Proċedura : 2014/2931(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0326/2014

Testi mressqa :

B8-0326/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 126kWORD 218k
4.12.2014
PE539.049v01-00
 
B8-0326/2014

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Abbozz tad-Direttiva tal-Kunsill .../.../UE li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (D00000/00 – 2014/2931(RPS))


Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Giovanni La Via

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Abbozz tad-Direttiva tal-Kunsill .../.../UE li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (D00000/00 – 2014/2931(RPS))  
B8-0326/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Abbozz tad-Direttiva tal-Kunsill .../.../UE li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7a(5) tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni .../.../UE ta' ... li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (D016937/03),

–        wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-23 ta' Frar 2012 mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 98/70/KE,

–       wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni dwar il-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (SWD(2014)0296),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(4)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(2),

–       wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi d-Direttiva 98/70/KE riveduta(3) dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil tobbliga lill-fornituri biex jagħmlu rapport ta' kull sena dwar l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra (GHG) tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta' enerġija ta' karburant u ta' enerġija provduta f'kull Stat Membru, u biex l-intensità tal-emissjonijiet GHG tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti provduti titnaqqas tal-inqas b'6 % sal-31 ta' Diċembru 2020 meta mqabbla mal-medja tal-UE tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta' enerġija mill-fjuwils fossili fl-2010;

B.     billi l-obbligu tad-dekarbonizzazzjoni kien introdott biex jiżgura li s-settur tal-karburant jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri fuq terminu iktar fit-tul ta' tnaqqis ta' GHG, u sabiex ikun stimulat aktar l-iżvilupp ta' karburant b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju kif ukoll miżuri oħra li jnaqqsu l-emissjonijiet mill-katina tal-produzzjoni;

C.     billi d-direttiva tirrikjedi li l-fornituri jikkalkulaw u jagħtu rapport dwar l-emissjonijiet ta' GHG tul iċ-ċiklu tal-ħajja għall-bijokarburanti billi jużaw valuri effettivi jew billi jużaw valuri prestabbiliti abbażi tal-mogħdijiet ta' produzzjoni speċifiċi għall-materja prima użata;

D.     billi l-proposta tal-Kummissjoni għal abbozz ta' direttiva tal-Kunsill tirrikonoxxi d-differenzi sinifikanti fl-intensità ta' emissjonijiet tal-GHG ta' karburanti bejn dawk konvenzjonali mhux raffinati (93.2 gCO2eq/MJ għall-petrol) u l-materja prima mhux konvenzjonali, bħal ramel bituminuż/qatran naturali (107 gCO2eq/MJ), żejt tax-shale (131.1 gCO2eq/MJ) jew faħam-għal-likwidu (172 gCO2eq/MJ);

E.     billi sabiex tintlaħaq konformità mal-mira ta' dekarbonizzazzjoni – kif provdut skont l-Artikolu 7a – l-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill tkun teħtieġ li l-fornituri jużaw l-istess standard medju prestabbilit fl-UE kollha biex jirrapreżenta l-intensità ta' emissjonijiet tal-GHG għal kull unità għall-materja prima tat-tipi kollha ta' fjuwils fossili;

F.     billi l-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill ma tippermettix li l-fornituri jirrapurtaw abbażi tal-materja prima li huma attwalment jużaw, u dan jelimina l-għażla kosteffettiva tal-użu ta' materja prima li tkun l-inqas intensiva f'termini ta' GHG biex jikkontribwixxu ħalli tinħlaħaq il-konformità mal-mira ta' dekarbonizzazzjoni;

G.     billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni qiset firxa ta' għażliet oħra minbarra l-"approċċ ta' rappurtar bażiku" tal-medja tal-valuri GHG prestabiliti għal kull tip ta' karburant (pereżempju petrol jew diżil) abbażi ta' taħlita ta' karburant (B1) tal-UE ppreżentata fl-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill, inkluż bl-użu ta' valuri GHG prestabbiliti mhux aggregati mit-tipi ewlenin ta' materja prima (C), jew bl-użu ta' valuri GHG prestabbiliti mhux aggregati konservattivi filwaqt li tippermetti lill-fornituri jirrapurtaw valuri effettivi ('approċċ ibridu'(D2)); billi l-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-għażliet C, D2 u B1 għandhom impatt ekonomiku simili; billi l-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-għażla B1, li ntgħażlet għall-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill, fiha impreċiżjonijiet minħabba l-indisponibbiltà tad-data dwar il-medja tat-taħlita ta' karburant tal-UE u minħabba li ma tkoprix prodotti impurtati; billi l-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet ukoll li l-għażla B1 għandha l-agħar prestazzjoni ambjentali minħabba l-fatt li tinkoraġġixxi konsum akbar ta' sorsi ta' enerġija mhux konvenzjonali fit-taħlita ta' karburant tal-UE finali;

H.     billi l-valutazzjoni tal-impatt tinnota li "għalkemm is-sehem tal-enerġija ta' żejt mhux konvenzjonali ta' intensità għolja ta' GHG jibqa' kumparattivament baxx bi 3 %, l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra assoċjati ta' 3.48 gCO2e/MJ huma sinifikanti f'termini tal-mira ta' tnaqqis ta' 6 % minħabba li waħedhom jirrapreżentaw 4 % tal-livelli ta' intensità ta' fjuwil fossili tal-2010 u b'hekk ekwivalenti għal aktar minn nofs it-tnaqqis mixtieq fl-intensità ta' GHG tal-karburant użat fl-UE fl-2020" (p. 24) u li "f'ċerti Stati Membri fejn qed isiru investimenti sinifikanti minn raffineriji biex ikunu jistgħu jipproċessaw żjut mhux raffinat itqal, is-sehem taż-żejt mhux konvenzjonali jista' jiżdied b'mod rapidu ħafna" (p17);

I.      billi l-kalkolu tad-dħul ta' karburanti minn sorsi mhux konvenzjonali, inkluż ramel bituminuż, ma jikkunsidrax il-bidliet reċenti fl-infrastruttura u fis-suq taż-żejt li qed iżidu l-kapaċità tar-ramel bituminuż mhux raffinat Kanadiż li jasal f'portijiet tal-oċean għall-esportazzjoni globali;

J.      billi skont il-valutazzjoni tal-impatt, is-sehem ta' karburant mhux konvenzjonali fit-taħlita ta' karburant tal-UE jitnaqqas b'mod sinifikanti jekk għall-metodoloġija tintuża diżaggregazzjoni abbażi tat-tipi ewlenin ta' materja prima (l-għażla C);

K.     billi l-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill tippermetti li l-iffrankar miksub mit-tnaqqis ta’ emissjonijiet upstream (pereżempju dak minn ivvampjar u ivventjar) ikun inkluż fil-kalkolu tal-emissjonijiet tal-fornituri tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mingħajr garanziji għall-addizzjonalità jew l-integrità ambjentali tal-iffrankar;

L.     billi l-metodu użat biex jiġu kkalkulati l-livelli ta' emissjonijiet GHG minn karburanti jew sorsi ta' enerġija oħra mhux bijoloġiċi għandu jkun is-suġġett ta' reviżjoni ulterjuri biex titqies iż-żieda antiċipata ta' karburanti b'livelli ta' intensità għolja ta' GHG u ta' karburanti li ġejjin minn materja prima oħra emerġenti;

1.      Joġġezzjona għall-adozzjoni tal-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill;

2.      Iqis li dan l-abbozz għal direttiva tal-Kunsill mhijiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tad-Direttiva 98/70/UE;

3.      Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz tad-direttiva tal-Kunsill u tressaq proposta ġdida lill-kumitat, li tkun ibbażata fuq ir-rekwiżit li valuri tal-intensità ta' GHG prestabbiliti mhux aggregati jkunu rappurtati skont it-tip ta' materja prima għall-petrol u d-diżil, filwaqt li tippermetti lill-fornituri jirrapurtaw valuri effettivi;

4.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)

ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88.

Avviż legali