Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0310/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0310/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan

10.12.2014 - (2014/2964(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Patrick Le Hyaric, Martina Anderson, Neoklis Sylikiotis, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa, Teresa Rodriguez-Rubio, Younous Omarjee, Pablo Iglesias, Eleonora Forenza, Merja Kyllönen, Marisa Matias, Rina Ronja Kari, Josu Juaristi Abaunz, Gabriele Zimmer, Marie‑Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Malin Björk, Anne-Marie Mineur, Liadh Ní Riada, Fabio De Masi, Matt Carthy, Lynn Boylan, Curzio Maltese, Georgios Katrougkalos, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Emmanouil Glezos, Kostas Chrysogonos, Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Lidia Senra Rodríguez, Lola Sánchez Caldentey f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0277/2014

Proċedura : 2014/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0310/2014
Testi mressqa :
B8-0310/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0310/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan

(2014/2964 (RSP)).

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 67/19 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, f'Novembru 2012, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kkonferiet l-istatus ta' "stat osservatur mhux membru" lill-Palestina;

B.     billi, fit-30 ta' Ottubru 2014, il-Gvern Svediż ħabbar ir-rikonoxximent uffiċjali tiegħu ta' Stat Palestinjan; billi l-Isvezja hi l-ewwel pajjiż li, bħala Stat Membru tal-UE, rrikonoxxiet l-Istat Palestinjan;

C.     billi seba' Stati Membri oħra - il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta, il-Polonja u r-Rumanija - kienu diġà rrikonoxxew l-Istat Palestinjan qabel ma saru membri tal-UE;

D.     billi l-Istat Palestinjan hu rikonoxxut minn aktar minn 130 pajjiż madwar id-dinja;

E.     billi, fit-13 ta' Ottubru 2014, il-Kamra tad-Deputati tar-Renju Unit, approvat mozzjoni li tiddikjara li "l-Gvern għandu jagħti rikonoxximent lil Stat Palestinjan bl-istess mod bħall-Istat tal-Iżrael, dan bħala għajnuna biex tkun assigurata soluzzjoni nnegozjata ta' żewġ stati";

F.     billi fit-22 ta' Ottubru 2014 is-Senat Irlandiż għadda mozzjoni fejn talab "lill-Gvern biex jirrikonoxxi Stat Palestinjan b'mod formali u biex jagħmel dak kollu possibbli fil-livell internazzjonali biex jgħin jassigura soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina";

G.     billi fit-18 ta' Novembru 2014 il-Parlament Spanjol approva mozzjoni fejn iħeġġeġ lill-gvern jirrikonoxxi l-Palestina bħala stat;

H.     billi l-votazzjoni fl-Assemblea Nazzjonali Franċiża dwar mozzjoni li tistieden lill-Gvern Franċiż jirrikonoxxi Stat Palestinjan, bil-għan li tinstab soluzzjoni finali għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, hi skedata għat-28 ta' Novembru 2014, u billi din il-votazzjoni għandha tiġi segwita minn votazzjoni dwar l-istess mozzjoni fis-Senat fil-11 ta' Diċembru 2014;

I.      billi inizjattivi simili tnedew f'bosta pajjiżi Ewropej oħrajn;

J.      billi numru dejjem akbar ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Iżraeljana, ta' movimenti għall-paċi u ta' intellettwali qegħdin jitolbu għar-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan;

K.     billi l-komunità internazzjonali għandha l-għan li tikseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u bejn l-Għarab u l-Iżraeljani, f'kuntest aktar wiesgħa;

L.     billi r-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan hu ta' kompetenza tal-Istati Membri;

M.    billi l-UE naqset milli twettaq rwol politiku sinifikanti fil-proċess ta' paċi tul dawn l-aħħar snin;

N.     billi, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu l-Parlament stieden lill-Istati Membri jkunu magħquda fl-indirizzar tat-talba leġittima tal-Palestinjani li pajjiżhom ikun rappreżentat bħala stat fin-Nazzjonijiet Uniti;

O.     billi l-Parlament, bl-adozzjoni ta' riżoluzzjoni, esprima l-appoġġ tiegħu biex l-Istat Palestinjan isir stat osservatur mhux membru fin-NU;

1.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE, lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet tan-NU biex jirrikonoxxu Stat Palestinjan, skont il-konfini tal-1967 u bil-Lvant ta' Ġerusalem bħala l-kapitali, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet tan-NU;

2.      Jenfasizza li s-soluzzjoni ta' żewġ stati hi bbażata fuq ir-riżoluzzjoni tal-1948 tan-NU, u fuq ir-rikonoxximent taż-żewġ stati mill-komunità internazzjonali;

3.      Itenni l-inkontestabilità tad-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u li jkollhom stat tagħhom kif ukoll id-dritt ta' eżistenza f'konfini sikuri tal-Istat tal-Iżrael;

4.      Jenfasizza li r-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan mill-Istati Membri għandha tikkontribwixxi għat-tkomplija immedjata tat-taħdidiet ta' paċi diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex terfa' r-responsabilità tagħha biex issir protagonist politiku reali fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

5.      Jitlob liż-żewġ partijiet biex jieqfu minn kwalunkwe azzjoni li tista' timmina l-vijabilità u l-prospetti ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-kostruzzjoni ta' insedjamenti Iżraeljani u attivitajiet ta' espansjoni fix-Xatt tal-Punent, inkluż il-Lvant ta' Ġerusalem, kif ukoll l-esproprjazzjoni kontinwa ta' art Palestinajana u l-qerda ta' proprjetà Palestinjana mill-Iżrael;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Prim Ministru tal-Gvern Palestinjan b'Kunsens Nazzjonali u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.