Proċedura : 2014/2918(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0350/2014

Testi mressqa :

B8-0350/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0102

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kWORD 82k
10.12.2014
PE545.598v01-00
 
B8-0350/2014/rev1

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0044/2014 u B8‑0045/2014

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE (2014/2918(RSP))


Claude Moraes f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern
EMENDI

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE (2014/2918(RSP))  
B8‑0350/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE 2010-2014 (COM(2014)0365),

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,

–       wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitat mill-Internet (iOCTA) tal-Europol għas-sena 2014,

–       wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata tal-Europol (SOCTA) għas-sena 2013,

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2014 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-applikazzjoni tal-kunċetti tan-neċessità u tal-proporzjonalità u l-protezzjoni tad-dejta fis-settur tal-infurzar tal-liġi,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar l-eżami ta' nofs il-perjodu tal-Programm ta' Stokkolma(1),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE(2),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2012 dwar sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE(4),

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE (O-000089/2014 – B8‑0044/2014 u O‑000090/2014 – B8‑0045/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2)tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi t-Trattat ta' Lisbona stabbilixxa l-pedamenti għall-iżvilupp ta' politika ta' sigurtà tal-UE, kondiviża mill-qrib mill-UE u l-Istati Membri tagħha, imsejsa fuq l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u s-solidarjetà, u soġġetta għall-kontroll demokratiku fil-Livell Ewropew u nazzjonali, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà; billi permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-Parlament Ewropew sar attur sħiħ fil-qasam tal-politiki ta' sigurtà bil-għan li jiżgura l-kontroll demokratiku, u għaldaqstant il-Parlament ingħata l-jedd li jipparteċipa b'mod attiv fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet f'dan il-qasam u li jieħu sehem mal-atturi relevanti kollha fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali sabiex jikseb politika tas-sigurtà tal-UE komprensiva, immirata u effikaċi;

B.     billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa nbidlet b'mod drammatiku fis-snin reċenti minħabba taqlib u kunflitti ġodda fil-viċinat immedjat tal-UE, l-iżvilupp rapidu ta' teknoloġiji ġodda, u ż-żieda tar-radikaliżmu li qed tkun il-kawża ta' vjolenza u terroriżmu; billi ħafna mill-isfidi tal-lum fil-qasam tas-sigurtà huma ta' natura transfruntiera u transsettorjali, u jmorru lil hinn mill-kapaċità ta' kwalunkwe Stat Membru individwali li jista' jirreaġġixxi għalihom b'mod effikaċi, u billi dan jitlob approċċ Ewropew komuni;

C.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabilità komuni biex jiżguraw s-sigurtà u l-libtertà taċ-ċittadini Ewropej; billi l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma objettivi li għandhom jiġu segwiti b'mod parallel, u billi, sabiex jinkisbu l-libertà u l-ġustizzja, il-miżuri ta' sigurtà għaldaqstant għandhom dejjem ikunu bbażati fuq l-evidenza, f'konformità mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u abbażi ta' responsabilità u sorveljanza adegwata u demokratika;

D.     billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sostenn u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fl-UE;

E.     billi l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna (ISS) għall-perjodu 2010-2014 waslet fi tmiemha u qed titħejja Strateġija ta' Sigurtà Interna ġdida għall-perjodu 2015-2019;

1.      Jilqa' t-tħejjija tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna (ISS) għall-erba' snin li ġejjin; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, mindu ġiet stabbilita l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna attwali, tfaċċaw theddidiet għas-sigurtà ġodda, filwaqt li oħrajn jeħtieġu rispons ta' politika differenti; itenni, barra minn hekk, li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona inkorpora l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fid-dritt tal-UE; jemmen, għaldaqstant, li l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna attwali għandha tiġi vvalutata bir-reqqa, aġġornata u mmodifikata;

2.      Jemmen li l-prerekwiżiti għal strateġija ta' sigurtà interna effikaċi jinkludu analiżi magħmula bir-reqqa tat-theddidiet għas-sigurtà li għandhom jiġu indirizzati, analiżi li għandha ssir mill-Europol b'kooperazzjoni mill-qrib ma' entitajiet relevanti oħra tal-UE u l-Istati Membri;

3.      Jiddispjaċih għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tinkludix evalwazzjoni tal-istrumenti attwali u l-valutazzjoni korrispondenti tal-lakuni li għadhom jeżistu; jappella b'mod urġenti lill-Kummissjoni biex tagħti rendikont tas-sitwazzjoni attwali u tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq l-implimentazzjoni xierqa u l-użu aħjar tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti eżistenti qabel ma jiġi propost il-ħolqien ta' oħrajn ġodda; jistieden lill-Kunsill, speċifikament, biex f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni jevalwa b'mod komprensiv l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tas-sigurtà interna qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, billi jagħmel użu mill-proċedura prevista mill-Artikolu 70 TFUE;

4.      Jitlob li l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna l-ġdida tkun progressiva u strateġika, kif ukoll faċilment adattabbli għal sitwazzjonijiet dejjem jinbidlu, billi tiffoka mhux biss fuq it-theddidiet eżistenti, iżda wkoll fuq it-theddidiet għas-sigurtà li qed jitfaċċaw, u billi jittieħed approċċ integrat, komprensiv u olistiku fir-rigward ta' oqsma ta' prijorità bħaċ-ċibersigurtà, it-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u fir-rigward ta' temi interkonnessi bħall-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni;

5.      Jinnota bi tħassib in-numru dejjem jogħla ta' ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn żoni li jinsabu f'kunflitt biex jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristi u sussegwentement jirritornaw lejn it-territorju tal-UE, u b'hekk jikkostitwixxu theddidiet ġodda għas-sigurtà interna tal-UE; biħsiebu jindirizza din it-tendenza inkwetanti b'approċċ multidimensjonali, fosthom (i) it-teħid ta' azzjoni b'mod komprensiv fir-rigward ta' fatturi sottostanti bħalma huma r-radikalizzazzjoni, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza politika u reliġjuża, billi jiġu żviluppati l-koeżjoni soċjali u l-inklużività, u tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni, (ii) l-analiżi u l-ħolqien ta' kontrobilanċ tal-inċitament għat-twettiq ta' atti terroristi motivati mill-estremiżmu, u t-tluq bl-iskop ta' għaqda ma' organizzazzjonijiet terroristi, (iii) il-prevenzjoni u t-twaqqif tar-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni fil-kunflitti, inkluż l-ivvjaġġar stess min-naħa tal-ġellieda barranin lejn żoni li jinsabu f'kunflitt, fi ħdan l-oqfsa legali xierqa, (iv) l-isfrattar tas-sostenn finanzjarju li jingħata lil organizzazzjonijiet terroristi u individwi li biħsiebhom jingħaqdu magħhom, u (v) jiġi previst it-teħid ta' proċedimenti kriminali fejn xieraq;

6.      Jindika l-fatt li t-theddidiet fuq is-sigurtà saru aktar varjati, internazzjonali, multipli u asimmetriċi, u jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni transfruntiera u kooperazzjoni bejn l-aġenziji aktar mill-qrib; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni operazzjonali aktar effikaċi bejn l-Istati Membri permezz ta' użu akbar tal-istrumenti importanti li diġà jeżistu, bħall-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunta, u qsim aktar rapidu u effiċjenti tad-data u l-informazzjoni relevanti, li jkun soġġett għas-salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jissottolinja, b'rabta ma' dan, l-importanza kbira tal-adozzjoni rapida tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data proposta sabiex jiġi provdut qafas legali komprensiv għall-kondiviżjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi; jissottolinja li, biex issir promozzjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri jeħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali għall-bini tal-fiduċja; jappoġġa, għaldaqstant, it-tisħiħ tal-programmi Ewropej ta' taħriġ u skambju għal professjonisti nazzjonali sabiex titrawwem aktar il-kultura ta' infurzar tad-dritt Ewropew;

7.      Ifakkar lill-Kunsill Ewropew fl-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 222 Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jwettaq valutazzjoni regolari tat-theddidiet għall-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti dwar kif l-aħjar timplimenta dan l-obbligu, billi ġġib flimkien, fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, il-valutazzjonijiet dwar it-theddidiet u r-riskji, li attwalment huma kkaratterizzati minn frammentazzjoni u punt fokali wisq limitat;

8.      Jitlob li jinstab il-bilanċ ix-xieraq bejn il-politiki ta' prevenzjoni u l-miżuri repressivi sabiex jiġu protetti l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja; jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri ta' sigurtà għandhom dejjem jiġu segwiti f'konformità mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex, hija u tfassal u timplimenta l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna l-ġdida, tieħu kont debitu tas-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data, li tesiġi li l-istrumenti kollha jikkonformaw mal-prinċipji tal-proporzjonalità, in-neċessità u l-legalità, u jinkludu s-salvagwardji adegwati tal-kontabilità u r-rimedji ġudizzjarji;

9.      Iqis li hija ħasra li l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għad m'għandhiex 'dimensjoni tal-ġustizzja' reali; ifakkar li, f'konformità mal-programm ta' Stokkolma, il-fiduċja reċiproka trid tissaħħaħ billi b'mod progressiv tiġi żviluppata kultura ġudizzjarja Ewropea msejsa fuq id-diversità ta' sistemi u tradizzjonijiet legali, permezz tal-kooperazzjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni Ewropea f'dan il-qasam u, b'mod speċifiku, permezz tal-iżvilupp ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

10.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni xierqa tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna l-ġdida hija ta' importanza deċiżiva, li jeħtieġ li jkun hemm diviżjoni ċara tal-kompiti bejn il-livelli tal-UE u l-livelli nazzjonali u li kemm il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-parlamenti nazzjonali jeħtieġ li jkunu parti minn dan il-proċess ta' monitoraġġ; biħsiebu, għaldaqstant, iwettaq eżerċizzji ta' monitoraġġ regolari fuq l-implimentazzjoni korretta tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali;

11.    Jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà; jemmen li għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn l-għodod tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI), inklużi l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi, speċjalment permezz tal-użu ta' ftehimiet ta' assistenza legali reċiproka, f'konformità sħiħa mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 21 TUE; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-fatt li l-atturi relevanti kollha, inklużi l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar, għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib, u jintegraw l-aspetti interni u esterni;

12.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu provduti riżorsi finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri stabbiliti fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, u b'mod partikolari li jiġi żgurat li l -aġenziji tal-UE, bħall-Europol u l-Eurojust, jkunu mgħammra kif meħtieġ biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom; jirrikonoxxi, b'rabta ma' dan, ir-rwol importanti li jistgħu jkollhom ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' għodod li jgħinu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u serja;

13.    Jissottolinja l-fatt li, fil-prattika, l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għandha konsegwenzi wkoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti ta' prijorità lill-operazzjonijiet tal-aġenziji Ewropej u l-finanzjament Ewropew fil-qasam tal-ĠAI, qasam li fih il-Parlament huwa koleġiżlatur; iħeġġeġ lill-Kunsill, għaldaqstant, biex qabel ma jadotta l-istrateġija l-ġdida, iqis b'mod xieraq il-kontribut tal-Parlament fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna l-ġdida;

14.    Biħsiebu jelabora ulterjorment il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà interna, abbażi tal-komunikazzjoni mistennija tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, u jibda djalogu siewi mal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni fl-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0276.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0173.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0384.

Avviż legali