Proċedura : 2015/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0009/2015

Testi mressqa :

B8-0009/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.8
CRE 15/01/2015 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 125kWORD 60k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0006/2015
12.1.2015
PE545.689v01-00
 
B8-0009/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani (2015/2512(RSP))


Karima Delli, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani (2015/2512(RSP))  
B8‑0009/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 11 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 14 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2015 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li fiha jistieden lill-Italja u lill-Indja jipprovaw jilħqu soluzzjoni raġonevoli u aċċettabbli għaż-żewġ partijiet,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-14 ta' Jannar 2015 dwar il-każ taż-żewġ marò Taljani,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi matul il-lejl tal-15 ta' Frar 2012 il-bastiment kummerċjali Taljan Enrica Lexie, fir-rotta minn Singapor lejn Ġibuti, ġie avviċinat mil-lanċa tas-sajd St Antony 'l barra mill-kosta tal-Kerala, fl-Indja;

B.     billi sitt marò Taljani kienu jinsabu abbord l-Enrica Lexie biex jipproteġu l-bastiment minn eventwali attakki mill-pirati; billi, fil-biża' ta' attakk mill-pirati, ġew sparati tiri lejn il-lanċa li kienet qiegħda tavviċina u żewġ sajjieda Indjani, Valentine alias Jelastine u Ajeesh Pink, sfaw traġikament maqtula;

C.     billi fid-19 ta' Frar 2012 il-pulizija Indjana arrestat liż-żewġ marò, Massimiliano Latorre u Salvatore Girone, li kienu ġew identifikati bħala dawk responsabbli mit-tiri minn arma tan-nar sparati lejn l-lanċa;

D.     billi tali avvenimenti kkaġunaw tensjonijiet diplomatiċi, minħabba l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ taż-żewġ marò Taljani f'dak li għandu x'jaqsam mal-immunità, mal-ġurisdizzjoni u mad-dritt applikabbli; billi, minkejja li għaddew tliet snin, l-awtoritajiet Indjani għadhom ma fformalizzawx l-akkużi;

E.     billi wieħed mill-marò, Massimiliano Latorre, ħalla l-Indja biex iqatta' erba' xhur id-dar wara li ntlaqat minn iskemija ċerebrali, u billi l-Qorti Suprema tal-Indja ddeċidiet li tirrifjuta estensjoni tal-permanenza tiegħu fl-Italja bl-iskop li jingħatawlu l-kuri mediċi; billi fil-5 ta' Jannar 2015 Massimiliano Latorre kien sottopost għal intervent kirurġiku f'qalbu u billi attwalment hija pendenti talba għal proroga; billi Salvatore Girone huwa attwalment detenut fl-Ambaxxata Taljana fl-Indja;

F.     billi r-Repubblika tal-Indja hija Pajjiż imsejjes fuq l-istat tad-dritt u fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

1.      Jesprimi tħassib qawwi dwar id-detenzjoni mingħajr kapi ta' akkuża tal-marò Taljani; jisħaq fuq il-fatt li l-marò għandhom ikunu liberati jew jirċievu fi żmien raġonevoli proċess ġust, li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-preżunzjoni tal-innoċenza u jkun ibbażat fuq investigazzjoni kredibbli, u li l-marò jkollhom id-dritt li jkunu assistiti minn avukat; jistieden lill-Gvern Indjan jippermetti lid-detenuti jiltaqgħu mal-familji tagħhom u jkollhom aċċess għall-assistenza medika mingħajr ostakli;

2.      Jisħaq fuq il-fatt li d-dewmien u d-detenzjoni fit-tul mingħajr proċess tal-marò huma inaċċettabli u jirrappreżentaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

3.      Jiddispjaċih bil-mod li bih il-kwistjoni ġiet immexxija u jsostni l-isforzi tal-partijiet involuti kollha biex jaħdmu favur soluzzjoni raġonevoli u aċċettabbli għal kulħadd;

4.      Jinkoraġġixxi lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tieħu kull azzjoni neċessarja biex tiggarantixxi li l-każ ikun riżolt b'mod rapidu u sodisfaċenti u li d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati;

5.      Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-negozjar tal-ftehiem ta' kummerċ ħieles mal-Indja u jħeġġiġha tqajjem dan il-każ fid-djalogu tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mal-Indja, u konsegwentement tikkunsidra miżuri ulterjuri biex taġevola soluzzjoni pożittiva tal-kwistjoni;

6.      Ifakkar li d-drittijiet u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE fil-pajjiżi terzi għandhom ikunu salvagwardati mir-rappreżentanza diplomatika tal-Unjoni, li għandha taħdem b'mod attiv favur id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-UE detenuti u li jaffrontaw proċess f'pajjiż terz;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Italja u tal-Indja.

Avviż legali