Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0352/2014

Testi mressqa :

B8-0352/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0104

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 173kWORD 97k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0352/2014
10.12.2014
PE545.601v01-00
 
B8-0352/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-settur tal-azzar tal-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))


Dan Nica, Bernd Lange, Patrizia Toia, Edouard Martin, Theresa Griffin, Miroslav Poche, Martina Werner, Simona Bonafè, Jens Geier, Flavio Zanonato, Adam Gierek, José Blanco López, Caterina Chinnici, Jutta Steinruck, Evelyn Regner, Brando Benifei, Maria Arena, Alessandra Moretti, Elly Schlein, Jonás Fernández, Sorin Moisă f'isem il-Grupp S&D

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-azzar tal-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))  
B8‑0352/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li minnu tnissel it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011 bit-titolu 'Il-politika industrijali: it-tisħiħ tal-kompetittività' (COM(2011)0642),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku – Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali' (COM(2012)0582),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa' (COM(2013)0407),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar, u dwar ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema; antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(3),

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impjant tal-azzar Acciai Speciali Terni (AST) fl-Italja (O-000087/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

L-isfidi ġenerali

A.     billi s-settur tal-azzar Ewropew kellu rwol storikament sinifikanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jikkostitwixxi l-bażi għall-ħolqien tal-valur miżjud industrijali Ewropew;

B.     billi l-industrija tal-azzar hija essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa u attwalment qed tgħaddi minn tnaqqis sostanzjali fid-domanda li qed jikkawża telf kontinwu ta' impjiegi u kompetittività, u dan mhuwiex sinjal tajjeb għall-irkupru meħtieġ tal-ekonomija Ewropea;

C.     billi l-UE għandha tippromwovi politika favur l-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali fl-Istati Membri kollha sabiex tissalvagwardja l-impjiegi fl-UE u tikseb l-objettiv tagħha li sal-2020 tkun żiedet is-sehem attwali tal-PDG iġġenerat mill-industrija minn tal-inqas għal 20 %;

D.     billi wieħed mill-objettivi tal-UE huwa li tappoġġa l-industrija tal-azzar u telimina x-xkiel u t-theddid għall-kompetittività tal-industrija, u li l-industrija ssir reattiva għal kondizzjonijiet tas-suq Ewropew, kif ukoll dawk ta' swieq mhux Ewropej, li qed jinbidlu;

E.     billi f'dawn l-aħħar snin l-industrija tal-azzar ħabtet wiċċha ma' sfidi ebsin f'dak li għandu x'jaqsam mar-ristrutturar u l-fużjonijiet industrijali, flimkien mal-ispejjeż soċjali li jġibu magħhom, iżda wkoll f'dak li għandu x'jaqsam ma' rekwiżiti ġodda biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-klima, pereżempju permezz ta' kostruzzjonijiet ta' piż ridott u l-potenzjal kbir għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tar-ruttam;

F.     billi l-industrija Ewropea tal-azzar qed tħabbat wiċċha ma' kriżi ta' investimenti li qed tipperikola l-futur tagħha stess, filwaqt li, fl-istess ħin, il-materjali tal-azzar huma mistennija jkollhom rwol kruċjali fil-provvediment ta' soluzzjonijiet industrijali sostenibbli għall-urbanizzazzjoni, il-mobilità u t-tibdil demografiku;

G.     billi żieda fid-domanda limitata se tfisser li l-Ewropa, minn esportatur nett se ssir importatur nett tal-azzar, speċjalment ta' prodotti ċatti u prodotti ta' valur miżjud għoli;

Il-kompetittività u l-kummerċ

H.     billi dan is-settur qed iħabbat wiċċu ma' kompetizzjoni qalila fis-suq dinji, l-aktar minn pajjiżi terzi li ħafna minnhom għandhom regolamenti u standards aktar baxxi fil-qasam soċjali u l-qasam ambjentali, u fir-rigward tal-aċċess għall-materja prima qed jgħaddi minn diffikultà dejjem akbar u jġarrab spejjeż dejjem ogħla;

I.      billi l-industrija tal-azzar se tkompli tnaqqas il-kapaċità u dan se tkompli tagħmlu minkejja l-fatt li, fejn jidħlu l-prodotti ċatti, il-prezzijiet Ewropej diġà huma (b'mod mhux sostenibbli) l-aktar baxxi fid-dinja, u dan minħabba l-pressjoni tal-importazzjoni;

J.      billi r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju ilha tikkostitwixxi realtà mindu bdiet it-tielet fażi tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) f'dan is-settur;

K.     billi l-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw 40% tat-total tal-ispejjeż operattivi, u billi l-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi aħħarin tal-industrija fl-UE qed jillimitaw il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej f'suq globalizzat;

L-aspetti soċjali

L.     billi r-rati tal-qgħad fl-UE huma marbuta mat-tiċkin tal-bażi produttiva industrijali u l-bażi produttiva tal-manifattura tagħha;

M.    billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija impjegatur ewlieni, li tirrappreżenta 'l fuq minn 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni aktar f'industriji relatati, inluża l-katina tal-provvista tar-riċiklaġġ;

N.     billi l-kriżi attwali kkawżat tbatija soċjali kbira għall-ħaddiema u r-reġjuni milquta;

O.     billi s-sitwazzjoni f'xi impjanti tal-azzar fl-Ewropa qed tqanqal tħassib serju, kemm fost il-ħaddiema kif ukoll fost l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, fost affarijiet oħra minħabba r-riskju ta' tnaqqis fil-volum ta' produzzjoni li se jaffettwa l-pożizzjoni fis-suq tal-kumpaniji tal-UE, u minħabba ż-żieda fil-pressjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn nuqqas ta' investiment fit-teknoloġija u fl-organizzazzjoni tan-negozju;

P.     billi l-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b'mod soċjalment responsabbli, fid-dawl tal-fatt li l-esperjenza wriet li r-ristrutturar soċjalment u ekonomikament sostenibbli qatt ma jista' jinkiseb mingħajr ma jkun hemm biżżejjed djalogu soċjali li jagħti attenzjoni speċjali lill-informazzjoni u l-konsulenza mal-ħaddiema, bħalma hu spjegat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2013 li ssemmiet qabel;

Q.     billi l-involviment komprensiv tas-sħab soċjali fil-livelli kollha, u t-tisħiħ tad-djalogi soċjali fil-livell tal-UE huma kruċjali għas-salvagwardja kemm tal-interessi tal-kumpaniji tal-azzar kif ukoll tal-ħaddiema tagħhom;

R.     billi bosta impjanti, li jirrappreżentaw kapaċità ta' 20 miljun tunnellata, ilhom temporanjament inattivi għal aktar minn tliet snin; billi, fl-istess ħin, il-forzi tax-xogħol ta' ħafna impjanti fl-Ewropa huma kkaratterizzati minn ħaddiema tas-sengħa li qegħdin jikbru fl-età u li kważi laħqu l-età tal-irtirar;

Ir-R&Ż / It-Teknoloġija

S.     billi l-industriji tat-teknoloġija għolja – pereżempju s-settur tal-azzar – intużaw bħala mudell ta' għarfien espert fil-qasam tat-teknoloġija li jrid jiġi protett, u billi jeħtieġ li ssir azzjoni immedjata biex jiġi evitat li dawn l-industriji jiġu delokalizzati barra mill-UE;

T.     billi r-R&Ż huma strateġiċi għal industrija li jeħtiġilha ssib mod kif tnaqqas l-emissjonijiet tagħha, speċjalment (iżda mhux esklużivament) tad-diossidu tal-karbonju;

L-isfidi

1.      Jisħaq fuq il-fatt li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa jiddependi ħafna minn industrija tal-manifattura b'saħħitha, li fiha l-industrija tal-azzar ikollha rwol importanti, u li l-manifattura tiddependi fuq it-tkabbir u d-domandi domestiċi;

2.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef it-tħejjija ta' pjan direzzjonali fir-rigward tal-politika industrijali li tħabbar għall-ewwel nofs tal-2015 sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-kuntest tas-suq dinji, bil-għan li tiggarantixxi kondizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni, filwaqt li tiżgura standards għoljin fl-oqsma soċjali u ambjentali fl-UE u taħdem għar-reċiproċità fil-pajjiżi terzi;

3.      Iqis li l-objettivi ambizzjużi tar-riindustrijalizzazzjoni bħala parti minn rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropa 2020 huma ta' importanza kbira għall-ksib ta' politika industrijali tal-UE ġenwina, u sabiex il-kompetittività industrijali tal-UE tiġi introdotta mill-ġdid fil-livell globali;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni biex lill-Parlament u lill-Kunsill tippreżentalhom, mill-aktar fis possibbli, qafas armonizzat ta' miżuri komuni li għandhom jissostitwixxu s-sistema ta' inċentivi attwali, sabiex tiggarantixxi kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq intern;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-pożizzjoni strateġika li l-industrija Ewropea tal-azzar għandha fid-dinja, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni tal-azzar hija meqjusa strateġika f'għadd kbir ta' pajjiżi, u tiżviluppa b'mod speċifiku pjan direzzjonali ċar għall-inizjattivi għal terminu medju u dawk għal terminu twil li biħsiebha tipproponi sabiex tappoġġa l-industrija tal-azzar fl-Ewropa; jenfasizza li pjan direzzjonali bħal dan irid jinkludi involviment komprensiv u bikri tas-sħab soċjali fil-livelli kollha;

6.      Jitlob lill-Kummissjoni biex fuq perjodu qasir tipprovdi rapport dwar l-isfidi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom l-industrija tal-azzar fl-Ewropa, inklużi l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali; ifakkar, b'rabta ma' dan, li wara li skada t-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali tal-iżviluppi fl-industrija Ewropea tal-azzar; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan l-esperjenza pożittiva, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-konsiderazzjonijiet strateġiċi tripartitiċi;

7.      Jappella għat-twaqqif mill-ġdid u b'mod urġenti tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzar fil-kuntest tal-Kulleġġ tal-Kummissarji li għadu kemm ġie elett, u l-organizzazzjoni ta' laqgħa fi ħdan dak il-qafas bil-għan li l-partijiet interessati relevanti jiġu informati dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-40 miżura stipulati fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzar;

8.      Jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzar għandu kamp ta' intervent limitat, kemm fil-proċess ta' konsulenza kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultati konkreti; iqis li huwa essenzjali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll it-trade unions li jirrappreżentaw iż-żoni li fihom jinsabu l-impjanti tal-azzar, ikunu involuti mill-qrib fil-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzar, biex b'hekk tiġi faċilitata u mħeġġa l-parteċipazzjoni ta' dawk ir-reġjuni Ewropej li fihom huma stabbiliti l-kumpaniji tal-azzar bil-għan li jiġu promossi l-kooperazzjoni, l-iskambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattika bejn il-partijiet interessati ewlenin fl-Istati Membri; jirrikjedi aktar effiċjenza u riżultati konkreti min-naħa ta' dan il-grupp ta' livell għoli;

9.      Jissottolinja l-ħtieġa li jsir studju dwar kif tista' tiġi indirizzata l-krizi fil-qasam tal-investiment sabiex l-industrija Ewropea tinbidel f'industrija sostenibbli u li tħalli qligħ, filwaqt li jitqies il-fatt li l-investimenti fl-industrija tal-azzar huma kkaratterizzati minn redditi fuq perjodu ta' żmien twil, u għaldaqstant għandhom jiġu indirizzati b'mod speċifiku mill-Pjan tas-Sur Juncker;

10.    Jisħaq fuq il-fatt li s-sostenn indirett għas-settur tal-azzar huwa kruċjali, inkluż l-iżvilupp strateġiku ta' setturi ewlenin li jagħmlu użu mill-azzar, u b'hekk jinħolqu inċentivi għal proċessi ta' produzzjoni effiċjenti u ġusti, filwaqt li jissaħħaħ is-suq intern u jiġi inċentivat l-iżvilupp tal-ħiliet;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni wasslitx għal soluzzjonijiet inġusti fis-suq Ewropew tal-azzar, b'effetti negattivi potenzjali fuq l-effiċjenza tiegħu, u, f'dak il-każ, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri korrettivi u tipprevjeni sitwazzjonijiet bħal dawn fil-futur; jisħaq fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet u r-rimedji tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni m'għandhomx jipperikolaw il-vijabilità ekonomika ta' siti individwali li jipproduċu l-azzar, speċjalment fil-kuntest taż-żieda fil-kompetizzjoni globali; iżid li l-Kummissjoni għandha taġixxi wkoll għall-ħarsien tal-infrastruttura industrijali ewlenija u l-kapaċità ta' produzzjoni minn impriżi li jaħkmu u jbiegħu l-assi ta' impriżi oħra;

12.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-iskema attwali tal-għajnuna mill-Istat lill-industriji li jużaw ħafna enerġija ma tiġġenerax tfixkil fis-suq intern, u b'hekk tiggarantixxi kondizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji; huwa tal-fehma li l-industriji li jużaw ħafna enerġija jeħtieġu qafas stabbli għall-investimenti tagħhom sabiex jiggarantixxu livell għoli ta' impjieg;

13.    Jemmen li l-miżuri pożittivi proposti hawnhekk jippermettu lill-industrija tal-azzar issir aktar kompetittiva fuq livell internazzjonali, fatt li juri li l-prodotti tal-azzar tal-UE jissodisfaw standards soċjali, ambjentali u ekonomiċi ogħla minn dawk li jinsabu bnadi oħra, u jissottolinja l-kwalità tal-produtturi tal-azzar tal-UE, li fl-istess waqt ikun qed itejjeb il-perċezzjoni tal-konsumaturi;

Il-kummerċ u l-kompetittività

14.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti aktar importanza lill-politika industrijali billi tadotta miżuri li jippermettu li tingħata ħajja ġdida lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fis-suq dinji, u tiggarantixxi kondizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni effikaċi għall-atturi ekonomiċi kollha;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet futuri dwar il-kummerċ jinkludu dispożizzjonijiet li jtejbu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet ta' esportazzjoni u l-aċċess għas-suq għall-azzar Ewropew u l-prodotti Ewropej ibbażati fuq l-azzar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħata bidu għal negozjati ma' sħab kummerċjali li jirrappreżentaw volumi ta' importazzjonijiet partikolarment sinifikanti fl-UE, bil-għan li jiġu introdotti restrizzjonijiet kwantitattivi; jisħaq fuq il-fatt li l-kummerċ ġust ta' prodotti tal-azzar jista' jopera biss abbażi tal-konformità mad-drittijiet bażiċi tal-impjieg u l-istandards ambjentali, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-importazzjonijet bi prezzijiet ta' dumping iwasslu għal kompetizzjoni inġusta, b'mod partikolari għall-produtturi tal-azzar inossidabbli fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu modernizzati l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konkreta sabiex jaċċelleraw dan il-proċess ta' modernizzazzjoni, biex b'hekk jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġusta u jippermettu lill-UE tieħu miżuri rapidi u proporzjonati fil-ġlieda kontra l-prattiki ta' kummerċ inġust;

16.    Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-fattibilità ta' aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri (il-ħlas ta' kwoti tal-ETS għal azzar li ġej minn barra l-UE) bil-għan li jinħolqu kondizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, biex b'hekk jiġi eliminat il-fenomenu tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

17.    Jenfasizza l-fatt li l-istandards għoljin Ewropej b'rabta mal-klima u l-ħarsien ambjentali jistgħu isiru standards globali, u dan jiggarantixxi kondizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni;

18.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija u l-materja prima fuq perjodu ta' żmien medju u twil, speċjalment għal industrji li jużaw ħafna enerġija u materja prima, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki fil-qasam tat-tnaqqis fil-prezz tal-enerġija;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni biex darba f'sena torganizza laqgħa tematika ma' industriji oħra li jużaw ħafna enerġija, iddedikata, pereżempju, għall-politiki ta' kompetizzjoni, kummerċ, enerġija u klima, minħabba l-fatt li xi tħassib tas-settur tal-azzar jolqot ukoll industriji oħra li jużaw ħafna enerġija;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi futuri fis-siti ta' produzzjoni tal-azzar kollha sabiex tiżgura li l-kompetittività tas-settur Ewropew tal-azzar u l-impatt tiegħu fuq l-okkupazzjoni ma jiġux mhedda, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika miżuri maħsuba għat-trawwim ta' siti u postijiet tax-xogħol sostenibbli;

L-aspetti soċjali

21.    Jisħaq fuq ir-relevanza ta' monitoraġġ għaqli min-naħa tal-Kummissjoni tal-iżviluppi li qed isiru sabiex tissalvagwardja l-wirt industrijali u l-forza tax-xogħol ikkonċernati; ifakkar fil-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, li għandhom jiġu promossi mis-sħab soċjali u appoġġati mill-awtoritajiet pubbliċi;

22.    Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis fid-domanda m'għandux iwassal għal kompetizzjoni inġusta għall-impjiegi bejn l-Istati Membri; jappella, għaldaqstant, li tinstab soluzzjoni pan-Ewropea li toħloq u tissalvagwardja l-impjiegi tajbin u l-attività industrijali fir-reġjuni tal-Ewropa;

23.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi antiċipat il-ftuħ ta' dawk l-impjanti temporanjament inattivi permezz ta' programm ta' taħriġ għal ħaddiema li fil-futur se jiġu impjegati f'dawn l-impjanti;

24.    Huwa favur il-promozzjoni ta' programm ta' trasferiment tal-għarfien espert sabiex il-ħaddiema tas-sengħa li huma akbar fl-età jittrażmettu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom lill-ħaddiema l-ġodda fl-impjanti Ewropej tal-azzar;

25.    Jisħaq fuq il-fatt li l-istandards tal-UE tar-responsabilitajiet soċjali u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiem fi ħdan il-kumpanija għandhom jiġu implimentati wkoll mill-kumpaniji Ewropej f'pajjiżi terzi;

26.    Jisħaq fuq il-fatt li l-involviment tal-ħaddiema f'miżuri ta' innovazzjoni u ristrutturar huwa l-aħjar mod biex jiġi ggarantit is-suċċess ekonomiku, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma li tinkludi s-sħab soċjali bil-għan li tingħata konsulenza, jiġi implimentat u jitwettaq monitoraġġ tal-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar l-azzar;

27.    Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-finanzjamenti relevanti tal-UE, bħalma hu l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-istrumenti tal-politika sabiex ittaffi l-ispejjeż soċjali ta' aġġustament, u tiżgura li l-ħiliet relevanti jinżammu u jiġu żviluppati għall-kompetittività futura tal-industrija;

28.    Jipproponi li l-prodott tal-bejgħ min-naħa tal-kumpaniji tal-kwoti mingħajr ħlas tagħhom għandu jiġi investit mill-ġdid fl-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju (it-tagħmir, it-teknoloġiji, ir-R&Ż, il-formazzjoni tal-forza tax-xogħol);

Ir-R&Ż / It-Teknoloġija

29.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp bħala aspetti kruċjali fit-tiġdid u fl-għoti ta' nifs ġdid lill-ekonomija b'mod ġenerali, u lill-industrija tal-azzar b'mod partikolari, li hija bbażata fuq ċikli ta' ħajja twal u potenzjal kbir ta' riċiklaġġ; isemmi, b'rabta ma' dan, it-teknoloġiji eżistenti u t-teknoloġiji l-ġodda bbażati fuq l-idroġenu li jintużaw għar-riduzzjoni ta' minerali tal-ħadid, li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu jew jeliminaw ammonti kbar ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju; jitlob l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' marka kummerċjali għall-prodotti tal-azzar etiċi 'magħmula fl-Ewropa';

30.    Jissottolinja, b'rabta ma' dan, l-importanza kruċjali tal-programmi Orizzont 2020 u Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija (SPIRE), kif ukoll il-ħtieġa għall-finanzjament min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-aktar programmi riskjużi ta' innovazzjoni u riċerka;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li twitti t-triq għall-iżvilupp ta' prodotti innovattivi, ta' kwalità għolja u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, politika li tippermetti lill-UE tibqa' kompetittiva fid-dawl ta' kompetizzjoni globali dejjem aktar ħarxa; jenfasizza l-fatt li s-soluzzjoni għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-azzar, fid-dawl tal-preżenza ta' fornituri minn pajjiżi terzi, hija l-innovazzjoni fil-prodotti l-ġodda - bħalma huma prodotti tal-azzar tal-massa, inklużi folji tal-azzar b'saħħithom ħafna u b'reżistenza għolja li jintużaw għall-produzzjoni tal-vetturi, kif ukoll azzar illigat ħafna bi proprjetajiet fiżiċi u kimiċi differenti, u proċessi ta' produzzjoni ġodda, speċjalment il-metallurġija bl-użu tal-idroġenu u l-metallurġija bl-użu tat-teknika tat-tidwib mill-ġdid tal-metall - u jemmen li dan il-qasam għandu jingħata sostenn partikolari;

32.    

Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tiżgura li l-Iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) tħaddan il-progress teknoloġiku, bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju permezz tal-użu ta' gassijiet arrikkiti b'ingredjenti portaturi tal-enerġija li jiġu ppumpjati fil-fran tal-blast permezz tal-injettaturi, u l-użu aktar effiċjenti ta' gassijiet sħan tal-egżost tal-fran tal-blast fit-teknoloġiji tal-enerġija u fil-proċessi metallurġiċi;

33.    Jappoġġa l-finanzjament tal-piloti industrijali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju bil-għan li tiġi sodisfatta l-ħtieġa urgenti ta' tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u dekarbonizzata, ekonomija li l-aspetti ewlenin tagħha huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-infrastuttura intelliġenti, u bil-għan li t-teknoloġija ta' produzzjoni tal-azzar b'CO2 baxx ħafna (Ultra-low CO2 steelmaking, ULCOS), tinbidel f'għodda tal-politika industrijali effiċjenti mil-lat ambjentali u fl-użu tal-enerġija; jinnota li dan jinkludi l-promozzjoni ta' raggruppamenti ta' ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), b'appoġġ għall-bini ta' infrastruttura ffokata fuq il-faċilitajiet industrijali, inkluża l-produzzjoni tal-azzar;

34.    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-inizjattiva SustSteel, bħalma ġie propost fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Azzar, inizjattiva li għandha l-appoġġ sħiħ tal-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, u biex dan tagħmlu mill-aktar fis possibbli;

35.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0069.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0060.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0005.

Avviż legali