Proċedura : 2015/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0006/2015

Testi mressqa :

B8-0006/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.8
CRE 15/01/2015 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 63k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0006/2015
12.1.2015
PE545.686v01-00
 
B8-0006/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani (2015/2512(RSP))


Lara Comi, Cristian Dan Preda, Barbara Matera, Raffaele Fitto, Antonio Tajani, Salvatore Cicu, Michael Gahler, Jacek Saryusz-Wolski, Andrej Plenković, Ivana Maletić, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani (2015/2512(RSP))  
B8‑0006/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-protokolli addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet kollha kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-każ tal-'marò' Taljani Massimiliano Latorre u Salvatore Girone,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fil-15 ta' Frar 2012 seħħ inċident fl-ibħra barra l-kosta tal-Indja fejn żewġ sajjieda lokali ġew maqtula u billi żewġ fizzjali navali Taljani, Massimiliano Latorre u Salvatore Girone, ġew meqjusa responsabbli u sussegwentement arrestati; billi ż-żewġ fizzjali kienu fuq it-tanker taż-żejt Taljan Enrica Lexie matul l-operazzjonijiet tagħhom kontra l-piraterija;

B.     billi dan qajjem inċident internazzjonali li għadu kkaratterizzat minn inċertezza assoluta dwar il-futur taż-żewġ Taljani, peress li kważi tliet snin wara għadhom ma tressqu l-ebda akkużi formali b'rabta mal-isparar;

C.     billi fit-12 ta' Settembru 2014 l-Indja ppermettiet lis-Sur Latorre, li kien intlaqat minn iskemija waqt id-detenzjoni, jirritorna l-Italja għal perjodu ta' erba' xhur bil-għan li jingħatawlu l-kuri mediċi; billi fis-6 ta' Jannar 2015 is-Sur Latorre għamel operazzjoni tal-qalb sabiex tiġi kkurata l-kundizzjoni tiegħu, iżda billi huwa għad għandu bżonn tal-kura medika; billi s-Sur Girone attwalment għadu jinsab fl-Indja;

D.     billi fis-16 ta' Diċembru 2014 il-Qorti Suprema fi New Delhi ċaħdet iż-żewġ talbiet tal-morini għall-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja tagħhom; billi s-Sur Latorre talab li ż-żjara tiegħu fl-Italja għal trattament tas-saħħa tiġi estiża u s-Sur Girone talab jitħalla jqatta' l-perjodu tal-Milied mal-familja tiegħu;

E.     billi d-dewmien inkredibbli fil-proċess u n-nuqqas ta' kwalunkwe akkuża kontra ż-żewġ fizzjali militari Taljani jammontaw għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

F.     billi l-Gvern Taljan ikkritika bis-saħħa l-imġiba tal-awtoritajiet Indjani, u billi fis-17 ta' Diċembru 2014, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Paolo Gentiloni, ħabbar it-tfakkira urġenti tal-ambaxxatur Taljan għall-Indja għal konsultazzjonijiet;

G.     billi fil-15 ta' Ottubru 2014, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, ikkundannat l-aġir tal-awtoritajiet Indjani, filwaqt li ħeġġet lill-Gvern Indjan biex isib soluzzjoni rapida u sodisfaċenti f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u d-dritt internazzjonali;

H.     billi fis-16 ta' Diċembru 2014, il-VP/RGħ, Federica Mogherini, enfasizzat li l-każ jista' jkollu impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja;

I.      billi fl-10 ta' Mejju 2012 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-piraterija marittima, li l-paragrafu 30 tagħha jiddikjara li "fl-ibħra internazzjonali, skont il-ligi internazzjonali, fil-każijiet kollha, inklużi azzjonijiet meħuda fil-ġlieda kontra l-piraterija, tapplika l-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-istat tal-bandiera fuq il-vapuri kkonċernati, kif ukoll il-persunal militari mħaddma abbord" u jinnota li "l-ebda awtorità għajr dawk tal-Istat tal-bandiera ma tista' tordna arrest jew detenzjoni ta' bastiment, lanqas bħala miżura ta' investigazzjoni";

J.      billi ż-żewġ marò huma ċittadini tal-UE, u billi fil-15 ta' Frar 2012 huma kienu qed iwettqu l-funzjonijiet tagħhom kontra l-piraterija;

K.     billi l-UE għandha rwol ewlieni b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-livell internazzjonali;

1.      Jikkundanna l-imġiba tal-awtoritajiet Indjani fil-ġestjoni tal-każ tal-marò Taljani, u jemmen li n-nuqqas ta' kwalunkwe akkuża kontra ż-żewġ suldati u d-dewmien inkredibbli fil-proċess jammontaw għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.      Jesprimi tħassib enormi dwar l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ tal-marò Taljani li, wara tliet snin, għadhom qegħdin jistennew li jsiru jafu x'se jsir minnhom;

3.      Jappoġġja l-isforzi tal-Gvern Taljan biex tinstab soluzzjoni għall-każ, iżda jemmen li l-UE wkoll għandha d-dmir li tintervjeni biex tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tagħha;

4.      Jitlob bil-qawwa għar-ritorn finali taż-żewġ maró lill-Italja, u għall-applikazzjoni ta' ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-istat tal-bandiera f'konformità mad-dritt internazzjonali, kif kien mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012;

5.      Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, Federica Mogherini, tieħu kull azzjoni meħtieġa sabiex jitħarsu ż-żewġ maró Taljani u sabiex tinstab riżoluzzjoni sodisfaċenti tal-każ bħala kwistjoni ta' urġenza;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jittrattaw l-każ tal-maró b'importanza kbira fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-Indja u, jekk ikun meħtieġ, li jikkunsidraw miżuri restrittivi bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata soluzzjoni;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja.

(1)

ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 34.

Avviż legali