Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0356/2014

Testi mressqa :

B8-0356/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0104

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 137kWORD 70k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0352/2014
10.12.2014
PE545.605v01-00
 
B8-0356/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-settur tal-azzar tal-UE Il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))


Antonio Tajani, Tokia Saïfi, András Gyürk, Massimiliano Salini, Françoise Grossetête, Ivo Belet, Anne Sander, Philippe Juvin, Nadine Morano, Pilar del Castillo Vera, Lara Comi, Claude Rolin, Andor Deli, Elisabeth Morin-Chartier, Angélique Delahaye, Elisabetta Gardini, Frank Engel, Markus Pieper, Herbert Reul, Fulvio Martusciello, Jerzy Buzek, Lambert van Nistelrooij, Wim van de Camp, Siegfried Mureşan, Esther de Lange, Franck Proust, Constance Le Grip, Angelika Niebler, Viviane Reding, Remo Sernagiotto, Salvatore Cicu, Othmar Karas, Jeroen Lenaers, Vladimir Urutchev, Paul Rübig, Lorenzo Cesa, Maria Spyraki, Annie Schreijer-Pierik, Francesc Gambús, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-azzar tal-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))  
B8‑0356/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-fatt li t-Trattat tal-UE huwa bbażat fuq it-Trattat KEFA

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar Pjan ta' Azzjoni dwar l-Azzar bl-isem ‘Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa’ (COM(2013)0407),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 bl-isem ‘L-istat attwali dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa’ (COM(2013)0407)(SWD(2014)0215),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-pjan ta' azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u fuq ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu u tal-24 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impjant tal-azzat Acciai Speciali Terni (AST) fl-Italja (O-000087/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-industrija tal-azzar hija essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa u billi hemm kriżi f'dan is-settur;

B.     billi wieħed mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea huwa li jappoġġa l-industrija tal-azzar u li ssir kompetittiva u li tirrispondi għal kundizzjonijiet tas-swieq Ewropej u mhux Ewropej li qed jinbidlu;

C.     billi l-industrija tal-azzar Ewropea qed tbati minn tnaqqis sostanzjali tad-domanda, li qed jikkawża kontinwament telf ta' impjiegi u ta' kompetittività fl-industrija;

D.     billi huwa fl-interess tal-UE kollha li tħares attivitajiet li jiffurmaw il-qafas industrijali tal-Unjoni stess u li tiżgura sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz ta' produzzjoni domestika;

E.     billi l-industrija tal-azzar għandha rwol ewlieni fl-ekonomija Ewropea, u billi industrija Ewropea tal-azzar kompetittiva hija s-sinsla għall-iżvilupp u għall-ħolqien tal-valuri f'bosta setturi industrijali ewlenin;

F.     jindika l-fatt li dan is-settur qed jaffaċċja kompetizzjoni qawwija fis-suq globali prinċipalment minn pajjiżi barra l-UE li jiddependu minn regolamenti u standards differenti, u li qed jaffaċċja wkoll aċċess diffiċli għal materja prima u spejjeż ogħla;

G.     billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija impjegatur importanti, li jirrappreżenta 'l fuq minn 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni aktar f'industriji relatati, inluża l-katina tal-provvista tar-riċiklaġġ;

H.     jenfasizza l-fatt li fis-snin riċenti, l-industrija tal-azzar kellha taffaċċja sfidi fir-rigward tar-ristrutturar u ta' fużjonijiet industrijali;

I.      billi l-kriżi attwali qed toħloq sfidi soċjali enormi għall-ħaddiema u r-reġjuni affettwati, u billi dawk il-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b’mod soċjalment responsabbli, peress li l-esperjenza wriet li ristrutturar b'suċċess ma jistax jintlaħaq mingħajr djalogu soċjali adegwat;

J.      billi l-industriji tat-teknoloġija għolja – kif jidher fis-settur tal-azzar – ittieħdu bħala mudell ta' għarfien espert fil-qasam tat-teknoloġija li għalhekk irid jiġi protett, għalhekk azzjoni immedjata qed tittieħed biex tiġi evitata l-esternalizzazzjoni tagħhom barra t-territorju tal-UE;

1.      Jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi, fi żmien qasir, stampa ċara tas-sitwazzjoni fir-rigward ta' bidliet kbar li qed iseħħu fl-industrija tal-azzar fl-Ewropa; jenfassiza li huwa importanti għall-Kummissjoni li timmoniterja b'reqqa l-iżviluppi li għaddejjin sabiex tissalvagwardja l-wirt industrijali u l-forza tax-xogħol involuta;

2.      Ifakkar li l-Kummissjoni għandha dritt, wara li skada t-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ,tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali ta' żviluppi fl-industrija Ewropea tal-azzar;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa riflessjoni attenta dwar l-inizjattivi fuq medda medja u twila ta' żmien sabiex tappoġġja l-industrija tal-azzar;

4.      Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti importanza akbar lil poltika industrijali sabiex tqajjem il-kompettività tal-Industrija Ewropea fis-suq globali u sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi effettivi;

5.      Jemmen li l-irkupru ekonomiku Ewropew jiddependi wkoll minn industrija tal-manifattura iktar b'saħħitha, fejn l-azzar għandu rwol ewlieni u li l-ħtieġa għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni hija kruċjali għat-tiġdid tiegħu; jenfassiza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal investiment fi prattiki ta' produzzjoni innovattivi u f'effiċjenza enerġetika, diversi fondi tal-UE jkunu disponibbli, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR);

6.      Jilqa' u jappoġġja bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għas-settur tal-azzar ippreżentat f'Ġunju 2013 u d-dokument ta' ħidma tal-persunal sussegwenti ta' Ġunju 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni; madanakollu, jikkunsidra li, minħabba t-tkomplija tal-kriżi, rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tiegħu għandu jiġi ppreżentat kull sena sabiex jibni fuq il-kisbiet pożittivi ta' din is-sena li għaddiet u ma jintilifx il-momentum;

7.      Jilqa', u jikkunsidra essenzjali, il-laqgħat tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-azzar; jappella għal laqgħat aktar regolari u għal involviment aktar mill-qrib tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jiffaċilitaw u jħeġġu l-parteċipazzjoni tar-reġjuni Ewropej fejn huma bbażati l-kumpaniji tal-azzar, fil-ħidmiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-azzar sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki fost il-partijiet interessati ewlenin tal-Istati Membri;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni issejjaħ il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-azzar mill-aktar fis possibbli, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament, kif kien sar fil-passat, sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet l-aktar importanti u għeluq urġenti jew każijiet ta' risstrutturar fl-UE;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni torganizza laqgħa tematika darba fis-sena ma' industriji oħra li jużaw ħafna enerġija ddedikati, pereżempju, għall-politiki ta' kompetizzjoni, kummerċ, enerġija u klima, minħabba l-fatt li xi tħassib tas-setturi tal-azzar huma rilevanti wkoll għall-industriji oħra li jużaw ħafna enerġija;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni torganizza, kull meta jkun xieraq jew possibbli, laqgħat tal-Grupp ta' Livell Għoli fi żminijet xierqa sabiex il-ħidma tagħha tinfluwenza d-diskussjonijet tal-Kunsill tal-Kompetittività;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti sabiex jonqsu l-ispejjeż tal-enerġija fuq medda medja u twila ta' żmien, speċjalment għall-industriji b'użu għoli ta' enerġija, bħalma hu s-settur tal-azzar; jerġa' jafferma l-importanza tas-suq intern tal-enerġija tal-UE bħala mezz li jiġu żgurati prezzijiet tal-enerġija stabbli, kompetittivi u bi prezz raġonevoli, u jistieden lill-Istati Membri jiffinalizzaw l-istabbiliment tas-suq bħala kwistjoni ta' urġenza;

12.    Jenfassiza l-bżonn ta' rieżami tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, li f'ħafna każijiet jistgħu ikunu skaduti u ma jirriflettux l-ambjent globali li qed jinbidel; jinnota li, f'ħafna żoni ta' produzzjoni, il-kompetizzjoni issa qed tiġi minn barra, u m'għadhiex tiġi minn ġewwa l-UE, li l-ambitu ġeografiku m'għadux konfinat għaż-ŻEE, u li dan qed ikollu impatt avvers ulterjuri dwar is-settur tal-azzar tal-UE, li, ftit ftit, qed jitlef l-impjanti l-aktar avvanzati bħal l-AST;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja bi sħiħ is-sitwazzjoni ta' ħafna impjanti Ewropej bħal Gandrange, Florange, Elefsina, Magnesia, Thessaloniki, Liège, Dunaújváros, Galați, Schifflange, Piombino, Câmpia Turzii, Rodange, Oțelu Roșu, Taranto, Trieste, Silesia, Reșița, Târgoviște, Călărași, Hunedoara, Buzău, Brăila, Borlänge, Luleå, Ijmuiden u Oxelösund, li involviet l-għeluq jew il-bejgħ lill-kompetituri globali ta' ħafna ġojjeli Ewropej;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja mill-qrib l-iżvilupp futur tal-impjant AST, kif mitlub diversi drabi mill-Parlament, sabiex tiżgura li l-kompetittività tas-settur Ewropew tal-azzar inossidabbli u l-impjieg fi ħdan is-settur ma jkunux mhedda;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-finanzjamenti relevanti tal-UE, bħalma hu l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-istrumenti tal-politika sabiex ittaffi l-ispejjeż soċjali ta' aġġustament, u tiżgura li l-ħiliet rilevanti jinżammu u jiġu żviluppati għall-kompetittività futura tal-industrija;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja u timplimenta mill-aktar fis possibbli l-inizjattiva SustSteel, bħalma ġie propost fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Azzar, inizjattiva li għandha l-appoġġ sħiħ tal-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni; tikkunsidra li din tista' tkun mod pożittiv ta'kompetizzjoni mal-kompetituri minn barra, turi li prodotti tal-azzar mill-UE jilħqu standards soċjali, ambjentali u ekonomiċi għola minn dawk ta' postijiet oħra, peress li tenfassiza l-kwalità tal-produtturi tal-azzar tal-UE u tiffaċilita r-relazzjonijiet mal-konsumaturi interessati fil-kwalità tal-prodotti;

17.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ aktar komprensiv għas-settur tal-azzar u tiżgura li l-kompetittività industrijali hija integrata fl-oqsma ta' politika kollha tal-Unjoni;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0069.

Avviż legali