċità l-atti kollha ta’ vjolenza kontra l-persuni ċivili li twettqu miż-żewġ naħat; jirrikonoxxi d-dritt kemm tal-Iżrael u kemm tal-Palestina li jgħixu fis-sikurezza 'il ġewwa mill-konfini rikonoxxuti tagħhom; jitlob li l-intensità tas-sitwazzjoni titnaqqas, għax hemm ir-riskju li tibla’ r-reġjun kollu; jinsisti fuq l-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont għall-atti kriminali kollha mwettqa kontra l-persuni ċivili;
5. Jenfasizza li l-okkupazzjoni Iżraeljana tat-territorji Palestinjani ddgħajjef u mhux tippreserva s-sigurtà tal-Iżrael, u li n-nuqqas ta’ progress lejn soluzzjoni nnegozjata ta’ żewġ stati jwassal biss għal aktar vjolenza u tixrid ta' demm;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-espansjoni kontinwata tal-insedjamenti Iżraeljani, li tmur kontra d-dritt internazzjonali, tkompli tagħti n-nar lir-riżentiment Palestinjan u ddgħajjef il-vijabilità u l-prospetti tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament iwaqqfu u jaqilbu l-politika ta ' insedjament tagħhom, inklużi pjanijiet għall-ispostament sfurzat tal-popolazzjonijiet Bedwini;
7. Jikkundanna l-attakki li jsiru fuq ċittadini Iżraeljani mill-Ħamas u gruppi militanti oħra, li għandhom jieqfu;
8. Jenfasizza li r-rispett tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha jibqa ' prekondizzjoni essenzjali biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema; jissottolinja r-responsabilità partikolari li għandu l-Iżrael skont id-dritt internazzjonali, bħala s-setgħa okkupanti, li jirrispetta d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
9. Jistieden lill-UE twettaq ir-responsabilitajiet tagħha bħala attur influwenti u tieħu inizjattiva ta’ paċi kuraġġuża u komprensiva għar-reġjun, b’mod partikolari abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi; jistieden ukoll lill-UE tiżviluppa approċċ “greenfield” lejn il-politika ta' impenn attwali tagħha mal-atturi ewlenin fir-reġjun sabiex tagħti lilha nnifisha l-mezzi biex twettaq aġenda ta' paċi ambizzjuża;
10. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu passi biex iħarsu l-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u joħolqu dinamika pożittiva lejn negozjati ta' paċi ġenwini; f’dan ir-rigward, jistieden lill-UE twieġeb għall-espansjoni kontinwata tal-insedjamenti Iżraeljani billi:
a. iżżid id-diplomazija pubblika tal-UE;
b. terġa’ tivvaluta l-għajnuna ta’ kooperazzjoni lill-Iżrael skont il-“politika ta’ inqas għal inqas”;
c. teskludi b’mod strett l-applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ bejn l-UE u l-Iżrael għat-Territorju Palestinjan Okkupat;
d. issaħħaħ il-parir liċ-ċittadini u lill-kumpaniji tal-UE dwar l-insedjamenti u l-attivitajiet tal-insedjamenti, u tieħu azzjoni vis-à-vis l-kumpaniji tal-UE li jkunu kompliċi fi vjolazzjonijiet fl-insedjamenti;
e. tieħu miżuri konkreti lejn l-insedjaturi, inkluża l-adozzjoni ta’ politika ta’ nonkuntatt u projbizzjoni tal-viża;
f. teskludi mis-suq intern tal-UE l-prodotti li ġejjin mill-insedjamenti;
g. terġa’ teżamina r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
11. Jistieden lill-UE tkompli tagħti appoġġ lil Stat Palestinjan permezz ta’ programmi ta’ bini ta’ stat u billi tappoġġja l-applikazzjoni mill-Palestina biex issir membru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, u tintensifika l-appoġġ tagħha lis-soċjetà ċivili;
12. Jiddeċiedi li jvara inizjattiva ta’ “Membri Parlamentari għall-Paċi” li jkollha l-mira li tiġbor flimkien membri parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani bil-għan li tkun tista’ tavvanza aġenda għall-paċi u tikkumplementa l-isforzi diplomatiċi tal-UE;
13. Jistieden lill-partijiet kollha jimplimentaw b’mod effettiv it-termini li ntlaħqu taħt il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ Awwissu 2014; b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament, mingħajr kondizzjonijiet u b’mod komplet ineħħu l-imblokk illegali tal-Istrixxa ta’ Gaża;
14. Jilqa' l-passi inkoraġġanti lejn ir-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana u l-formazzjoni ta' gvern teknokratiku, li rnexxielhom isiru qabel l-offensiva militari Iżraeljana li saret f’Awwissu 2014; jistieden lill-forzi Palestinjani kollha jerġgħu jibdew jagħmlu sforzi favur ir-rikonċiljazzjoni; jiddenunzja t-tentattivi li għandhom il-għan li jimminaw dan il-proċess li hu potenzjalment storiku u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jeħilsu lil dawk kollha arrestati mit-12 ta ' Ġunju 2014 ’il hawn jew inkella jakkużawhom b’offiża kriminali rikonxxuta;
15. Jiddeċiedi li jfassal rapport dwar il-kummerċ tal-armi u tagħmir ta' sigurtà ieħor bejn l-Istati Membri u l-Iżrael/il-Palestina u dwar il-kompatibilità ta' tali kummerċ mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE; jitlob għal embargo komprensiv fuq l-armi min-naħa tan-NU fuq il-partijiet kollha fir-reġjun sabiex jiġi evitat ksur ulterjuri tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali;
16. Jiddeċiedi li jibgħat delegazzjoni ad hoc f'Gaża/il-Palestina u f'Iżrael biex tivvaluta s-sitwazzjoni fuq il-post u l-prospetti għal soluzzjoni sostenibbli għall-konflitt;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-korpi tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.
- [1] ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 104.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0454.