Proċedura : 2014/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0019/2015

Testi mressqa :

B8-0019/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.7
CRE 15/01/2015 - 11.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 176kWORD 124k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0012/2015
12.1.2015
PE547.442v01-00
 
B8-0019/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))


Judith Sargentini, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Davor Škrlec, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Molly Scott Cato, Eva Joly, Bodil Ceballos, Pascal Durand, Bart Staes, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))  
B8‑0019/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu(1),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE ta' Awwissu 2013 u Frar 2014 dwar l-Eġittu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-Eġittu, inkluż dwar id-deċiżjonijiet tal-qorti tat-3 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn l-UE u l-Eġittu,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI),

–       wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tal-Eġittu maħruġ mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-5 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikoli 65 (il-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni), 70 (il-libertà tal-istampa), 73 (il-libertà tal-għaqda), 75 (id-dritt għat-twaqqif ta' assoċjazzjonijiet) u 93 (in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem) tagħha;

–       wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu tal-2013 li tirregola d-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi,

–       wara li kkunsidra l-Liġi 136 tal-Eġittu tal-2014, komposta minn digriet presidenzjali li jqiegħed il-"faċilitajiet pubbliċi u essenzjali" kollha taħt ġurisdizzjoni militari għal sentejn,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Eġittu rratifika fl-1982,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch, intitolat "All According to Plan, the Rab’a Massacre and Mass Killings of Protestors in Egypt" ("Kollox Skont il-Pjan, il-Massakru ta' Rab'a u l-Qtil tal-Massa tad-Dimostranti fl-Eġittu"), tat-12 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralistika; billi t-tkasbir ta' dawn il-libertajiet fundamentali taħt ir-reġim ta' Mubarak kien fattur determinanti biex il-poplu jwaqqa' tali reġim fi Frar 2011; billi l-libertajiet fundamentali huma bla ebda dubju minquxa fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, adottata fl-2014;

B.     billi wara l-kolp ta' stat militari f'Ġunju 2013, l-awtoritajiet Eġizzjani bdew iwettqu repressjoni fuq skala mingħajr preċedent fl-istorja moderna tal-pajjiż; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu marret kostantement għall-agħar b'mod ġenerali taħt it-tmexxija tal-President Abdel Fattah al-Sisi;

C.     billi ġie rrappurtat li minn mindu sar il-kolp ta' stat militari f'Lulju 2013 ġew arrestati madwar 41 000 ruħ; billi ħafna minnhom sfaw detenuti biss b'rabta ma' attivitajiet ta' protesta paċifika jew talli sempliċement esprimew dissens;

D.     billi eluf ta' membri u sostenituri preżunti tal-Fratellanza Musulmana, inklużi l-mexxejja kollha tagħha u l-eks President Morsi, ġew arrestati u mijiet ġew akkużati u ngħataw sentenzi ta' mewt, inkluż wara proċessi tal-massa, jew sentenzi ħorox ta' priġunerija wara proċedimenti ġudizzjarji, li b'mod ċar naqsu milli jissodisfaw standards bażiċi għal proċess ġust; billi fit- 2 ta' Diċembru 2014, qorti kriminali Eġizzjana ħarġet sentenzi tal-mewt provviżorji kontra 188 imputat minħabba l-allegata parteċipazzjoni tagħhom f'attakk fuq għassa tal-pulizija f'Awwissu 2013;

E.     billi digriet presidenzjali maħruġ f'Ottubru 2014 ipprovda l-bażi għar-riferiment ta' mijiet ta' ċivili quddiem il-qrati militari, inkluż b'effett retroattiv; billi l-qrati militari jaqgħu taħt l-awtorità tal-Ministeru tad-Difiża u ma jagħmlux differenza fil-mod kif jittrattaw it-tfal u l-adulti;

F.     billi madwar 1 400 dimostrant inqatlu minħabba l-użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza mill-forzi tas-sigurtà minn Lulju 2013 'il hawn, inkluż fit-2 ta' Jannar 2015, meta l-forzi tas-sigurtà sparaw u qatlu lil żewġ persuni waqt ir-repressjoni vjolenti ta' protesta li kienet qed issir minn sostenituri tal-Fraternità Musulmana fid-distrett Matariya fil-Kajr; billi l-qtil sistematiku u mifrux ta' mill-anqas 1 150 dimostrant pro-Morsi mill-forzi tas-sigurtà Eġizzjani f'Lulju u Awwissu 2013 wisq probabbli jikkostitwixxi delitt kontra l-umanità, skont l-NGO Human Rights Watch; billi din tal-aħħar stqarret li l-qtil li sar fi Pjazza Rab'a jikkostitwixxi wieħed mill-akbar każijiet ta' qtil ta' dimostranti f'jum wieħed fl-istorja reċenti fid-dinja; billi l-uffiċjali tas-sigurtà responsabbli għal dan il-massakru s'issa gawdew minn impunità sħiħa, filwaqt li ftit ferm kienu dawk il-pulizija jew uffiċjali militari li nżammew responsabbli għal abbużi oħra kontra d-dimostranti; billi l-kumitat għas-sejbien tal-fatti stabbilit f'Diċembru 2013 huwa ġeneralment meqjus bħala li naqas milli jipprovdi investigazzjoni bir-reqqa, kredibbli u imparzjali ta' dawn l-avvenimenti; billi l-awtoritajiet Eġizzjani kkundannaw atti ta' vjolenza, inkluż bl-użu ta' armi tan-nar, imwettqin minn dimostranti kontra uffiċjali tas-sigurtà; billi skont l-Awtorità Medika Forensika uffiċjali, tmien pulizija nqatlu waqt ir-repressjoni tal-protesta f'Rab'a;

G.     billi l-eks President Mubarak, li qabel kien ġie kkundannat għal għomru l-ħabs talli "naqas milli jipproteġi d-dimostranti" fil-kuntest tar-rewwixta tal-2011, ġie lliberat minn qorti Eġizzjana flimkien maż-żewġ uliedu subien, l-eks Ministru tal-Intern Habib al-Adly u diversi uffiċjali tas-sigurtà fit-29 ta' Novembru 2014;

H.     billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Eġittu kompliet tmur għall-agħar, filwaqt li l-forzi tas-sigurtà Eġizzjani intensifikaw ir-repressjoni tagħhom kontra militanti fil-Peniżola tas-Sinaj, b'mod partikolari wara attakk fl-24 ta' Ottubru 2014 fuq il-punt ta' kontroll ta' Karm al-Qawadis li fih inqatlu 28 suldat Eġizzjan; billi l-pulizija u l-persunal tal-armata huma regolarment fil-mira ta' attakki fil-pajjiż kollu, bħalma kien il-każ tal-attakk bil-bombi kontra l-bini tal-pulizija fit-Tramuntana tas-Sinaj fil-5 ta' Jannar 2015, filwaqt li diversi pulizija sfaw maqtula jew midruba b'tiri minn armi tan-nar f'sobborg fil-Kajr tal-Punent fl-4 ta' Jannar u f'Minya fis-6 ta' Jannar; billi l-istat ordna t-tkeċċija ta' eluf ta' residenti f'Rafah, stabbilixxa żona ta' lqugħ ta' 500 metru tul il-fruntiera ta' Gaża u impona stat ta' emerġenza ta' tliet xhur f'partijiet tas-Sinaj; billi grupp militari attiv fit-Tramuntana tas-Sinaj, Ansar Bayt al-Maqdis, għamel ġurament ta' lealtà lejn l-Istat Iżlamiku; billi l-punt ta' qsim tal-fruntiera bejn Rafah u Gaża għadu fil-biċċa l-kbira magħluq, bi tlett ijiem biss ta' ftuħ matul Diċembru 2014, fattur li wassal biex ħżien l-imblokk tal-enklav miż-żewġ ġirien tiegħu;

I.      billi l-liġi l-ġdida dwar il-libertà tal-għaqda, adottata b'digriet, tal-24 ta' Novembru 2013, ipprovdiet il-bażi ġuridika għall-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet severi rigward id-dritt għall-għaqda paċifika u l-libertà tal-espressjoni, notevolment billi tagħti lill-Ministeru tal-Intern diskrezzjoni wiesgħa fejn jidħlu l-projbizzjoni u r-repressjoni ta' protesti u l-arrest ta' dimostranti; billi mijiet ta' intellettwali u ġurnalisti prominenti kif ukoll il- partiti politiċi ħeġġew lill-awtoritajiet jirrevokaw minnufih din il-liġi repressiva;

J.      billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Eġizzjani esprimew ripetutament it-tħassib profond tagħhom dwar l-abbozz tal-liġi dwar l-NGOs, liema liġi kieku timponi kontroll sħiħ u mhux ġustifikat fuq il-gruppi ċiviċi u tissottomettihom għal korpi ta' sigurtà u oħrajn amministrattivi, kif ukoll tippermetti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw sentenzi ferm ħorox; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ngħataw data ta' skadenza posposta ripetutament biex jirreġistraw skont il-Liġi 84, li tqiegħed restrizzjonijiet severi fuq l-indipendenza u l-attivitajiet tal-NGOs, jew jiffaċċaw akkużi kriminali; billi digriet presidenzjali tal-21 ta' Settembru 2014 li jemenda l-kodiċi penali jipprevedi kastigi severi, inklużi sentenzi ta' għomor il-ħabs, għall-NGOs li jirċievu finanzjament barrani bl-iskop, ifformulat b'mod vag, li "jagħmlu ħsara għall-interess nazzjonali"; billi l-NGOs ewlenin tal-Eġittu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iddikjaraw li l-ambjent repressiv attwali laħaq livelli li qatt ma raw qabel, lanqas taħt ir-reġim awtoritarju ta' Mubarak; billi l-midja sponsorjati mill-gvern nedew kampanja ta' malafama bla preċedent kontra l-NGOs indipendenti tal-Eġittu li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

K.     billi għadd kbir ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri tal-oppożizzjoni u attivisti żgħażagħ ġew arrestati, akkużati u kkundannati b'mod arbitrarju b'rabta mal-attivitajiet paċifiċi tagħhom abbażi tal-liġi dwar l-għaqda; billi attivisti prominenti, bħall-blogger Ahmed Douma, il-mexxejja tal-moviment tas-6 ta' April Mohamed Adel u Ahmed Maher, u l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Mahinoor El-Masry, ingħataw sentenza ta' tliet snin ħabs talli allegatament kisru din il-liġi ġdida; billi l-blogger Alaa Abd El Fattah u 24 imputat ieħor ingħataw sentenza ta' 15-il sena ħabs talli pprotestaw mingħajr awtorizzazzjoni; billi fl-20 ta' Ottubru 2014, 23 persuna, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Yara Sallam u Sanaa Ahmed Seif, ġew ikkundannati għal sentenzi ta' tliet snin ħabs talli kisru l-liġi kontra d-dimostrazzjonijiet; billi studenti universitarji ġew arrestati u ssanzjonati severament talli ħadu sehem fi protesti paċifiċi fuq il-kampusijiet tal-università, u xi wħud minnhom sfaw maqtula b'armi tan-nar mill-forzi tal-pulizija fil-bini tal-università; billi f'dawn il-każijiet kollha, il-proċedimenti ġudizzjarji kienu ampjament iddenunzjati bħala li kienu politikament motivati u sfaw imxekkla minn nuqqasijiet proċedurali sostanzjali;

L.     billi huwa rrappurtat li l-vjolenza kontra n-nisa qed tmur għall-agħar, minkejja l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, li għadha mhijiex osservata, skont NGOs Eġizzjani li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa; billi l-attivisti nisa Eġizzjani jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli u ta' spiss ikunu soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti b'rabta mal-attivitajiet paċifiċi tagħhom;

M.    billi fit-23 ta' Ġunju 2014, il-ġurnalisti tal-Al-Jazeera Mohamed Fadel Fahmy, Peter Greste u Baher Mohamed ġew ikkundannati għal 7 sa 10 snin ħabs fuq akkużi ta' rappurtar ta' "aħbarijiet foloz" u ta' konspirazzjoni mal-Fratellanza Musulmana; billi tliet ġurnalisti oħrajn – Sue Turton, Dominic Kane u Rena Netjes – ingħataw sentenza ta' 10 snin ħabs in absentia; billi fl-1 ta' Jannar 2015, il-Qorti ta' Kassazzjoni Eġizzjana ordnat proċess mill-ġdid tal-każwa; billi l-eks Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, iddenunzjat dawn il-proċedimenti ġuridiċi bħala "miżgħuda b'irregolaritajiet proċedurali u fi ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem"; billi mill-anqas 14-il ġurnalist ieħor bħalissa jinsabu l-ħabs, liema fatt iqiegħed il-pajjiż fost l-agħar repressuri tal-midja fid-dinja, skont il-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti; billi l-awtoċensura żdiedet drammatikament mis-sajf tal-2013 'l hawn;

N.     billi fit-22 ta' Diċembru 2014, l-istazzjon ta' Al Jazeera għall-Eġittu ssospenda x-xandiriet tiegħu mill-Qatar "sakemm il-kundizzjonijiet isiru favorevoli" biex jerġa' jibda jaħdem fl-Eġittu; billi seba' membri ewlenin tal-Fraternità Musulmana ntalbu jitilqu mill-Qatar f'Settembru 2014; billi ż-żewġ deċiżjonijiet huma allegatament marbuta ma' titjib relattiv fir-relazzjonijiet bejn Doha u l-Kajr;

O.     billi fit-23 ta' Diċembru 2014, is-satirist Eġizzjan Bassem Youssef qala' multa ta' EGP 50 miljun (EUR 5,9 miljun) minn korp ta' arbitraġġ ibbażat il-Kajr minħabba tilwima ma' stazzjon tat-televiżjoni li ssospendielu l-programm tiegħu wara li dan waqqa' għaċ-ċajt it-tmexxija militari Eġizzjana; billi l-programm tiegħu, li kien l-aktar programm satiriku popolari li qatt kellha d-dinja Għarbija f'termini ta' udjenza, ma tħalliex ikompli; billi l-biċċa l-kbira tal-midja privata hija marbuta mill-qrib mar-reġim ta' Mubarak u mar-reġim attwali;

P.     billi fis-7 ta' Diċembru 2014 ġew arrestati 26 raġel talli ''pprattikaw id-debuxxjar'' f'banjijiet pubbliċi fil-Kajr; billi l-arrest ġie mxandar fuq it-televiżjoni u ppreżentat bħala parti minn kampanja maħsuba biex tikkastiga l-imġiba sesswali devjanti; billi l-imputati kollha nħelsu fit-12 ta' Jannar 2015; billi l-arrest deliberatament umiljanti tagħhom seħħ f'kuntest ta' repressjoni dejjem aktar intensiva tal-komunità LBGT fil-pajjiż; billi l-arresti ta' Diċembru jikkostitwixxi l-akbar arrest f'daqqa ta' rġiel allegatament omosesswali minn żmien Mubarak 'l hawn; billi f'Settembru 2014, tmint irġiel ġew ikkundannati għal tliet snin ħabs fuq akkużi ta' debuxxjar abbażi ta' filmat li ġie ċċirkolat fuq l-internet u li kien juri dak li kien jidher bħala "żwieġ omosesswali"; billi s-sentenza tnaqqset għal sena ħabs f'Diċembru 2014; billi f'Settembru 2014, qorti tal-Kajr ikkundannat sitt irġiel għal sentejn ta' xogħol iebes wara li rreklamaw darhom bħala post fejn jiltaqgħu l-omosesswali fuq Facebook; billi l-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali tqis li mill-anqas 150 ruħ ġew arrestati matul dawn l-aħħar 18-il xahar fuq akkużi ta' debuxxjar;

Q.     billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili hija pprojbita fl-Eġittu u s-sanzjonijiet għall-ksur tal-liġi li tirregola din il-prattika żdiedu b'mod sinifikanti fil-ħruxija tagħhom, iżda minkejja dan xorta waħda l-prattika tagħha għadha mifruxa; billi l-ewwel proċess dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-pajjiż intemm bil-liberazzjoni fl-20 ta' Novembru 2014 tat-tabib u ta' missier tifla ta' 13-il sena li mietet wara intervent ta' mutilazzjoni ġenitali femminili; billi din id-deċiżjoni kienet appellata mill-uffiċċju tal-prosekutur;

R.     billi l-UE ħija s-sieħba ekonomika ewlenija tal-Eġittu u s-sors ewlieni tal-investiment barrani tiegħu; billi, f'konformità mal-Politika tal-Viċinat Ewropea tagħha, li ġiet rieżaminata wara r-Rebbiegħa Għarbija u b'mod partikolari wara l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-impenn tal-UE mal-Eġittu għandu jiddependi mill-progress li jkun sar fir-rigward tar-rispett tal-pajjiż għall-impenji tiegħu dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi fil-21 ta' Awwissu 2013, il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex teżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; billi l-Kunsill iddeċieda li l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandha tkun aġġustata mill-ġdid skont l-iżviluppi fil-post;

S.     billi f'Marzu u April 2015 huma previsti elezzjonijiet parlamentari; billi l-kundizzjonijiet għat-tnedija ta' missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE jinkludu li l-partiti politiċi u l-kandidati individwali jridu jkunu jgawdu d-dritt leġittimu tagħhom li jieħdu sehem fl-elezzjoni, li jrid ikun hemm libertà tal-espressjoni, li tippermetti kritika possibbli tal-gvern li jkun fil-poter, kif ukoll id-dritt għall-moviment liberu u d-dritt tal-għaqda, u li l-partiti u l-kandidati kollha li jikkontestaw l-elezzjonijiet irid ikollhom aċċess raġonevoli għall-midja;

T.     billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjara li "l-Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jirrieżaminaw l-għajnuna ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu"; billi dawn il-konklużjonijiet kienu mtennija mill-Kunsill Affarijiet Barranin fi Frar 2014;

U.     billi fis-27 ta' Novembru 2014, Franza ħabbret għadd ta' ftehimiet ta' bejgħ ta' armi mal-Eġittu, inkluż kuntratt ta' EUR 1 biljun bil-għan li tforni erba' bastimenti tal-gwerra u tippermetti t-tiġdid tal-ġettijiet tal-ġlied ("fighter jets"); billi f'Ġunju 2014, l-Istati Uniti tal-Amerika rrilaxxaw is-somma ta' USD 575 miljun f'għajnuna militari lill-Eġittu li kienet iffriżata minħabba l-kolp ta' stat militari; billi f'Awwissu 2014, il-President Russu Vladimir Putin wiegħed li jiżviluppa l-kooperazzjoni militari u teknoloġika mal-Eġittu u huwa rrappurtat li ż-żewġ pajjiżi qegħdin joqorbu lejn ftehim ta' bejgħ ta' missili avvanzati u ajruplani tal-gwerra li jiswa USD 3 biljun;

1.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-attakki kontinwi mill-awtoritajiet Eġizzjani fuq l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu politiku u s-soċjetà ċivili fl-Eġittu, minn mindu sar il-kolp ta' stat militari f'Ġunju 2013; jiddeplora d-devjazzjoni bla waqfien tal-pajjiż mill-aspirazzjonijiet ta' ġustizzja soċjali, dinjità, libertà u demokrazija li mmotivaw ir-rivoluzzjoni tal-poplu Eġizzjan tal-25 ta' Jannar 2011;

2.      Jiddenunzja l-brutalità kontinwa tal-pulizija u tal-forzi militari, il-fastidju, l-arresti tal-massa, u l-proċedimenti kriminali finta kontra mijiet ta' individwi – ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, intellettwali, studenti, trejdunjonisti u attivisti tal-oppożizzjoni – bħala reazzjoni għas-sempliċi tħaddim paċifiku tal-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani josservaw strettament il-garanziji kostituzzjonali ċari previsti fir-rigward ta' dawn il-libertajiet;

3.      Jappella mill-ġdid għar-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha li jinsabu detenuti biss minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda paċifika, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Yara Salam u Sanaa Ahmed Seif; jappella għar-rilaxx immedjat tal-attivist għad-drittijiet tal-bniedem Alaa Abd El Fattah u tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Mahinour El-Masry u t-tibdil tas-sentenzi ħorox tagħhom ta' priġunerija; jistieden lill-awtoritajiet jirrevokaw il-projbizzjoni mhux ġustifikata kontra l-Moviment tas-6 ta' April u s-sentenzi maħruġa kontra l-attivisti tal-organizzazzjoni, inklużi Ahmed Maher u Mohamed Adel;

4.      Għadu inkwetat bil-kbir dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Eġittu, inkluża l-multiplikazzjoni tal-attakki terroristiċi u atti oħra ta' vjolenza, li għalihom qed jassumu r-responsabbiltà gruppi Iżlamisti radikali; jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fis-Sinaj u r-rapporti ta' radikalizzazzjoni dejjem tikber, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi; jappoġġa l-isforzi kollha min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani biex jindirizzaw it-theddida serja tal-estremiżmu Iżlamiku, b'mod li huwa konsistenti mal-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' miżuri ħorox kontra l-popolazzjonijiet lokali, inkluża t-tkeċċija ta' eluf ta' residenti f'Rafah; jenfasizza li l-użu tal-vjolenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jżid biss il-vjolenza fuq iż-żewġ naħat u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeradikaw l-għeruq tal-estremiżmu bis-saħħa tal-integrazzjoni tal-forzi politiċi kollha fil-proċess politiku; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jindirizzaw il-motivi ta' lment li ilha tħaddan il-popolazzjoni Bedwina tas-Sinaj, frott l-iżolament politiku u l-privazzjoni ekonomika; jitlob li tintemm ir-repressjoni tal-ilħna indipendenti fis-Sinaj;

5.      Jinsab imħasseb serjament dwar l-abbuż sistematiku tal-ġudikatura bħala għodda tar-reġim Eġizzjan biex joħnoq kull forma ta' dissens fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani josservaw strettament l-indipendenza tal-ġudikatura u jiggarantixxu b'mod effikaċi d-dritt għal proċess ġust f'konformità mal-Kostituzzjoni u l-istandards internazzjonali;

6.      Jiddeplora l-estensjoni bla preċedent tal-ġurisdizzjoni militari fuq il-kawżi ċivili bir-riferiment ta' mijiet ta' ċivili quddiem il-qrati militari, inkluż b'applikazzjoni retroattiva; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrevokaw id-digriet ta' Ottubru 2014, li jipprovdi l-bażi għal din il-prattika, u jwaqqfu l-proċessi ta' ċivili fil-qrati militari, f'konformità mal-istandards internazzjonali u reġjonali;

7.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament serju tal-ambjent tal-midja; jappella għar-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ġurnalisti tal-Al Jazeera, li fl-1 ta' Jannar 2015 ħarġet ordni li jiġu sottomessi għal proċess mill-ġdid, kif ukoll tal-professjonisti kollha tal-midja u l-bloggers kollha li ġew ikkundannati talli wettqu sempliċement attivitajiet leġittimi, inklużi Mahmoud Abdel Nabi, Mahmoud Abu Zeid, Samhi Mustafa, Ahmed Gamal, Ahmed Fouad u Abdel Rahman Shaheen;

8.      Jesprimi l-istmellija assoluta tiegħu fil-konfront tal-għoti ta' sentenzi ta' mwiet tal-massa kontra s-sostenituri tal-Fratellanza Musulmana, insegwitu ta' proċessi xokkantement inġusti, inkluż ferm reċentement fit-2 ta' Diċembru 2014, meta 188 imputat ġew ikkundannati għall-mewt; jappella sabiex dawn is-sentenzi jiġu annullati u sabiex l-imputati jiġu garantiti proċess mill-ġdid li jkun ġust, u jappella wkoll għall-infurzar ta' moratorju fuq is-sentenzi tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni ta' din il-forma ta' ġustizzja krudili u inumana; itenni l-pożizzjoni qawwija u ta' prinċipju tal-UE kontra l-piena tal-mewt; jinnota li l-Eġittu huwa r-raba' pajjiż fid-dinja f'dak li jikkonċerna l-għadd ta' sentenzi tal-mewt;

9.      Jemmen bis-sħiħ li soċjetà ġenwinament pluralistika u inklużiva tikkostitwixxi l-pedament fundamentali għas-sigurtà u l-istabbiltà fit-tul tal-Eġittu; b'rabta ma' dan, jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-organizzazzjoni tal-oppożizzjoni prinċipali, il-Fratellanza Musulmana, biex ma jibqgħux iqisuha bħala grupp terroristiku;

10.    Jiddenunzja l-liġi repressiva ta' Novembru 2013 dwar id-dimostrazzjonijiet, li ntużat f'bosta okkażjonijiet għall-projbizzjoni ta' kwalunkwe forma ta' protesta li tikkritika r-reġim kif ukoll għat-tferrix bil-forza u għall-arrest ta' dimostranti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrevokaw jew jemendaw din il-liġi sabiex iġibuha konformi mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

11.    Jesprimi tħassib dwar rapporti fil-konfront ta' abbozz ta' liġi restrittiva ħafna dwar l-NGOs u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li l-leġiżlazzjoni futura tosserva l-garanziji kostituzzjonali dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni;

12.    Jikkundanna l-qtil illegali tal-massa ta' dimostranti paċifiċi, b'mod partikolari membri u sostenituri tal-Fratellanza Musulmana, min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Eġizzjani minn mindu seħħ il-kolp ta' stat militari; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jordnaw lill-forzi tas-sigurtà biex japplikaw il-forza kontra d-dimostranti f'konformità stretta mal-istandards internazzjonali ta' proporzjonalità u neċessità; jiddeplora l-klima ta' impunità kważi totali għall-uffiċjali tas-sigurtà responsabbli għall-użu ripetut ta' forza eċċessiva u abbużi serji oħra matul is-sena li għaddiet;

13.    Jesprimi l-għadab tiegħu dwar l-intensifikazzjoni tar-repressjoni kontra l-komunità tal-persuni LGBT fl-Eġittu, b'għadd dejjem jikber ta' arresti, inkluż f'kundizzjonijiet mill-aktar umiljanti, u sentenzi ħorox ta' priġunerija kontra nies abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu l-kampanja ta' mibegħda kontra l-persuni LGBT; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw lill-persuni LGBT permezz tal-użu tal-"liġi dwar id-debuxxjar" u jirrilaxxaw lill-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u mitfugħa l-ħabs bis-saħħa ta' din il-liġi;

14.    Jiddispjaċih ħafna dwar l-eżitu tal-ewwel proċess tal-Eġittu dwar id-delitt tal-mutilazzjoni ġenitali femminili mill-qorti tar-reati minuri f'Agga fl-20 ta' Novembru 2014, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani u lill-ġudikatura biex b'mod effikaċi jinvestigaw, iressqu quddiem il-qorti u jikkundannaw lill-persuni kollha involuti f'tali atti krudili u dannużi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali Eġizzjana;

15.    Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkooperaw bis-sħiħ mal-mekkaniżmi ta' drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż billi japprovaw talbiet pendenti għal żjajjar min-naħa ta' bosta rapporteurs speċjali tan-NU, u jistedinhom iwettqu l-impenn tal-Eġittu li jiftaħ bureau reġjonali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

16.    Jenfasizza li l-livell bla preċedent ta' repressjoni fl-Eġittu jipproskrivi kwalunkwe approċċ ta' "ħidma bħas-soltu" mill-UE u minflok jitlob rieżami fil-fond u komprensiv tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu; jappella għall-adozzjoni ta' malajr tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin, li għandhom jinkludu miżuri effikaċi u mmirati b'reazzjoni għas-sitwazzjoni fil-pajjiż; jopponi kwalunkwe inizjattiva ġdida f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn tal-UE fil-konfront tal-awtoritajiet Eġizzjani, inkluż djalogu fuq livell tekniku, qabel ma jsir dan il-proċess ta' rieżami tal-politika;

17.    Jinsab diżappuntat bir-reazzjoni pubblika dgħajfa tal-Viċi President tal-Kumissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Istati Membri fil-konfront tas-sensiela ta' sentenzi skandalużi kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, reazzjoni li ma tissodisfax l-impenji tal-UE, notevolment fil-qafas tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li fil-Kajr tista' tiġi kkunsidrata biss bħala approvazzjoni tal-ispirali attwali ta' repressjoni; jistenna li l-UE, b'mod partikolari l-VP/RGħ u d-delegazzjoni tal-UE fil-Kajr, issaħħaħ ir-reazzjoni pubblika tagħha għal aktar attakki mir-reġim Eġizzjan kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ilħna oħra dissidenti, tappoġġa lil dawk li qegħdin f'riskju jew li jinsabu fi stat ta' detenzjoni u tissorvelja l-proċessi b'mod komprensiv;

18.    Jistieden lill-UE tadotta lista ta' priġunieri tal-kuxjenza Eġizzjani, li d-destin tagħhom se jservi bħala elementi fattwali li se jiddeterminaw il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu;

19.    Jenfasizza l-użu sfaċċat ta' standards doppji tal-UE fir-rigward tal-qtil tal-massa ta' dimostranti minn pajjiżi sħab u jisħaq fuq il-kuntrast bejn in-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-UE għall-qtil li seħħ f'Rab'a f'Awwissu 2013 u l-miżuri koerċittivi meħuda mill-UE wara l-attakk fuq id-dimostranti fl-1989 fi Pjazza Tiananmen f'Beijing u fl-2005 f'Andijan, l-Użbekistan; abbażi tar-reazzjoni rapida tal-UE għar-repressjoni brutali ta' dimostranti f'pajjiż ieħor fil-Viċinat Ewropew, l-Ukraina, jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw sanzjonijiet immirati, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-viża kontra dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza u l-użu ta' forza eċċessiva fl-Eġittu;

20.    Jiddeplora l-kooperazzjoni kontinwa fil-qasam tas-sigurtà u l-ftehimiet imħabbrin dwar bejgħ ta' armi konklużi mal-Eġittu mill-Istati Membri, speċjalment Franza, li jmorru kontra l-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi; jappella għall-projbizzjoni, fil-livell tal-UE, fuq l-esportazzjoni ta' kwalunkwe forma ta' tagħmir ta' sigurtà u fuq l-għajnuna militari lill-Eġittu; jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tirrapporta dwar l-istat attwali tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE mar-reġim Eġizzjan fil-qasam militari u f'dak tas-sigurtà, kif ukoll dwar ir-riżultati tar-rieżami mill-Istati Membri tal-għajnuna ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu, kif deċiż mill-Kunsill Affarijiet Barranin f'Awwissu 2013;

21.    Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex tikkjarifika l-miżuri speċifiċi li ġew adottati b'reazzjoni għad-deċiżjoni li ttieħdet f'Awwissu 2013 mill-Kunsill Affarijiet Barranin biex isir rieżami tal-assistenza tal-UE lill-Eġittu; jitlob kjarifika mill-Kummissjoni dwar l-istatus attwali tal-fondi sostanzjali allokati għal ħames programmi ta' appoġġ baġitarju u dwar il-pjanijiet għall-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi f'konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Appoġġ Baġitarju u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ta' Ġunju 2013; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika s-salvagwardji stabbiliti fi ħdan il-programmi ffinanzjati permezz tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, fir-rigward tar-riskji ta' korruzzjoni kif ukoll l-entitajiet ekonomiċi u finanzjarji kkontrollati mill-militar;

22.    Jappella għas-sospensjoni immedjata tal-impenji kollha mal-awtoritajiet Eġizzjani b'rabta mal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, inkluż l-iffriżar tal-valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà tal-kummerċ b'appoġġ għall-Ftehim previst ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv;

23.    Jesprimi dubji serji dwar il-ġustizzja, l-inklużività u l-kredibbiltà tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin fil-kuntest tar-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertajiet bażiċi u l-qafas elettorali rivedut, li ġie kkritikat fil-wisa' bħala li ma jissodisfax l-istandards demokratiċi internazzjonali; jinsisti li, f'każ li l-UE tirċievi stedina biex tosserva dawn l-elezzjonijiet, il-VP/RGħ għanda tirrifjuta li tibgħat missjoni ta' osservazzjoni, f'konformità mal-istandards internazzjonali u tal-UE dwar l-osservazzjoni elettorali; jistieden lill-UE tagħmilha ċara lill-awtoritajiet Eġizzjani li l-kondotta u r-riżultat ta' dawn l-elezzjonijiet se jikkostitwixxu elementi determinanti għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu; jiddeplora l-fatt li ntbagħtet missjoni ta' osservazzjoni elettorali sħiħa f'Mejju 2014, liema fatt imur kontra l-linji gwida tal-UE dwar il-missjonijiet ta' osservazzjoni u għamel ħsara lir-reputazzjoni u lill-kredibbiltà tagħha;

24.    Jinkoraġġixxi mill-ġdid lill-VP/RGħ tikseb l-appoġġ tal-UE favur riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li, fost affarijiet oħra, kieku tagħti bidu għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta' dimostranti u l-allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin mill-forzi tas-sigurtà minn mindu seħħ il-kolp ta' stat militari;

25.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0007.

Avviż legali