Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0354/2014

Testi mressqa :

B8-0354/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kWORD 71k
10.12.2014
PE545.603v01-00
 
B8-0354/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-settur tal-azzar fl-Unjoni Ewropea (2014/2976(RSP))


Marek Józef Gróbarczyk, Evžen Tošenovský, Marcus Pretzell f'isem il-Grupp ECR

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-azzar fl-Unjoni Ewropea (2014/2976(RSP))  
B8‑0354/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bl-isem ‘Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa’ (COM(2013)0407),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 bl-isem ‘L-istat attwali dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa’ (COM(2013)0407)’ (SWD(2014)0215),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bl-isem ‘Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew’ (COM(2014)0014),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u fuq ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impjant tal-azzar Acciai Speciali Terni (AST) fl-Italja (O-000087/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi huwa fl-interess tal-UE kollha li tħares l-attivitajiet li huma parti mill-qafas industrijali tagħha;

B.     billi l-industrija tal-azzar hija essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa u billi industrija tal-azzar kompetittiva fl-Ewropa hija s-sinsla għall-iżvilupp u l-ħolqien ta' valuri f'diversi setturi industrijali oħra;

C.     billi wieħed mill-objettivi tal-UE huwa li tappoġġja l-industrija tal-azzar u tgħin biex tiżgura li tibqa' kompetittiva u li tirreaġixxi għal kundizzjonijiet li qed jinbidlu kemm fis-swieq Ewropej, kif ukoll f'dawk mhux Ewropej;

D.     billi s-settur tal-azzar tal-UE qed jaffaċċja kompetizzjoni qawwija fis-suq globali minn pajjiżi mhux fl-UE li huma marbuta b'regolamenti u standards differenti, u billi dan is-settur qed jaffaċċja wkoll diffikultajiet fl-aċċess għall-materji primi, li spiss jinkisbu b'kost akbar minn dak tal-kompetituri tiegħu;

E.     billi l-industrija tal-azzar fl-Ewropa qed taffaċċja sfidi strutturali sinifikanti, domanda baxxa, kapaċità ta' produzzjoni żejda, tħassib kontinwu dwar prezzijiet tal-enerġija għoljin, l-impatti tal-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) u leġiżlazzjoni oħra impenjattiva;

F.     billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija impjegatur ewlieni, li tirrappreżenta 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni oħra f'industriji relatati;

G.     billi fis-snin riċenti, l-industrija tal-azzar kellha taffaċċja sfidi fir-rigward tar-ristrutturar u ta' fużjonijiet industrijali;

H.     billi fis-snin riċenti, l-industrija tal-azzar immodernizzat l-impjanti b'mod sinifikanti b'teknoloġiji tal-ogħla livell u b'hekk naqqset l-emissjonijiet b'mod drastiku;

I.      billi l-klima ekonomika iebsa ħolqot tbatija soċjali enormi għall-ħaddiema u għar-reġjuni affettwati, u billi dawk il-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b'mod kemm jista' jkun responsabbli mill-aspett soċjali, peress li l-esperjenza wriet li ristrutturar b'suċċess jirrikjedi djalogu soċjali suffiċjenti;

J.      billi industriji b'teknoloġija avvanzata, bħas-settur tal-azzar, joffru mezz importanti ħafna għall-gwadann mill-ġdid tal-kompetittività u t-tkabbir u billi għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li jkomplu joperaw b'mod effiċjenti fi ħdan l-UE;

1.      Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi, fi żmien qasir, stampa ċara tal-industrija tal-azzar fl-Ewropa, anke rigward it-tibdiliet ewlenin li qed iseħħu; jenfasizza li huwa importanti għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li jissorveljaw żviluppi li għaddejjin bħalissa sabiex titjieb ir-reżiljenza bil-għan li jiġu salvagwardjati l-wirt industrijali u l-ħaddiema kkonċernati;

2.      Ifakkar li l-Kummissjoni għandha dritt, wara li skada t-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali ta' żviluppi fl-industrija Ewropea tal-azzar;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, telabora strateġija li tinkludi inizjattivi f'terminu ta' żmien medju u twil biex tappoġġja u ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-azzar;

4.      Jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti importanza akbar lill-politika industrijali u lill-ħtieġa li tagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fid-dawl tal-isfidi li taffaċċja fis-suq globali;

5.      Jemmen li ħafna mill-irkupru ekonomiku Ewropew se jiddependi fuq industrija tal-manifattura aktar b'saħħitha, li l-azzar għandu rwol ewlieni fiha; jemmen li dan se jirrikjedi investiment sostanzjali fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jittejbu l-prodotti, l-effiċjenza u l-proċessi;

6.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsidra li tiddedika parti sinifikanti mill-pjan ta' investiment ta' EUR 315-il biljun lil proġetti infrastrutturali vijabbli u fit-tul, u lil proġetti industrijali fuq skala kbira ffokati fuq l-innovazzjoni, inklużi l-effiċjenza enerġetika u proġetti b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, li jistgħu jagħtu spinta sinifikanti lid-domanda għall-azzar fl-UE;

7.      Jirrikonoxxi l-ġlieda tal-industrija tal-azzar għal sostenibbiltà u għal produzzjoni tal-azzar li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

8.      Jemmen li waqt li l-problemi tal-industrija jirriżultaw minn domanda globali li qed tonqos, kapaċità żejda u prezzijiet tal-enerġija għolja, ambjent regolatorju inflessibbli xekkel l-industrija milli twieġeb b'mod rapidu għal żviluppi fis-suq u dan serva biex ikompli jaggrava d-diffikultajiet tagħha; jemmen, f'dan ir-rigward, li leġiżlazzjoni, bħal dik dwar l-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet, teħtieġ aktar provi sabiex tikkunsidra l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u tippermetti valutazzjoni komparattiva tal-impjanti l-aktar innovattivi u tal-avvanzi li jsiru mill-industrija;

9.      Jinnota b'dispjaċir n-nuqqas ta' frekwenza tal-laqgħat tal-grupp ta' livell għoli dwar l-azzar; jikkunsidra essenzjali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali f'żoni li fihom huma bbażati kumpaniji jiġu involuti mill-qrib, filwaqt li jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri kollha kkkonċernati;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tlaqqa' l-grupp ta' livell għoli dwar l-azzar mill-aktar fis possibbli, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament kif kien il-każ fil-passat, biex jiġu diskussi l-kwistjonijiet l-aktar importanti u urġenti, partikolarment l-għeluq propost jew każijiet ta' ristrutturar fi ħdan l-UE; jemmen li dan għandu jkun b'mod li jiffaċilita x-xogħol tal-grupp ta' livell għoli dwar l-azzar ikun jista' jagħti kontribut lid-diskussjonijiet tal-Kunsill Kompetittività;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni torganizza laqgħa tematika annwali ma' industriji oħra li jużaw ħafna enerġija, iddedikata pereżempju għall-kompetizzjoni, ir-riformi strutturali, il-politiki dwar l-enerġija jew il-klima jew ir-regolamentazzjoni aħjar, minħabba li xi problemi tas-settur tal-azzar huma rilevanti wkoll għal industriji oħra li jużaw ħafna enerġija;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-inizjattiva attwali dwar il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, tiżgura li s-settur tal-azzar jitqies b'mod dovut fil-valutazzjonijiet kollha tal-impatt u fil-proposti li jirriżultaw minnhom;

13.    Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu miżuri li jistgħu jnaqqsu l-piż ta' spejjeż tal-enerġija għoljin li jaffaċċja s-settur tal-azzar fl-Ewropa fil-konfront tal-kompetituri globali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tissorvejla kontinwament tħassib dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju u d-dumping tal-emissjonijiet ta' karbonju, u tikkunsidra li tintroduċi miżuri li jistgħu jtaffu tali sitwazzjonijiet;

14.    Iħeġġeġ investiment kontinwu fil-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) peress li avvanzi sinifikanti f'dan il-qasam jistgħu jnaqqsu b'mod drammatiku l-emissjonijiet ġenerali fis-settur tal-azzar f'terminu ta' żmien twil;

15.    Jemmen li sabiex produtturi tal-azzar Ewropej ikunu kompetittivi fis-suq globali għandu jkun hemm kompetizzjoni b'saħħitha fi ħdan is-suq intern tal-UE, peress li dan se jservi ta' xprun għal żieda fil-kompetittività; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, iżżomm il-pożizzjoni b'saħħitha tagħha kontra tgħawwiġ possibbli tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern;

16.    Jistieden lil-leġiżlaturi kollha biex, f'dan ir-rigward, joħolqu ambjent regolatorju tajjeb sabiex l-industrija tal-azzar fl-Ewropa tiffjorixxi, fost l-oħrajn billi jadottaw miżuri biex jittejbu l-ħiliet u l-flessibbiltà tal-ħaddiema, filwaqt li titqiegħed enfasi akbar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni industrijali li tiffoka kemm fuq il-prodotti kif ukoll fuq il-proċessi u biex jiżguraw l-appoġġ ta' passi mill-industrija għat-tfassil ta' riformi strutturali, fosthom kwalunkwe konsegwenza soċjali relatata ma' tali riformi;

17.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti politiċi għad-dispożizzjoni tagħhom biex itaffu l-ispejjeż soċjali ta' aġġustament wara ristrutturar u għeluq, u biex jiżguraw li l-ħiliet rilevanti jinżammu u jiġu żviluppati sabiex jikkontribwixxu għall-provvista ta' ħtiġijiet futuri tal-industrija;

18.    Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, fi żmien debitu u b'mod effikaċi, l-importazzjoni fis-suq tal-UE ta' azzar suġġett għal dumping jew għal sussidji illegali u biex tuża, fejn ikun adegwat, l-istrumenti ta' rimedju ta' negozju tal-UE skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

19.    Jilqa' u jappoġġja bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għas-settur tal-azzar ippreżentat f'Ġunju tal-2013 u d-dokument ta' ħidma tal-persunal sussegwenti ta' Ġunju 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni; jemmen, madankollu, li fil-kuntest ta' klima ekonomika diffiċli li qed tkompli, għandu jiġi implimentat rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni li jibni fuq il-kisbiet pożittivi tas-sena li għaddiet u biex jinżamm ir-ritmu li nkiseb;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi, kif propost fil-pjan ta' azzjoni dwar l-azzar, li jikkontribwixxu biex jagħtu spinta lill-kompetittività globali tas-settur, inklużi strateġiji li jikkontribwixxu biex tintwera l-kwalità ta' prodotti tal-azzar tal-UE;

21.    Jemmen li parti mill-pjan għandu jmexxi lill-industrija tal-azzar lejn prodotti ta' kwalità għolja u teknoloġikament avvanzati sabiex ikun hemm differenza minn kompetituri globali, li jużaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni Ewropej;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0069.

 

Avviż legali