Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0355/2014

Testi mressqa :

B8-0355/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 135kWORD 74k
10.12.2014
PE545.604v01-00
 
B8-0355/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))


Laura Agea, Dario Tamburrano, Rosa D’Amato, Eleonora Evi, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))  
B8‑0355/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li oriġina mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 173, 174 u 153 tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,

–       wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 191(2) tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż)(2),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(3),

–       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzar li ġie adottat f'Ġunju tal-2013 u l-ħolqien tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Azzar,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u r-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 bit-titolu "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima" (COM(2011)0025),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u d-dibattitu sussegwenti fil-plenarja dwar "Is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji", li sar fis-26 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-industrija tal-azzar tal-UE(4),

–       wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 adottat fit-22 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-pjan ta' investiment ta' EUR 300 biljun għat-tliet snin li ġejjin li tħabbar f'Lulju tal-2014 mill-President tal-Kummissjoni Juncker,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

A.     billi l-industrija Ewropea tal-azzar hija mexxej dinji fis-settur tagħha, għandha fatturat ta' madwar EUR 190 biljun, timpjega madwar 360 000 persuna b'livell għoli ta' ħiliet u ħafna iktar tul il-katina tal-valur kollha tagħha, u tipproduċi 178 miljun tunnellata ta' azzar fis-sena f'iktar minn 500 sit ta' produzzjoni tal-azzar fi 23 Stat Membru;

B.     billi l-azzar huwa wieħed mill-materjali industrijali l-aktar negozjati fid-dinja, bi produzzjoni globali annwali ta' madwar 1 500 miljun tunnellata;

C.     billi l-industrija tal-azzar hija ta' importanza strateġika għall-ekonomija tal-UE u billi huwa fl-interess tal-UE kollha kemm hi li żżomm l-attivitajiet li jiffurmaw it-tessut industrijali tagħha u li tiżgura s-sigurtà tal-provvista permezz tal-produzzjoni domestika;

D.     billi industrija Ewropea tal-azzar kompetittiva tifforma s-sinsla tal-iżvilupp u l-ħolqien ta' valur għal ħafna setturi industrijali maġġuri, bħalma huma s-setturi tal-karozzi, tal-kostruzzjoni u tal-inġinerija mekkanika;

E.     billi l-industrija tal-azzar tal-Ewropa tinsab mhedda b'domanda iktar baxxa, spejjeż ogħla għall-enerġija u l-materja prima, u kompetizzjoni iktar qawwija minn pajjiżi barra mill-UE;

F.     billi l-kriżi attwali qed toħloq diffikultajiet soċjali enormi għall-ħaddiema u r-reġjuni affettwati, u billi dawk il-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b’mod soċjalment responsabbli, peress li ma jistax jinkiseb ristrutturar b'suċċess mingħajr djalogu soċjali adegwat;

G.     billi attwalment il-prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa huma d-doppju ta' dawk fl-Istati Uniti, u tliet darbiet ogħla milli fiċ-Ċina;

H.     billi l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzar li ġie adottat f'Ġunju tal-2013, b'rakkomandazzjonijiet importanti għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet fis-settur, ma wassalx għar-riżultati mistennija;

I.      billi l-politiki tal-UE wasslu għal deindustrijalizzazzjoni tal-UE;

J.      billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija esposta għal kompetizzjoni globali b'saħħitha, li tibbenefika minn spejjeż lavorattivi u tal-enerġija iktar baxxi u minn regoli soċjali u ambjentali iktar flessibbli;

K.     billi l-aħħar pjan ta' ristrutturar industrijali ppreżentat minn Thyssen Krupp lill-Gvern Taljan jinkludi madwar 550 sensja u l-għeluq ta' forn tat-tidwib, u jpoġġi f'riskju wieħed mill-impjanti tal-azzar l-iktar qodma u l-iktar avvanzati, jiġifieri AST (Acciai Speciali Terni);

L.     billi l-impjant tal-azzar ILVA f'Torino qed jikkawża wkoll degradazzjoni u ħsara ambjentali estremi u problemi soċjali, tas-saħħa u ekonomiċi serji għall-popolazzjoni lokali u għal attivitajiet ekonomiċi oħra;

M.    billi, f'termini ta' politika industrijali tal-UE, huwa ta' importanza strateġika li tiġi evitata r-rilokazzjoni ulterjuri tal-produzzjoni u l-impjanti tal-azzar barra mill-UE u li tiġi żgurata s-sigurtà tal-forza tax-xogħol, filwaqt li jiġi garantit li l-istandards ambjentali tal-UE jiġu applikati wkoll għall-prodotti tal-azzar impurtati;

1.      Jenfasizza li ż-żamma ta' industrija tal-azzar attiva u kompetittiva hija kruċjali għall-futur tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza wkoll l-importanza li jkun hemm ħarsien u appoġġ fir-rigward tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-"eċċellenza" tal-ħaddiema fl-industrija tal-azzar tal-UE, u li jiġu pprovduti immedjatament għodod operattivi u soluzzjonijiet konkreti sabiex il-kumpaniji tal-azzar tal-UE jkunu jistgħu jkampaw u jżommu l-kompetittività tagħhom fis-suq dinji;

2.      Jiddispjaċih ħafna fir-rigward tal-aħħar pjan ta' ristrutturar industrijali ta' Thyssen Krupp, li jinkludi madwar 550 sensja u l-għeluq ta' forn tat-tidwib; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat mill-qrib l-iżvilupp futur ta' AST u li jiġu salvagwardjati l-impjiegi, tinżamm koeżjoni territorjali/reġjonali suffiċjenti u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-UE; jiddispjaċih ukoll li l-Kummissjoni ma mmonitorjatx kompletament is-sitwazzjoni esperjenzata minn ħafna industriji Ewropej oħrajn, li sofrew minħabba l-impatt tal-kriżi u f'bosta każijiet ingħalqu jew inbiegħu lil kompetituri mhux Ewropej;

3.      Jikkunsidra li huwa importanti li ssir reviżjoni tal-istrateġija fit-tul tal-industrija tal-azzar u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta ideat dwar kif tista' tiġi appoġġjata r-ristrutturar tal-industrija tal-azzar tal-UE u tinżamm il-kompetittività tagħha f'dinja globalizzata, filwaqt li jiġu żgurati l-ogħla standards ambjentali u tas-saħħa;

4.      Jinnota l-importanza tar-reindustrijalizzazzjoni tal-UE għat-tisħiħ tal-kwalità, l-investiment fit-tul u l-ħolqien tax-xogħol sostenibbli; jinnota li l-industrija tal-azzar tista' tkun ta' pilastru għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, sakemm jinżammu l-istandards ambjentali u tas-saħħa;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika u, jekk ikun hemm bżonn, tirrevedi l-istrumenti ta' politika, l-inizjattivi u l-fondi relevanti tal-UE, u jħeġġeġ, f'dan ir-rigward, li tingħata attenzjoni speċifika fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu żgurati ż-żamma u l-iżvilupp tal-eċċellenza u l-ħiliet relevanti tal-ħaddiema;

6.      Jinnota li, bħala parti minn politika ta' reindustrijalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri speċjali biex tappoġġja l-impjanti tal-azzar tal-UE li huma qodma u li ma għadhomx konformi mal-istandards ambjentali, sabiex jgħinuhom fit-tranżizzjoni lejn produzzjoni tal-azzar moderna, avvanzata, ekoloġika u b'emissjonijiet baxxi; jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw is-sospensjoni tal-operat fl-impjanti, jew fil-partijiet relevanti tagħhom, li jirrappreżentaw periklu immedjat għas-saħħa tal-ħaddiema jew li jaf ikollhom effett negattiv sinifikanti immedjat fuq l-ambjent;

7.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-politika ta' kompetizzjoni tagħha sabiex tagħmilha kompatibbli mas-saħħa u s-sikurezza tar-residenti u ċ-ċittadini kollha tal-UE; jikkunsidra li għandha tkun immirata lejn l-indirizzar tal-isfidi globali abbażi ta' politika kompetittiva, anti-dumping u ekoloġika li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali; jenfasizza li l-politiki ta' kompetizzjoni attwali huma skaduti u ma jqisux il-kompetizzjoni globali; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-miżuri ta' difiża kummerċjali u jappoġġja t-tentattiv tal-Kummissjoni biex tegħleb ir-"regola tad-dazju inferjuri";

8.      Jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni ulterjuri tal-kompetittività, b'mod partikolari l-kompetittività industrijali, fl-inizjattivi ta' politika relevanti kollha jekk l-UE trid tilħaq l-għan tagħha li tiżgura li s-sehem ta' PDG tal-industrija jkun madwar 20 %;

9.      Jinnota li r-rikonċiljazzjoni tal-ħtieġa ta' prestazzjoni ambjentali għolja b'kompetittività globali ikbar u l-ħtieġa tal-indirizzar tat-tħassib rigward ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2 għadha sfida fundamentali għas-settur tal-azzar, fid-dawl tal-fatt li l-kompetituri tal-UE mhumiex marbuta bl-istess standards u miri;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel eżami bir-reqqa ta' strumenti ta' politika li jinkludu l-possibilità ta' kumplementarjetà tas-sistemi eżistenti ta' kontroll b'miżuri ta' aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ma' kompetituri ta' pajjiżi terzi, sabiex tkompli tiġi limitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju u biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-esportazzjonijiet;

11.    Jitlob l-applikazzjoni tal-approċċ "valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja" sabiex jiġu evalwati l-impatti ambjentali u jitnaqqas l-użu ta' riżorsi tul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi l-estrazzjoni u l-konverżjoni ta' materja prima, segwiti mill-manifattura u d-distribuzzjoni, permezz tal-użu u/jew il-konsum, sabiex jitrawwem l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali u l-irkupru tal-enerġija u biex jitnaqqas id-disponiment finali;

12.    Jitlob riforma urġenti tal-approċċ tal-UE fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" fl-indirizzar tal-emissjonijiet ta' gass b'effet ta' serra u jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva ġdida sa mhux iktar tard mill-2018 li tagħmilha possibbli li s-sistema ta' "cap and trade" tiġi abbandunata sa tmiem it-tliet perjodu ta' skambju ta' kwoti, kif stipulat fid-Direttiva dwar l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS); jistieden lill-Kummissjoni, sadattant, biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi fl-UE fis-settur tal-azzar u jitlob lill-Istati Membri biex jużaw parti mid-dħul tal-ETS tagħhom biex jiffinanzjaw interventi innovattivi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, b'mod partikolari f'setturi li jużaw ħafna enerġija, sabiex titnaqqas il-lista ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

13.    Ifakkar fl-importanza ta' suq tal-iskart li jiffunzjona tajjeb, li għandu jkompli jiġi stimulat u msaħħaħ fid-dawl tal-istrateġija għal ekonomija ċirkolari tal-UE, sabiex jiġu evitati żidiet eċċessivi tal-prezzijiet b'riżultat tal-preżenza ta' industriji ta' pajjiżi terzi fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, b'rabta ma' dan, biex tikkunsidra l-applikazzjoni ta' dazju tal-esportazzjoni fuq is-suq tal-iskart tal-UE sabiex jiġi evitat id-dumping ambjentali li jseħħ normalment;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet relevanti l-oħra.

 

(1)

ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(2)

ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(3)

ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2012)0509.

Avviż legali