Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0353/2014

Testi mressqa :

B8-0353/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kWORD 72k
10.12.2014
PE545.602v01-00
 
B8-0353/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))


Eleonora Forenza, Paloma López Bermejo, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Sofia Sakorafa, Kostas Chrysogonos f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))  
B8‑0353/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-prospettivi industrijali u tal-impjieg fl-industrija tal-azzar u l-ħadid fl-UE: il-bżonn urġenti ta' reazzjoni għat-telf ta' impjiegi u produzzjoni ewlenija fl-Istati Membri (O‑000086/2014),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 23 dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali u d-dritt għax-xogħol,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikjedi li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-UE jiżguraw il-kompetittività tal-industrija Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 174 TFUE dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b'mod partikolari fl-oqsma affettwati mit-tranżizzjoni industrijali,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Kapitolu IV tagħha dwar is-solidarjetà,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa” (COM(2013)0407),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-12 ta’ Frar 2013 tar-round table ta’ livell għoli dwar il-futur tal-industrija Ewropea tal-azzar,

–       wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-18 u d-19 ta' Frar 2013 li ħeġġet lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi f'dawn l-aħħar għaxar snin is-sitwazzjoni globali tal-produzzjoni tal-azzar esperjenzjat bidliet minħabba l-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu u l-kapaċità ta' produzzjoni globali;

B.     billi ċ-Ċina bħalissa hija l-ikbar produttur tal-azzar, peress li s-sehem tagħha fis-suq dinji żdied minn 18 % fl-2001 għal 45 % fl-2011, filwaqt li s-sehem tal-UE-27 naqas minn 22 % għal 12 % fl-istess perjodu;

C.     billi din is-sitwazzjoni ġabet magħa telf ta' madwar 60 000 impjieg fis-settur bejn l-2007 u l-2013 u tnaqqis fil-produzzjoni minn 210 miljun tunnellata għal 166 miljun tunnellata minkejja l-fatt li l-produzzjoni dinjija mistennija tiżdied b'118-il miljun tunnellata fis-sentejn li ġejjin;

D.     billi l-industrija tal-azzar hija settur ewlieni f'kull ekonomija industrijali, minħabba r-rabta li għandha mas-setturi ta' manifattura u tat-teknoloġija l-oħrajn u l-impatt ta' raggruppament tagħha fuqhom, f'kull Stat Membru;

E.     billi, skont il-previżjonijiet tal-OECD, id-domanda globali għall-azzar mistennija tiżdied fuq terminu twil, bi 2.3 biljun tunnellata sal-2025, l-iktar fis-setturi tal-bini, it-trasport u l-inġinerija mekkanika, u b'mod partikolari fl-ekonomiji emerġenti;

F.     billi l-kompetizzjoni bejn l-ekonomiji Ewropej qed tħarrax il-problema tat-telf tal-impjiegi billi tikkonċentra l-produzzjoni fi ftit żoni u Stati Membri, biex b'hekk tmur kontra l-prinċipju ta' koeżjoni minqux fit-Trattati;

G.     billi l-ikbar industriji tal-azzar multinazzjonali wettqu bosta proċessi ta' ristrutturar bl-għan li tiżdied l-integrazzjoni globali u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li ma ġiet stabbilita l-ebda miżura ta' salvagwardja fil-livell Ewropew biex jinżammu l-livelli tal-impjiegi u tal-kapaċità ta' produzzjoni, kemm f'termini ta' kwalità kif ukoll ta' kwantità;

H.     billi, minkejja l-kriżi, l-UE għadha t-tieni l-ikbar produttur tal-azzar fid-dinja, u tforni għadd ta' katini tal-valur industrijali marbutin mill-qrib mas-setturi industrijali ewlenin fl-UE, inklużi s-setturi tal-karozzi, il-kostruzzjoni, l-elettronika, u l-inġinerija mekkanika u elettrika;

I.      billi l-enerġija tirrappreżenta sa 40 % tal-ispejjeż operattivi totali fl-industrija tal-azzar tal-UE;

J.      billi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi tista' tfisser iffrankar tal-ispejjeż sostanzjali;

K.     billi, skont kif tkun il-pożizzjoni tagħha fil-katina tal-valur, l-industrija Ewropea tal-azzar trid tħabbat wiċċha mal-prezzijiet tal-enerġija li huma ogħla mill-maġġoranza tal-kompetituri internazzjonali tagħha, u billi, skont il-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija tal-Kummissjoni tal-2050, il-prezzijiet tal-elettriku aktarx se jiżdiedu sal-2030, iżda jonqsu ftit wara din id-data minħabba spejjeż ta' investiment fl-infrastruttura adegwati;

L.     billi s-sistema ta' negozjar ta' emissjonijiet ta' CO2 irriżultat fir-rilokazzjoni ta' ċerti industriji f'pajjiżi barra l-UE li kisbu krediti ta' emissjonijiet, filwaqt li ma sar l-ebda investiment fl-innovazzjoni, fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew fir-riċiklaġġ ta' materja prima sekondarji;

M.    billi hu kruċjali li jitqiesu l-impatti potenzjali fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż meta jiġu definiti politiki sostenibbli futuri marbutin mal-enerġija u li jiġu identifikati metodi kif jitnaqsu l-impatti negattivi kemm fuq it-tibdil fil-klima kif ukoll fuq il-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija;

N.     billi mhux il-produtturi kollha qegħdin jadottaw l-istess regoli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2, u billi l-livell medju ta' emissjonijiet ta' CO2 għal kull tunnellata ta' azzar prodotta fiċ-Ċina huwa 2.1 tunnellata, il-livell medju ta' emissjonijiet ta' CO2 għal kull tunnellata ta' azzar prodotta fl-UE huwa 1.5 tunnellati;

O.     billi l-impatt ta' ftehim globali dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 se jirriżulta fit-titjib tal-aċċess ugwali għas-suq tal-industrija tal-azzar, li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ambjentali u l-politiki ta' rkupru effikaċi tiegħu;

P.     billi t-tibdil li sar fis-suq globali tal-azzar u l-istruttura tal-manifatturi tal-azzar ewlenin jirrikjedu reviżjoni komprensiva tar-regoli tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fil-qafas tal-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, speċjalment fir-rigward tal-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti;

Q.     billi n-nuqqas ta' akkwist ta' Acciai Speciali Terni (AST) minn Outokumpu VDM u r-ritorn tiegħu ma' ThyssenKrupp AG minħabba l-oppożizzjoni mill-Kummissjoni wrew l-inkapaċità tar-regoli tal-kompetizzjoni u dwar l-antitrust tal-UE biex jappoġġaw it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-azzar;

R.     billi l-ftehim li ntlaħaq reċentement bejn ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins u l-maniġment ta' ThyssenKrupp AG jikkonferma l-valur tal-għażla strateġika biex il-fran elettriċi jinżammu miftuħa u biex jiġu żgurati l-investimenti ta' madwar EUR 400 miljun f'wieħed mill-oqsma ta' produzzjoni bl-ikbar valur miżjud;

S.     billi f'siti bħal Taranto, l-impatt tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma wassal għal żieda ta' 21 % fir-rata ta' mortalità tat-tfal, u żieda fir-riskju tal-kanċer fost l-irġiel u n-nisa ta' 30 % u 20 % rispettivament; billi hemm bżonn urġenti li jitħarsu s-saħħa u l-benessri kemm tal-ħaddiema fis-settur tal-azzar kif ukoll tal-popolazzjoni lokali;

1.      Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-industrija tal-azzar bħala waħda kruċjali għall-irkupru tal-industrija u tas-settur tal-manifattura fl-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li hu fundamentali li l-Kummissjoni terġa' tniedi u tirrevedi l-istrateġija fuq terminu twil tagħha dwar il-futur tal-industrija tal-azzar fl-Ewropa, sabiex jiġu ssalvagwardati l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-kwalità tal-prodotti u n-know-how professjonali essenzjali;

2.      Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżammu n-know-how u l-għarfien espert żviluppati f'distretti industrijali importanti bħalma huma dawk ta' Terni, Piombino, Florange, Krefeld, Bochum, Taranto u Asturias li jiżguraw id-diversifikazzjoni, il-prodotti innovattivi, u ż-żamma tal-kapaċità ta' produzzjoni eżistenti;

3.      Jenfasizza li huwa biss permezz ta' djalogu kostruttiv bejn il-manifatturi tal-azzar, minn naħa, u r-rappreżentanti tat-trejdjujins u tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, biex jiġu evitati deċiżjonijiet unilaterali minn proprjetarji, li jistgħu jinsabu s-soluzzjonijiet u l-istrateġiji ta' żvilupp tajbin biex jiġi żgurat il-futur ta' distretti industrijali sħaħ; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-maniġment fl-industriji tal-azzar fi djalogu kostruttiv mat-trejdjunjins u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali, sabiex jiżviluppaw b'mod konġunt strateġiji industrijali;

4.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u pagi deċenti, permezz tal-liġi jew permezz ta' ftehimiet kollettivi, u protezzjoni effikaċi kontra s-sensji inġusti;

5.      Jitlob li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha jiżguraw li jkun hemm finanzi adegwati disponibbli għat-taħriġ u l-azzjonijiet ta' rkupru biex jiġu appoġġati perjodi ta' tranżizzjoni kritiċi fl-industrija tal-azzar;

6.      Jindika li hu fundamentali li tiġi evitata l-importazzjoni ta' prodotti tal-azzar u materja prima minn pajjiżi li fihom il-produzzjoni hija ta' detriment għas-saħħa tal-bniedem, għad-drittijiet soċjali jew għall-ambjent;

7.      Jagħraf il-ħtieġa li jiġu żviluppati u mxerrda l-aqwa tekniki disponibbli (BATs) madwar l-UE, biex tiġi appoġġata, fejn ikun possibbli, is-sostituzzjoni tal-minerali bir-ruttam ferruż, biż-żieda fl-użu tal-fran tal-ark elettriċi (EAFs), u s-sostituzzjoni tal-faħam tal-kokk bil-gass;

8.      Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw is-salvagwardja tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-oqsma tas-settur tal-azzar bl-ikbar valur miżjud u biex ma jwettqux sforzi ta' delokalizzazzjoni li jaffettwaw b'mod serju l-impjiegi u l-kompetittività tal-UE;

9.      Iħeġġeġ ir-reviżjoni tal-politika tal-istrument ta' difiża kummerċjali biex tiġi skoraġġuta l-kompetizzjoni inġusta f'pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards soċjali u ambjentali minimi meħtieġa biex jiġi evitat id-dumping soċjali u ambjentali;

10.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza d-dumping soċjali li jirriżulta mid-delokalizzazzjoni f' pajjiżi terzi, anki permezz ta' reviżjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni sabiex jiġu evitati l-proċessi ta' delokalizzazzojni kif ukoll id-deterjorazzjoni tal-effetti tal-kriżi;

11.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu aġġornati l-politiki ta' kummerċ u r-regoli dwar l-antitrust skont il-qafas tas-suq il-ġdid tal-industrija tal-azzar globali; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar il-kompetizzjoni, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Istati Membri;

12.    Jinsisti fuq in-neċessità assoluta li r-riċerka, b'mod partikolari dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-industrija tal-azzar u t-tekniki li tuża, tingħata appoġġ finanzjarju u tkompli tiġi żviluppata bl-għan partikolari tal-iżvilupp tal-produttività u l-iżgurar li titkompla l-produzzjoni fis-settur minn naħa, u l-limitazzjoni tal-ispejjeż tal-enerġija fuq terminu medju u twil, min-naħa l-oħra, speċjalment f'din l-industrija li tuża ħafna enerġija;

13.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-industrija Ewropea fi ħdan il-qafas tal-politika ta' koeżjoni, sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tekniċi tal-Istati Membri kollha fis-settur tal-azzar;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali