Proċedura : 2014/2907(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0362/2014

Testi mressqa :

B8-0362/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0105

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 132kWORD 74k
11.12.2014
PE545.612v01-00
 
B8-0000/2014

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8‑0037/2014 u B8‑0038/2014

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (2014/2907(RSP))


Claude Moraes f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar the situation in the Mediterranean and the need for a holistic EU approach to migration (2014/2907(RSP))  
B8‑0000/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' refuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa(2),

–       wara li kkunsidra d-diskors mill-President tal-Parlament Ewropew matul iż-żjara tiegħu f'Lampedusa fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2014, biex ifakkar l-anniversarju tat-traġedja tat-3 ta' Ottubru 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar iż-żjarat mid-delegazzjonijiet tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011, fil-Ġordan fi Frar 2013 biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tar-refuġjati mis-Sirja, u fil-Bulgarija f'Jannar 2014 biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-applikanti għall-ażil u r-refuġjati u b'mod partikolari mis-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-dibattiti fis-sessjonijiet plenarji tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar il-politiki migratorji tal-UE fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa,

–       wara li kkunsidra d-dibattiti li saru mill-bidu tal-leġiżlatura attwali: fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu fit-22 ta' Lulju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran; fl-4 ta' Settembru 2014 dwar l-attivitajiet tal-Frontex fil-Mediterran u dwar it-Task Force fil-Mediterran; fl-24 ta' Settembru 2014 dwar il-Ħames Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil (2013)(3) u dwar ir-rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO) dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni Ewropea (2013),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjni tal-Kummissjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran tal-4 ta' Diċembru 2013(4),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran(5),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014, fejn iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali għas-snin li ġejjin fi ħdan l-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja(6),

–       wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, ippreżentati fil-15 ta' Lulju 2014 mill-President Juncker fis-sessjoni plenarja tal-Parlament,

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni tal-11 ta' Settembru 2014(7),

–       wara li kkunsidra l-impenji meħuda mill-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, is-Sur Avramopoulos, fis-smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-30 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Tittieħed azzjoni biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji" adottati fl-10 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) intitolat "Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran",

–       wara li kkunsidra r-rapporti annwali tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari r-rapport ippubblikat f'April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, u r-rapport ippubblikat f'April 2014 dwar l-isfruttament ta' ħaddiema migranti,

–       wara li kkunsidra d-diskors mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku matul iż-żjara Tiegħu fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (O-000078/2014 – B8 0037/2014 and O-000079/2014 – B8 0038/2014),

–       wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni(8), minn tal-inqas 3 072 persuna mietu fil-Baħar Mediterran fl-ewwel disa' xhur tal-2014, fatt li għal darb'oħra juri l-ħtieġa li jsir dak kollu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ fuq il-baħar;

B.     billi madwar 500 migrant ġew irrappurtati maqtula wara li d-dgħajsa li kienet qed iġġorrhom mill-Eġittu lejn l-UE apparentament intlaqtet u ġiet mgħerrqa apposta mit-traffikanti; billi t-traffikanti jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u billi dawk in-netwerks huma ta' riskju serju għall-ħajjiet tal-migranti u sfida għall-UE;

C.     billi l-Italja varat l-operazzjoni "Mare Nostrum" ta' pattuljar, salvataġġ u sorveljanza sabiex issaħħaħ l-attivitajiet ta' salvataġġ umanitarju fil-Mediterran li salvaw 150 810 migrant matul perjodu ta' 364 jum(9); billi l-Gvern Taljan ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jneħħi gradwalment l-operazzjoni "Mare Nostrum";

D.     billi l-operazzjoni konġunta "Triton", ikkoordinata mill-Frontex, saret kompletament operattiva fl-1 ta' Novembru 2014 u mhuwiex ċar x'kontribuzzjonijiet se jsiru mill-Istati Membri fil-ġejjieni;

1.      Jirrikonoxxi li huwa importanti li jkun żviluppat approċċ olistiku għall-migrazzjoni;

2.      Itenni l-ħtieġa li l-UE ġġorr is-sehem ġust tagħha fir-responsabbiltà u s-solidarjetà lejn l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar għadd ta' refuġjati u applikanti għall-ażil f'termini assoluti jew inkella f'termini proporzjonali (f'konformità mal-Artikolu 80 tat-TFUE); ifakkar l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 78 u 79 tat-TFUE;

3.      Jiddispjaċih għall-imwiet traġiċi fil-Mediterran; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu sabiex jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar; huwa konxju tal-bżonn li jkun żgurat li l-obbligi ta' tfittxija u salvataġġ ikunu ssodisfati b'mod effikaċi u li għaldaqstant ikunu ffinanzjati kif xieraq fuq terminu ta' żmien medju u twil;

4.      Iqis li huwa meħtieġ li ssir riflessjoni dwar it-tisħiħ tal-politika tal-fruntieri u s-sigurtà u dwar kif jitjieb ir-rwol futur tal-Frontex u l-EASO; jistieden lill-Istati Membri jkomplu juru solidarjetà u impenn billi jikkontribwixxu biżżejjed għall-baġits u l-operazzjonijiet ta' dawn l-aġenziji;

5.      Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet kriminali qawwija kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-immigrazzjoni klandestina kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u wkoll fuq individwi jew gruppi li jisfruttaw migranti vulnerabbli fl-UE, u għandhom iwaqqfu kampanji ta' informazzjoni fuq firxa wiesgħa biex iqajmu kuxjenza dwar it-tipi ta' riskji li jaffaċċjaw dawk li jpoġġu ħajjithom f'idejn il-kuntrabandisti u dawk li huma l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

6.      Iqis li għandhom jiġu esplorati possibbiltajiet oħra ta' migrazzjoni legali;

7.      Iqis li hemm bżonn li jiġu esplorati inizjattivi futuri li jsegwu eżempji tajbin ta' risistemazzjoni, inkluż il-programm volontarju ta' risistemazzjoni stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni; ifakkar li l-finanzjament tal-UE joffri għajnuna lil dawk l-Istati Membri li huma lesti jimplimentaw il-programmi dwar ir-risistemazzjoni;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa li tkun eżaminata l-istrateġija ġenerali dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, inklużi l-Afrika sub-Saħarjana, l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani fir-rigward tal-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika, inkluż fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fejn xieraq; barra minn hekk, jitlob kjarifika dwar ir-rwol tal-politiki dwar il-protezzjoni reġjonali, ir-risistemazzjoni u dawk ta' ritorn, inklużi l-ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni kemm tal-pajjiż ta' oriġini kif ukoll il-pajjiżi ta' tranżitu, sabiex ikunu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, u jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

9.      Iħeġġeġ il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta' proċessar rapidu flimkien ma' pajjiżi terzi ta' tranżitu u oriġini, u ta' ritorn għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil u l-protezzjoni fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod għal dawk li jirrikjedu l-protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu l-politiki ta' ritorn volontarju filwaqt li tkun garantita l-protezzjoni tad-drittijiet għall-migranti kollha u jkun żgurat aċċess sigur u legali għas-sistema tal-ażil tal-UE;

10.    Iqis li għandha ssir analiżi dettaljata dwar kif il-fondi tal-Affarijiet Interni, inklużi l-fondi ta' emerġenza, qed jintefqu f'dan il-kuntest, b'mod partikolari għall-azzjonijiet fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni klandestina u t-traffikar, u r-ritorn, kif ukoll analiżi tal-fondi relatati mal-politika barranija u ta' żvilupp tal-UE;

11.    Jesprimi tħassib dwar kif tkun żgurata implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil – inklużi, fejn u jekk meħtieġ, il-varar tal-mekkaniżmu għal twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni ta' kriżijiet (l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013) jew l-użu ta' proċeduri ta' ksur fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE mhijiex implimentata kif suppost – u kif ikunu garantiti standards komuni effikaċi għall-akkoljenza, il-proċeduri u l-kwalifika madwar l-UE, li jipproteġu dawk l-aktar vulnerabbli u jinkoraġixxu l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti biex jivvaluta l-politiki varji involuti, b'riżorsi addizzjonali li bihom, pereżempju, jitmexxew is-seduti ta' smigħ u d-delegazzjonijiet ad hoc, jiżvuluppa sett ta' rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-plenarja fil-forma ta' rapport ta' inizjattiva strateġika qabel tmiem l-2015;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0414.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0448.

(3)

COM(2014)0288.

(4)

COM(2013)0869.

(5)

SWD(2014)0173, Partijiet 1 u 2.

(6)

EUCO 79/14

(7)

REX/414.

(8)

Vjaġġi Fatali: l-Intraċċar tal-Ħajjiet Mitlufa waqt il-Migrazzjoni, IOM, 2014.

(9)

http://www.marina.difesa.it/EN/operations/Pagine/MareNostrum.aspx

Avviż legali