Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0018/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0018/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

12.1.2015 - (2014/2965(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Heidi Hautala, Benedek Jávor, Yannick Jadot, Peter Eriksson, Ernest Maragall, Helga Trüpel, Davor Škrlec, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0008/2015

Proċedura : 2014/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0018/2015
Testi mressqa :
B8-0018/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0018/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(2014/2965(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għal dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1], tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2], u tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina[3], tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Ukraina[4] u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja[5],

–    wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina (FA) fis-27 ta' Ġunju 2014, li jinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), u r-ratifika simultanja tiegħu min-naħa tal-Parlament Ewropew u tal-Verhovna Rada fis-16 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina tat-3 ta' Marzu 2014 u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu 2014, tal-14 ta' April 2014, tat-12 ta' Mejju 2014, tat-23 ta' Ġunju 2014, tal-15 ta' Awwissu 2014 u tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern dwar l-Ukraina fil-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 u tas-27 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-21 ta' Marzu 2014, tas-27 ta' Ġunju 2014, tas-16 ta' Lulju 2014, tat-30 ta' Awwissu 2014 u tat-18 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi manifestazzjoni msejħa "Il-Lejla tal-Memorja" saret fil-pjazza Maidan ta' Kiev fit-30 ta' Novembru 2014 biex jitfakkar l-anniversarju tat-tixrid brutali min-naħa tal-pulizija kontra l-irvellijiet tal-istudenti li ħarġu jsostnu l-integrazzjoni Ewropea tal-Ukraina kontra d-deċiżjoni tal-gvern ta' dak iż-żmien li ma jiffirmax l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina; billi d-dimostrazzjonijiet tal-istudenti kkawżaw il-mobilizzazzjoni mifruxa tas-soċjetà Ukraina favur ir-riformi demokratiċi profondi u radikali li wasslu għall-waqgħa tal-President Yanukovich;

B.     billi l-elezzjonijiet ġenerali bikrija li saru fis-26 ta' Ottubru 2014 żvolġew b'mod paċifiku u ordnat minkejja l-kunflitt li kien għaddej fir-reġjuni tal-Lvant u l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja; billi aktar minn 50 % tal-membri tal-Verhovna Rada l-ġdida huma ġodda u ħafna minnhom huma espressjoni diretta tal-moviment EuroMaidan; billi l-parlament u l-gvern il-ġodda għandhom iżommu l-wegħdiet li ħarġu mill-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina li niżel b'mod paċifiku fit-toroq għal xhur sħaħ u rreżista l-pressjoni u r-repressjoni vjolenti tar-reġim preċedenti;

C.     billi fit-2 ta' Diċembru 2014 il-Verkhovna Rada vvutat favur il-formazzjoni ta' gvern ġdid appoġġat minn koalizzjoni ta' ħames partiti msejħa "Ukraina Ewropea";

D.     billi l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Lvant tal-Ukraina li ntlaħaq fil-5 ta' Settembru 2014 f'Minsk mill-Grupp ta' Kuntatt trilaterali segwit mill-Memorandum tad-19 ta' Settembru dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi kompost minn 12-il punt inkiser kostantement, prinċipalment mill-milizzji pro-Russja, b'hekk il-kriżi nbidlet f'kunflitt ta' intensità aktar baxxa li tirriskja li bil-mod il-mod tiġi deklassifikata fl-istatus ta' kunflitt iffriżat; billi mid-9 ta' Diċembru 2014, bis-saħħa tal-inizjattiva tal-President Poroshenko li appella għal "reġim ta' silenzju", in-numru ta' ksur naqas drastikament; billi l-punti prinċipali tal-memorandum ma ġewx implimentati fir-rigward, b'mod partikolari, tad-demarkazzjoni tal-linja ta' kuntatt, tal-irtirar ta' armi tqal għal aktar minn 15 km fuq iż-żewġ naħat u tal-kontroll tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja min-naħa tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE (SMM); billi ċ-ċiklu l-ġdid ta' taħditiet reċenti bejn il-partijiet li sar f'Minsk fl-24 ta' Diċembru 2014 ma rnexxilux jikseb riżultati konkreti ħlief għal skambju ulterjuri ta' ostaġġi;

E.     billi r-Russja żiedet l-appoġġ militari u loġistiku tagħha favur il-milizzji separatisti permezz ta' fluss kostanti ta' armi, munizzjonijiet, vetturi u tagħmir blindati kif ukoll merċenarji u suldati pajsana, minkejja l-appelli tal-UE biex isir kull sforz biex is-sitwazzjoni ma tkomplix taggrava; billi sa mill-bidu tal-kriżi l-Federazzjoni Russa ġabret truppi u apparat militari fit-territorju tal-Ukraina tal-Lvant; billi skont sorsi kredibbli hemm minn 6 000 sa 8 000 truppa Russa stazzjonati fit-territorju tal-Ukraina;

F.     billi aktar minn 4 500 ruħ tilfu ħajjithom matul il-kunflitt, fosthom 1 300 wara l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied; billi s-sitwazzjoni fiż-żona ta' kunflitt hi kwistjoni ta' tħassib qawwi kemm minn perspettiva umanitarja kif ukoll minn dik ta' saħħa; billi aktar minn miljun persuna abbandunaw iż-żona ta' kunflitt biex ifittxu kenn fil-Federazzjoni Russa u f'reġjuni Ukraini oħrajn li mhumiex milquta mill-ostilitajiet;

G.     billi fit-30 ta' Ottubru 2014 l-UE rnexxielha tikseb ftehim dwar pakkett tax-xitwa għall-provvista ta' gass mir-Russja lejn l-Ukraina sa tmiem Marzu 2015; billi, minkejja dan il-Ftehim, l-Ukraina attwalment għaddejja minn skarsezza ta' enerġija akuta bi qtugħ tal-elettriku kuljum f'ċerti reġjuni u l-iskejjel jingħalqu minħabba l-kesħa;

H.     billi r-rapporti reċenti ppubblikati mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u minn Amnesty International akkużaw liż-żewġ naħat bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li elenkaw delitti bħal ħtif, tortura, qtil extraġudizzjarju u użu ta' armi tqal kontra żoni urbani densament popolati u użu ta' bombi tat-tip "cluster"; billi l-awtoritajiet Ukraini għandhom il-possibilitajiet u d-dmir li jinvestigaw u jieħdu azzjoni legali kontra dak il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iżda mhux fit-territorji taħt il-kontroll tal-milizzji appoġġati mir-Russja, fejn ma hemm l-ebda poter ġudizzjarju u l-ebda stat tad-dritt;

I.      billi nhar il-5 ta' Diċembru 2014 li għadda mmarka l-20 anniversarju tal-iffirmar tal-Memorandum ta' Budapest; billi l-Ukraina rrispettat id-dispożizzjonijiet kollha tiegħu u ħadet pożizzjoni proattiva dwar il-kwistjonijiet tad-diżarm nukleari u tan-nonproliferazzjoni, bil-maqlub tal-Federazzjoni Russa li kisret l-impenji tagħha billi okkupat parti mit-territorju tal-Ukraina (il-Krimea u Sevastopol) u nediet aggressjoni armata fil-Lvant tal-Ukraina; billi dan ħoloq preċedent perikoluż, inkwantu Stat li kien iggarantixxa s-sigurtà tal-Ukraina bħala reazzjoni għal rifjut min-naħa tal-Ukraina li tkun fil-pussess ta' arsenali nukleari kiser b'mod sfaċċat is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha, u b'mod ġenerali l-idea biex jiġu promossi d-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali abbażi tad-dritt internazzjonali u tat-trattati multilaterali; billi r-Russja għadha qiegħda tirrifjuta li timplimenta t-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE);

J.      billi, wara pakkett ġdid ta' sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja tat-12 ta' Settembru 2014 intiż biex ikompli jissikka l-aċċess min-naħa tal-banek, tal-enerġija u tal-impriżi ta' difiża tar-Russja fis-swieq kapitali tal-UE, l-ambaxxaturi tal-UE approvaw sanzjonijiet addizzjonali kontra s-separatisti li joperaw fil-Lvant tal-Ukraina waqt il-laqgħa tagħhom fi Brussell tas-27 ta' Novembru 2014, li fiha, barra minn dan, il-projbizzjonijiet fuq il-viżi u l-iffriżar tal-assi ġew applikati lil 13-il persuna oħra u l-assi ta' ħames kumpaniji ġodda ġew iffriżati;

K.     billi skont rapport reċenti tal-OSKE, minn Novembru 2013, mill-inqas 170 ġurnalist ġew attakkati u sebgħa oħra maqtula fl-Ukraina b'madwar 80 każ ta' ħtif u arresti ta' operaturi fil-midja u tnjen għadhom detenuti; billi ġew kommessi atti ta' vandaliżmu kontra 30 uffiċċju editorjali, fosthom dawk tal-istazzjonijiet televiżivi; billi s-suldat Ukrain Nadya Savchenko, ir-reġista Oleg Sentzow u bosta ċittadini Ukraini oħra għadhom miżmuma bħala priġunieri politiċi fir-Russja bi sfida kontra d-dritt internazzjonali,

L.     billi skont l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2014 ippubblikat dan l-aħħar minn Transparency International, l-Ukraina għadha fil-kategorija tal-pajjiżi bl-ogħla livell ta' korruzzjoni; billi skont din l-organizzazzjoni il-liġijiet kontra l-korruzzjoni adottati reċentement stabbilew biss bażi għal tibdil; billi l-klassifikazzjoni tal-Ukraina f'dan l-indiċi turi għal darb'oħra l-bżonn urġenti li l-korruzzjoni tiġi miġġilda b'mod effikaċi;

M.    billi l-embargo Russu fuq l-importazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' prodotti agrikoli mill-UE u minn pajjiżi oħrajn impost mill-Prim Ministru Russu fis-6 ta' Awwissu 2014 qiegħed ikollu impatt qawwi fuq għadd ta' setturi tal-biedja u fuq pajjiżi li jesportaw prodotti tal-biedja lejn ir-Russja;

N.     billi fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni li l-Ukraina ssodisfat il-punti ta' riferiment skont l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viża u għaddiet għat-tieni fażi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

1.      Jilqa' b'sodisfazzjon il-valutazzjoni pożittiva tal-elezzjonijiet ġenerali tas-26 ta' Ottubru 2014, għalkemm ġew innutati xi problemi proċedurali, u l-inawgurazzjoni sussegwenti tal-Verhovna Rada l-ġdida; jistenna, f'dan ir-rigward, il-gvern u l-parlament il-ġodda jżommu l-wegħdiet tagħhom billi jwettqu r-riformi politiċi, amministrattivi u ekonomiċi neċessarji fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea, f'konformità mal-aspirazzjonijiet tal-moviment EuroMaidan;

2.      Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistinkaw biex jgħinu lill-Ukraina fl-adozzjoni u, fuq kollox, fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi bil-ħsieb li titwitta t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina; japprezza, f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea (EUAM) li ġiet fdata bil-kompitu li tittratta b'mod effikaċi r-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili minbarra l-ħolqien tal-grupp ta' sostenn li jforni punt fokali, struttua, sorveljanza u gwida għal xogħol il-Kummissjoni biex issostni lill-Ukraina, kif ukoll jgħin il-mobilizzazzjoni tal-kompetentzi tal-Istati Membri u jkompli jsaħħaħ il-koordinament mad-donaturi l-oħrajn u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

3.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu kont dovut tat-talba tal-awtoritajiet Ukraini għat-tielet programm ta' assistenza makrofinanzjarja li jinkludi l-ammont ta' għajnuna u l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet fil-qasam tal-politika tal-Istat wara li jiġi konċess it-tieni porzjon fl-ambitu tat-tieni programm; jenfasizza li kwalunkwe assistenza finanzjarja tal-UE trid tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stretti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

4.      Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni tal-gvern il-ġdid li jistabbilixxi Ministeru għall-Politika ta' Informazzjoni, u jappella għal dibattitu miftuħ u trasparenti bil-għan li jiġu ċċarati r-raġunijiet u jiġu adottati fl-aħħar mill-aħħar il-miżuri adegwati u effikaċi biex jikkumpensaw iż-żieda tal-propaganda Russa; huwa tal-fehma li l-propaganda ma tistax tingħeleb bil-propaganda iżda li l-Ukraina teħtieġ b'mod urġenti riforma fis-settur tal-mezzi tal-komunikazzjoni bil-għan li tinħoloq sistema ta' xandir pubbliku iżda mhux ikkontrollat mill-Istat u kontroll trasparenti tal-mezzi ta' komunikazzjoni privati; iwissi kontra l-periklu li tinħoloq ċensura tal-Istat tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa;

5.      Jikkundanna enerġikament il-ksur persistenti tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, kommess prinċipalment mill-milizzji separatisti appoġġati mir-Russja, u jistieden lill-partijiet kollha jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jimplimentawh b'mod sħiħ u f'bona fidi ħalli titwitta t-triq għall-bidu ta' proċess ta' paċi ġenwin u djalogu nazzjonali inklużiv; jistieden, barra minn hekk, lill-partijiet kollha jkomplu n-negozjati sabiex jiċċaraw il-kwistjonijiet pendenti kollha, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-istatut tar-reġjuni ta' Luhansk u ta' Donetsk jew partijiet minnhom fi ħdan il-qafas ta' Stat Ukrain unitarju;

6.      Jikkundanna l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet "presidenzjali u parlamentari" illegali u illeġittimi fir-"Repubblika Popolari ta' Donetsk" u fir-"Repubblika Popolari ta' Luhansk" fit-2 ta' Novemrbu 2014, kif anki l-fatt li r-Russja "rrispettathom", b'hekk imminat l-ftehimiet ta' Minsk;

7.      Itenni l-impenn tiegħu favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, u jenfasizza li soluzzjoni politika ġenwina tal-kriżi biss tista' twitti t-triq għal rikonċiljazzjoni totali bejn il-partijiet u ssaħħaħ l-unità tal-pajjiż;

8.      Jiddispjaċih li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE għadha nieqsa mill-persunal u, konsegwentment, qiegħda tipproduċi riżultati insuffiċjenti; jenfasizza li din il-missjoni tiżvolġi rwol kruċjali fir-riżoluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina, fid-dawl tal-esperjenza tal-OSKE fil-ġestjoni tal-kunflitti armati u tal-kriżijiet u tal-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu l-isforzi kollha sabiex isaħħu u jżidu l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina kemm f'termini ta' persunal kif ukoll ta' loġistika u tagħmir; jenfasizza l-bżonn li jintbagħtu mingħajr aktar dewmien l-osservaturi tal-OSKE tul il-partijiet tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja li attwalment tinsab taħt il-kontroll tas-separatisti;

9.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda l-preparamenti għall-Konferenza tad-Donaturi għaż-żona Donbas, u jilqa' pożittivament f'dan ir-rigward il-possibilità li l-Bank Ewropew tal-Investiment jalloka EUR 200 miljun għar-rikostruzzjoni tar-reġjun; jilqa' favorevolment ukoll id-deċiżjoni tal-UE li talloka EUR 55 miljun għall-finanzjament tal-programm il-ġdid "Appoġġ għall-Politika Reġjonali tal-Ukraina", li se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Statali għall-Iżvilupp Reġjonali tal-2020 li l-gvern approva fis-6 ta' Awwissu 2014 u se jforni finanzjament stabbli u prevedibbli għar-reġjuni u għall-muniċipalitajiet, kif ukoll awtonomija finanzjarja msaħħa tal-awtoritajiet lokali, kompetittività ogħla tar-reġjuni u titjib fil-koeżjoni soċjoekonomika territorjali;

10.    Jistieden lil Moska tieqaf taggrava s-sitwazzjoni billi twaqqaf minnufih il-fluss ta' armi, merċenarji u truppi f'appoġġ tal-milizzji separatisti u tissiġilla parti tal-fruntiera li tammonta għal 400 km li bħalissa mhijiex taħt il-kontroll tal-gwardji tal-fruntieri tal-Ukraina; jenfasizza li l-mod kif ir-Russja kisret il-Ftehim ta' Budapest, li tqis bħala kontribut importanti għad-diżarm nukleari u għan-nonoproliferazzjoni globali fis-snin 90, se jħalli impatt negattivi enormi fuq id-disponibilità ta' pajjiżi oħrajn li jaderixxu mat-Trattat ta' Nonproliferazzjoni (TNP) u jottemperaw b'mod rigoruż mal-obbligi tar-reġim TNP in vista tal-Konferenza imminenti ta' Rieżami tat-TNP tal-2015;

11.    Jenfasizza r-responsabilità tar-Russja fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qiegħda teħżien fil-Krimea li ġiet annessa illegalment; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu, f'dan ir-rigward, għall-fatt li 18 000 ruħ telqu r-reġjun, nofshom Tartari tal-Krimea; jistieden lill-awtoritajiet Russi jieqfu ż-żieda fil-militarizzazzjoni tal-peniżola tal-Krimea, u jopponi bil-qawwa l-intenzjoni tar-Russja li tiskjera armi nukleari f'din fil-parti okkupata tal-Ukraina kif ħabbar il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin; itenni l-appell tiegħu lir-Russja biex teħles minnufih lill-priġunieri politiċi Ukraini, inkluża Nadiya Savchenko, li reċentement ġiet eletta in absentia, fil-Verkhovna Rada, u r-reġista Oleg Sentzow;

12.    Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) li tipprojbixxi lill-klabbs tal-Krimea milli jipparteċipaw fit-tornej tal-Unjoni tal-Futbol tar-Russja mill-1 ta' Jannar 2015, u li tipprojbixxi lill-Unjoni tal-Futbol tar-Russja milli torganizza l-ebda partita tal-futbol fit-territorju tal-Krimea mingħajr il-kunsens tal-UEFA u tal-Federazzjoni tal-Futbol tal-Ukraina; huwa tal-fehma li l-FIFA għandha tissospendi l-preparamenti għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li mistennija ssir fir-Russja sakemm tkompli l-aggressjoni kontra l-Ukraina;

13.    Jappella għat-tkomplija tar-reġim ta' sanzjonijiet attwali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib modi biex tiżdied is-solidarjetà fost l-Istati Membri f'każ li l-kriżi mar-Russja tkompli; iħeġġeġ lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE jirrikorru bis-sħiħ għall-mezzi b'saħħithom mhux militari tal-Unjoni bil-għan li jipprevjenu li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ibiddel lill-Ukraina tal-Lvant f'kunflitt iffriżat ieħor, billi jżommu jeżerċitaw pressjoni fuq ir-Russja sakemm il-kriżi tonqos milli turi sinjali sostanzjali u irreversibbli ta' titjib;

14.    Jiddeplora bil-qawwa s-serq min-naħa tal-militanti pro-Russja ta' 20 vettura blindata li tikkonsenja flus għall-pagamenti soċjali fil-parti okkupata ta' Donbas, iżda jiddispjaċih li l-President Poroshenko ddeċieda li jwaqqaf il-pagamenti liċ-ċittadini Ukraini li minħabba l-kunflitt qegħdin jgħixu darhom mal-ħajt; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jsibu modi kif jagħmlu kuntatt magħhom u jerġgħu jistabbilixxu l-provvedimenti biex jingħataw il-pensjonijiet u l-assistenza;

15.    Jappella, barra minn hekk, għal żieda fl-assistenza umanitarja u li din tkun aktar effikaċi fil-konfront tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs), partikolarment fir-rigward tat-tfal u tal-anzjani, u għal aċċess totali u bla xkiel għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar fiż-żoni ta' kunflitt; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-għoti sikur tal-pensjonijiet fir-reġjuni ta' Donetsk u ta' Luhansk jista' jkun organizzat bl-għajnuna tas-Salib l-Aħmar u tal-OSKE biex il-flus jaslu għand dawk li għandhom dritt għal dawn il-pensjonijiet inkwantu ċittadini tal-Ukraina;

16.    Itenni l-fehma tiegħu li l-għajnuna umanitarja fiż-żoni ta' kunflitt għandha tingħata mill-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tiġi evitata kull strumentalizzazzjoni politika u użu ħażin ta' din l-għajnuna; iħeġġeġ lir-Russja twaqqaf l-hekk imsejħa Konvojs Bojod u ssostni s-Salib l-Aħmar Internazzjonali hija u tieħu l-kontroll immedjat tal-attivitajiet fil-qasam tal-għajnuna umanitarja fl-Ukraina tal-Lvant kif ukoll fit-territorju ta' Luhansk u ta' Donetsk; huwa konvint li dan huwa l-uniku mod biex tiġi evitata katastrofi umanitarja;

17.    Jilqa' pożittivament r-rifjut min-naħa tal-Gvern Franċiż li jikkonsenja l-ewwel helicopter carrier tal-klassi Mistral lir-Russja; iħeġġeġ lill-Gvern Franċiż iħassar dan il-kuntratt definittivament; iħeġġeġ lir-Renju Unit jirtira immedjatament il-liċenzji attwali kollha għall-esportazzjoni tal-armi lejn ir-Russja u bl-istess mod iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jsaħħu formalment l-embargo tal-armi tal-UE kontra r-Russja mhux biss permezz tal-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet futuri iżda wkoll billi jitħassru l-kuntratti u l-liċenzi attwali kollha;

18.    Josserva l-konsenja ta' tagħmir mhux letali minn xi Stati Membri tal-UE li l-forzi armati Ukraini; isostni l-esportazzjoni ta' tagħmir mhux letali bħal ġkieket protettivi, tagħmir ta' komunikazzjoni, sptarijiet mobbli fuq il-post jew oġġetti ta' użu mediku bħal kaxex għall-ewwel għajnuna iżda wkoll assistenza teknika (eż. magni diżil); iqis l-esportazzjoni ta' tali tagħmir mhux letali bħala leġittima u moralment ġustifikabbli billi li tikkontribwixxi d-dritt ta' difiża tal-Ukraina;

19.    Jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti ta' Amnesty International u ta' Human Rights Watch dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni ta' kunflitt, u jesprimi l-kundanna soda tiegħu għall-ħtif, is-swat salvaġġ, it-tortura, l-omiċidji, il-qtil extraġudizzjarju u abbużi gravi oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju kontra attivisti, manifestanti, ġurnalisti u ħafna ċittadini oħra li mhumiex attivi fil-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant li ġraw f'dawn l-aħħar tliet xhur, li ġew kommessi prinċipalment minn separatisti armati u f'ċerti każijiet anki mill-forzi governattivi; jilqa' b'sodisfazzjon l-investigazzjoni interna mibdija mill-awtoritajiet Ukraini dwar l-allegat użu ta' bombi tat-tip "cluster", u jistenna, f'dan ir-rigward, konklużjonijiet fil-pront u preċiżi; jistieden lill-Gvern tal-Ukraina jeżerċita kontroll sħiħ fuq il-battaljuni ta' voluntiera kollha; jistieden lill-Gvern tal-Ukraina u lill-awtoritajiet ikomplu jinvestigaw u jieħdu azzjoni legali kontra d-delitti kollha kontra l-umanità; huwa mħasseb ħafna li fit-territorji taħt il-kontroll ta' grupp ġdid ta' sinjuri tal-gwerra, ma hemm ebda stat tad-dritt u anki l-piena tal-mewt hija applikata;

20.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini jidħlu fi djalogu miftuħ, trasparenti u inklużiv mal-komponenti kollha tas-soċjetà Ukraina; jistedinhom, f'dan ir-rigward, ma jdewmux ir-riformi neċessarji u tant mistennija fuq il-livell kostituzzjonali, politiku, amministrattiv u ekonomiku; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li r-riforma kostituzzjonali fl-Ukraina, inkluż il-proċess ta' deċentrament, għandha tkun is-suġġett ta' diskussjoni wiesgħa u profonda li tinvolvi l-elementi kollha tas-soċjetà Ukraina; jemmen li l-pass l-aktar importanti huwa li l-istituzzjonijiet pubbliċi jsiru responsabbli għall-bżonnijiet taċ-ċittadini; jenfasizza li r-riorganizzazzjoni interna tal-livelli differenti tal-amministrazzjoni u tal-governanza huwa t-tieni pass, u li n-netwerk ta' inizjattivi ta' "lustrazzjoni" fl-Ukrajna għamel proposti tajbin li l-gvern għandu tikkunsidra bis-serjetà fil-proċess ta' riforma;

21.    Jappella għall-implimentazzjoni immedjata u effikaċi tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni; jenfasizza li l-ġlieda kontra tali prattika trid issir waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-gvern il-ġdid, u jistenna riżultati konkreti konformi mal-aspettattivi tal-poplu li ħa sehem fid-dimostrazzjonijiet fi pjazza Maidan;

22.    Jenfasizza li l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina fis-27 ta' Ġunju 2014 huwa pass importanti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet u l-inklużjoni tal-Ukraina fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; itenni l-opinjoni tiegħu, f'dan ir-rigward, li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni, dment li taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jirratifikaw il-FA qabel is-samit ta' Riga;

23.    Jenfasizza li FA jew DCFTA mal-Unjoni Ewropea mhuwiex marbut mal-integrazzjoni fin-NATO; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kwistjoni tal-adeżjoni man-NATO hija punt li jqajjem firda kbira kemm fis-soċjetà Ukraina kif ukoll fl-opinjoni pubblika Ewropea; josserva li fiċ-ċirkostanzi attwali, il-VR ivvutat biex twaqqaf l-istatus ta' nonallinjazzjoni tal-Ukraina, iżda jesprimi tħassib għall-fatt li l-inizjattivi kollha għall-adeżjoni man-NATO jafu jżidu t-tensjonijiet fir-reġjun tal-madwar;

24.    Jiddeplora d-deċiżjoni għas-sospensjoni tal-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA sal-31 ta' Diċembru 2015 minħabba theddida min-naħa tar-Russja li tkompli timblokka l-kummerċ bilaterali mal-Ukraina; jenfasizza li l-Parlament Ewropew irratifika l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-26 ta' Ottubru 2014 u li dan ma għandux jinbidel fuq talba tar-Russja, u jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti soluzzjonijiet għall-preokkupazzjonijiet tar-Russja fi ħdan marġni permess mill-Ftehim hekk kif ratifikat; jiddeplora tat-theddida tar-Russja li tintroduċu sanzjonijiet ġodda kontra l-Ukraina jekk ir-riformi marbuta mal-allinjmanet mal-acquis communautaire ikomplu; jemmen li l-opportunità biex tavvanza l-integrazzjoni ekonomika mal-Komunità Ekonomika Ewro-Asjatika għandhom jintiżnu b'attenzjoni u li l-UE u l-Istati Membri għandhom bl-ebda mod joffru dan il-prospett mingħajr ma l-ewwel ir-Russja tagħmel progress sostanzjali fil-kriżi tal-Ukraina;

25.    Ifakkar li d-DCFTA għandha tkun opportunità ta' riforma tal-ekonomija Ukraina b'mod sostenibbli, billi jiġu żarmati interessi stabbiliti; jenfasizza l-importanza li l-Ukraina tingħata assistenza finanzjarja u teknika meħtieġa biex timplimenta d-DCFTA, kif ukoll li tingħata prijoritajiet lill-oqsma li fihom l-Ukraina tista' tibbenefika l-aktar mill-integrazzjoni ekonomika mal-UE;

26.    Iqis bħala importantissmu li d-dipendenza enerġetika tal-UE minn Moska u minn reġimi awtoritarji oħrajn tonqos, filwaqt li jiġu stabbiliti alternattivi konkreti biex dawk l-Istati Membri li attwalment jiddependu mir-Russja bħala fornitur uniku jingħataw għajnuna; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni taħdem għall-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u tappoġġa l-proġetti ta' effiċjenza enerġetika, peress li dan ineħħi kapaċitajiet addizzjonali tal-pipelines, kif ukoll biex tiddiversifika b'mod effikaċi s-sorsi tal-enerġija billi jiġu żviluppati enerġiji rinovabbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri ma jimpenjawx ruħhom mal-kumpaniji pubbliċi tagħhom fi proġetti ma' kumpaniji Russi li jżidu l-vulnerabilità Ewropea u li għandhom l-għan li jiżolaw lill-Ukraina, bħas-South Stream;

27.    Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn ta' objettivi ambizzjużi u vinkolanti għall-2030 (40 % għall-effiċjenza enerġetika, 45 % għall-enerġija rinnovabbli), bil-għan li jinħolqu postijiet tax-xogħol fl-Ukraina u fl-UE f'dawn is-setturi, tiżdied is-sigurtà tal-provvista u jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tagħna filwaqt li tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili;

28.    Jistieden lill-UE tikkunsidra bħala riżorsi strateġiċi l-ħżin tal-gass, l-interkonnetturi u l-faċilitajiet ta' inverżjoni tal-fluss , u għaldaqstant tirregola s-sehem tal-impriżi terzi preżenti f'dawn is-setturi kruċjali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkanċellaw il-ftehimiet ippjanati mar-Russja fis-settur enerġetiku, inklużi dawk li jirrigwardaw ir-reatturi nukleari u t-teknoloġija tal-kombustibbli u t-trasferiment ta' skart ta' teknoloġija nukleari, kif ukoll il-pipeline tal-gass South Stream;

29.    Jiddispjaċih li l-awtoritajiet Ukraini ma adottawx fi żmien utli l-miżuri neċessarji biex jaffrontaw il-kriżi enerġetika li attwalment qiegħda tolqot lill-pajjiż; jappella għal ristrutturar radikali tas-sistema enerġetika Ukraina, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprepara pakkett finanzjarju ad hoc immirat li jallinja s-settur enerġetiku Ukrain mal-istandards tal-UE, b'attenzjoni partikolari għall-effiċjenza u għall-enerġija rinnovabbli; huwa tal-fehma li l-appoġġ finanzjarju mill-UE favur is-settur enerġetiku Ukrain għandu jkun sottopost għal kundizzjonijiet tal-anqas fir-rigward tal-istallazzjoni sistematika ta' tagħmir ta' kejl;

30.    Jilqa' favorevolment l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-raba' rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi u d-deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Ukraina tgħaddi għat-tieni fażi; jinsisti fuq il-finalizzazzjoni malajr tar-reġim ta' eżenzjoni tal-viżi bejn l-UE u l-Ukraina bħala reazzjoni konkreta għall-aspirazzjonijiet Ewropej tan-nies li ħadu sehem fid-dimostrazzjonjiet fi pjazza Maidan; itenni l-appell tiegħu, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viżi temporanji, sempliċi ħafna u rħas;

31.    Ifakkar, madankollu, li r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi huwa kundizzjonat għall-Proċess ta' Liberalizzazzjoni tal-Viżi, u jistieden għaldaqstant lill-awtoritajiet Ukraini jlestu l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni konformement mal-istandards Ewropej, inkluża leġiżlazzjoni dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali;

32.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri ta' urġenza neċessarji, bħala risposta għall-embargo Russu fuq il-prodotti agrikoli li ġejjin mill-UE, bil-għan li tistabbilizza s-swieq agrikoli kkonċernati, billi tagħti prijorità lill-użu aħjar fis-swieq interni u tipproċessa l-prodotti meta possibbli u tevita l-irtirar mis-suq (qerda) u l-esportazzjonijiet sussidjati lejn il-pajjiżi terzi, partikolarment dawk li qed jiżviluppaw; jistenna, f'dan ir-rigward, li l-pajjiżi terzi b'rabtiet stretti mal-UE, partikolarment il-pajjiżi kandidati, juru solidarjetà u korrettezza kummerċjali;

33.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.