Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0351/2014

Testi mressqa :

B8-0351/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 127kWORD 67k
10.12.2014
PE545.600v01-00
 
B8-0351/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))


Angelika Mlinar, Pavel Telička, Izaskun Bilbao Barandica, Renate Weber, Fredrick Federley f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji  (2014/2976(RSP))  
B8‑0351/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar Pjan ta' Azzjoni dwar l-Azzar bl-isem ‘Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa’ (COM(2013)0407),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u fuq ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar strateġiji reġjonali għal żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea(2),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-Round Table ta' Livell Għoli dwar il-futur tal-industrija tal-azzar Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi ż-żamma ta’ settur tal-azzar sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiv huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, bħala s-sinsla għal ħafna forom ewlenin tal-produzzjoni industrijali;

B.     billi l-industrija Ewropea tal-azzar qeda, f'ħafna Stati Membri, qed iġġarrab tnaqqis sostanzjali fid-domanda globali, u f’xi każijiet qed tiffaċċa sfidi relatati mal-kompetittività kif ukoll żieda fl-ispejjeż;

C.     billi huwa importanti li jiġu kkoordinati politiki sabiex tiġi żgurata industrija tal-azzar sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, li tadatta għall-kundizzjonijiet tas-swieq Ewropej u mhux Ewropej;

D.     billi l-industrija tal-azzar hija kompletament globali, u billi l-Ewropa qed tiffaċċa kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi terzi li għandhom regolamenti u standards differenti; billi huwa essenzjali għas-settur tal-azzar li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi;

E.     billi l-ispejjeż għall-enerġija jridu jiġu kkunsidrati f'approċċ globali għall-industrija tal-azzar, u billi l-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali fl-UE jista' jkollhom impatt dirett fuq il-kompetittività;

F.     billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija impjegatur ewlieni, li tirrappreżenta 'l fuq minn 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni aktar f'industriji relatati, inkluża l-katina tal-provvista tar-riċiklaġġ; billi f'dawn l-aħħar snin l-industrija tal-azzar iffaċċat sfidi kunsiderevoli f'termini ta' ristrutturazzjoni, fużjonijiet industrijali u delokalizzazzjoni tal-manifattura Ewropea;

G.     billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma xpruni importanti għat-tkabbir ekonomiku u għall-industrija kompetittiva;

H.     billi l-ħolqien ta' qafas stabbli għal investiment kapitali privat huwa kruċjali, flimkien ma' użu effiċjenti tar-riżorsi tal-UE;

1.      Jappoġġa l-ħolqien ta' Ewropa aktar miftuħa għall-intrapriżi b'bażi industrijali Ewropea kompetittiva u sostenibbli, b'mod partikolari fis-settur tal-azzar, permezz tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, fit-teknoloġiji u l-ħiliet ġodda, u aċċess aħjar għal finanzjament;

2.      Jisħaq fuq l-importanza ta' politika industrijali u regolamentazzjoni intelliġenti b'miżuri li jagħmlu possibbli l-qawmien tal-kompetittività tal-industrija Ewropea f'suq globali u jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi effettivi għall-atturi ekonomiċi kollha, bil-għan li l-produzzjoni Ewropea tiġi mħarsa minn dumping soċjali u ambjentali;

3.      Jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni għall-industrija, bħala wieħed mill-aġenti ewlenin tal-ekonomija, li jkun kapaċi jipprovdi impjiegi stabbli u ta' kwalità;

4.      Jenfasizza l-importanza tal-industrija tal-azzar għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-industriji kollha sussegwenti fil-katina ta' proċessar li jużaw il-prodotti tagħha ta' kwalità għolja;

5.      Jinkoraġġixxi passi lejn swieq uniċi tal-enerġija u finanzjarji bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi veri fis-suq intern u tiġi promossa l-kompetittività msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni;

6.      Jinnota d-diffikultajiet li qed jaffaċċja s-settur tal-azzar f'ħafna Stati Membri, li xi wħud minnhom huma kkawżati minn tnaqqis sinifikanti fid-domanda globali u żieda fl-ispejjeż tal-enerġija u delokalizzazzjoni tal-manifattura Ewropea; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (COM(2011)0571) u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Effiċjenza tar-Riżorsi;

7.      Jinkoraġġixxi l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi bħall-faċilitajiet ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji li jagħtu aċċess prijoritarju lill-industriji tal-azzar fi kriżi; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex ifasslu qafas ta’ finanzjament fit-tul għall-proġetti tal-azzar;

8.      Jemmen li l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industriji Ewropej u l-kapaċità tagħhom li joħolqu impjiegi fi żmien ta' kriżi u ta' skarsezza ta' riżorsi pubbliċi għandhom ikunu bbażati fuq użu aktar effettiv tar-riżorsi finanzjarji eżistenti, b'enfasi partikolari fuq it-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, bil-mezzi kollha disponibbli, bħalma huwa l-Fond Soċjali Ewropew u, fit-terminu qasir, il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni, u fi ħdan qafas stabbli għal investiment kapitali privat;

9.      Jitlob li jsir rieżami tal-politika fiskali Ewropea bil-għan li tiġi promossa konverġenza progressiva tat-tassazzjoni tal-industrija, u japoġġa l-innovazzjoni u l-użu aħjar ta' riżorsi;

10.    Jemmen li t-tibdil drastiku li jista' jseħħ fil-ġejjieni fis-settur tal-azzar u f'setturi oħra industrijali għandu jiġi antiċipat; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jallinjaw iktar mill-qrib il-politiki ta' edukazzjoni u ta' taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol bil-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu ma' sitwazzjonijiet simili u jippromwovu l-interess fl-oqsma tekniċi u xjentifiċi, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm professjonisti speċjalizzati fis-settur tal-azzar sabiex jixprunaw l-innovazzjoni;

11.    Jemmen li l-possibbiltajiet ta' tnaqqis, b'mod partikolari għas-setturi tal-industrija tal-azzar, jiddependu bil-kbir fuq teknoloġiji ġodda, u b'hekk jenfasizza r-rwol importanti li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE jista' jkollhom sabiex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea permezz tal-Horizon 2020, kif ukoll ir-rwol tagħha sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tas-settur tal-azzar Ewropew u l-kwalità għolja tal-produzzjoni tiegħu; ifakkar li r-riċerka u l-innovazzjoni huma xpruni importanti għat-tkabbir ekonomiku u għal industrija kompetittiva;

12.    Jemmen li sforzi konġunti fir-riċerka u l-iżvilupp jippromwovu l-produzzjoni tal-azzar b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u b'impatt baxx, u b'hekk jiffavorixxu industrija iktar sostenibbli u kompetittiva;

13.    Ifakkar li l-innovazzjoni trid tiġi inkoraġġuta billi jiġu sostnuti mhux biss ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u t-trasferiment tal-għarfien iżda wkoll l-introduzzjoni fis-suq u r-raggruppamenti tal-innovazzjoni, permezz tal-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati f'setturi strateġiċi bħalma hija l-industrija tal-azzar sabiex jiġi mmobilizzat iktar kapital privat;

14.    Jappoġġa l-użu kontinwu, fi ħdan l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet, ta' miżuri neċessarji għall-prevenzjoni tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju sakemm ma jsirux sforzi komparabbli f'ekonomiji oħra ewlenin, bil-għan li ma tiġix imminata l-kompetittività internazzjonali tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti fis-setturi kkonċernati;

15.    Jilqa' l-ħolqien tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzar;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti sabiex jonqsu l-ispejjeż tal-enerġija fuq medda medja u twila ta' żmien, speċjalment għall-industriji b'użu għoli ta' enerġija;

17.     Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0069.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0199.

Avviż legali