Proċedura : 2014/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0022/2015

Testi mressqa :

B8-0022/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.7
CRE 15/01/2015 - 11.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 128kWORD 70k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0012/2015
12.1.2015
PE547.445v01-00
 
B8-0022/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))


Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ruža Tomašić, Valdemar Tomaševski, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))  
B8‑0022/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoniijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, fosthom dik tas-6 ta' Frar 2014(1),

–       wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-rapport ta' progress l-aktar reċenti dwar l-Eġittu ta’ Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu, approvata b’referendum nazzjonali f’Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2004,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-Tielet Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab, li saret f’Ateni (il-Greċja), f’Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Eġittu ilu għal żmien twil sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea, b’miri komuni ta’ bini ta' stabbiltà, paċi u prosperità fir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u l-Mediterran; billi l-Eġittu ilu riċevitur maġġur tal-għajnuna tal-UE;

B.     billi l-Eġittu u l-UE huma parti legalment vinkolanti ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li daħal fis-seħħ fl-2004;

C.     billi l-ottimiżmu li rriżulta mir-Rebbiegħa Għarbija u l-waqgħa tar-reġim ta’ Mubarak kien segwit minn vjolenza u polarizzazzjoni politika u soċjali;

D.     billi l-25 ta' Jannar 2015 se jaħbat ir-raba' anniversarju tar-revoluzzjoni fejn tkeċċa l-President Mubarak;

E.     billi f’Mejju 2014, Abdul Fattah al-Sisi ġie elett President, u dan immarka l-aħħar fażi ta’ bidla politika fl-Eġittu wara t-tneħħija tal-President Mohamed Morsi f’Lulju 2013;

F.     billi l-Parlament Eġizzjan bħalissa jinsab xolt u l-elezzjonijiet għall-Kamra tad-Deputati mistennija li jsiru f’żewġ fażijiet, mit-22 u t-23 ta’ Marzu 2015;

G.     billi t-tneħħija tal-President Morsi kienet segwita minn trażżin vjolenti, il-mewt ta’ madwar 1 000 persuna, u d-dikjarazzjoni tal-illegalità tal-Fratellanza Musulmana;

H.     billi hemm tħassib dejjem jiżdied dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, b’mod partikolari fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

I.      billi l-irkupru riċenti tal-attività ekonomika fl-Eġittu għad irid iħalli l-impatt tiegħu fuq il-livelli tal-qgħad u l-faqar, li għadhom għoljin;

J.      billi l-vjolenza fis-Sinaj żdiedet mill-2011, u aktar minn 500 ħaddiem tas-sigurtà nqatlu wara t-tneħħija tal-President Morsi fl-2013; billi din l-eskalazzjoni tal-vjolenza qed thedded li tiddestabilizza r-reġjun kollu;

K.     billi mijiet ta’ persuni ċivili qed jiġu ġġudikati fi tribunali militari wara digriet mill-President al-Sisi li estenda b'mod qawwi l-awtorità tagħhom; billi huwa rrappurtat li dan jippermetti li l-prosekuturi ċivili jirreferu b’mod retroattiv proċessi jew każijiet ċivili taħt investigazzjoni lil ġurisdizzjoni militari;

L.     billi fit-2 ta' Diċembru 2014 qorti f'Gizeh ħarġet sentenzi tal-mewt preliminari lil madwar 188 konvenut minħabba attakk vjolenti fuq għassa tal-pulizija fis-sena ta’ qabel;

M.    billi fl-1 ta' Jannar 2015, l-ogħla qorti tal-Eġittu ordnat il-proċess mill-ġdid ta’ tliet ġurnalisti tal-Al-Jazeera mitfugħa l-ħabs fuq akkużi ta’ tixrid ta’ aħbarijiet foloz u ta’ kollaborazzjoni mal-Fratellanza Musulmana, li kienet ġiet ipprojbita, wara li l-militar waqqa' lill-President Morsi fl-2013;

N.     billi, b’konformità mal-politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tal-UE u b’mod partikolari l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-involviment tal-UE mal-Eġittu huwa bbażat fuq l-inċentivi u għalhekk huwa dipendenti fuq il-progress miksub mill-Eġittu fir-rigward tar-rispett tal-impenji tiegħu f’oqsma bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sess;;

O.     billi l-waqgħa tal-President Morsi kienet segwita minn aktar attakki u diskriminazzjoni kontra l-Insara Kopti tal-Eġittu, kif ukoll il-qerda ta’ għexieren ta’ knejjes;

1.      Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Eġizzjani u joffri appoġġ kontinwu għall-isforzi tagħhom biex jiżguraw tranżizzjoni demokratika u paċifika b'riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali;

2.      Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn l-Eġittu bħala sieħeb strateġiku ewlieni fir-reġjun; iħeġġeġ ukoll lill-Gvern tal-Eġittu biex jissodisfa l-impenji internazzjonali tiegħu bħala qawwa maġġuri fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

3.      Jemmen li d-drittijiet tal-bniedem huma integrali għall-ħolqien ta’ pjattaforma stabbli, prospera u demokratika fl-Eġittu, u jistieden lill-atturi kollha sabiex iħarsu l-prinċipji kkonċernati;

4.      Jappoġġja b’qawwa proċess politiku inklużiv bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha sabiex jiġi żgurat li r-riformi politiċi, ekonomiċi, ġudizzjarji u soċjali neċessarji jiġu introdotti, skont l-interessi taċ-ċittadini Eġizzjani kollha;

5.      Jemmen li t-tranżizzjoni tal-Eġittu lejn stat demokratiku għandha l-potenzjal li tkun ta' eżempju għal ħafna pajjiżi oħra fir-reġjun;

6.      Jesprimi t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sinaj li li sejra għall-agħar; għal darb’oħra jikkundanna l-użu tal-vjolenza u l-intimidazzjoni fil-forom kollha, u jistieden lill-atturi kollha biex jeżerċitaw l-ikbar trażżin bl-għan tal-prevenzjoni ta’ telf ta’ ħajja jew korrimenti;

7.      Jilqa’ l-impenn li ħa l-President Abdel Fattah al-Sisi biex jibni stat li jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet, inklużi l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni għal kulħadd; jinkoraġġixxi wkoll lill-Gvern Eġizzjan biex jimplimenta dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali b’mod sħiħ;

8.      Jikkundanna l-użu akbar ta’ qrati militari biex jipproċessaw persuni ċivili; jistieden ukoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani biex jiżguraw id-drittijiet tal-imputati għal proċess ġust u fil-ħin imsejjes fuq akkużi ċari u investigazzjonijiet indipendenti xierqa, kif ukoll id-dritt tagħhom ta’ aċċess u kuntatt ma’ avukati u membri tal-familja, u biex jirrispettaw proċess ġust;

9.      Jitlob il-ħelsien immedjat tal-ġurnalist tal-Al-Jazeera Peter Greste, Mohamed Fahmy u Baher Mohamed, li issa qed jistennew li jgħaddu proċess mill-ġdid fir-rigward ta’ akkużi ta’ tixrid ta’ aħbarijiet foloz u kollaborazzjoni mal-Fratellanza Musulmana, li kienet ġiet ipprojbita; jitlob ukoll li jitneħħew is-sentenzi mogħtija lill-ġurnalist tal-al-Jazeera kollega tagħhom Sue Turton u żewġ korrispondenti barranin oħra wara li ġew ikkundannati in absentia fuq akkużi simili;

10.    Jemmen li l-ġurnalisti kollha jridu jitħallew jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu mingħajr il-biża’ ta’ prosekuzzjoni, priġunerija, intimidazzjoni, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma jew tal-espressjoni tagħhom;

11.    Jistieden lill-Gvern tal-Eġittu biex jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali u t-trejdjunjins indipendenti jkunu jistgħu joperaw liberament, mingħajr intimidazzjoni jew indħil mill-gvern fil-pajjiż;

12.    Jilqa’ l-isforzi tal-Gvern tal-Eġittu biex jikseb rikonċiljazzjoni fis-sitwazzjoni ta' bejn l-Iżrael u l-Palestina;

13.    Jilqa’ wkoll l-isforzi tal-Gvern tal-Eġittu fl-assistenza ta' dawk li qed jaħarbu mill-ġlied fis-Sirja u l-Iraq;

14.    Jikkundanna l-attakki li qed ikomplu jsiru fuq il-gruppi reliġjużi ta' minoranza fl-Eġittu, u jistieden lill-Gvern tal-Eġittu biex jipproċessa lil dawk li jwettqu tali attakki;

15.    Jilqa’ l-fatt li l-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi sar l-ewwel President li attenda quddiesa fi knisja fil-Kajr, lejlet il-Milied tal-Kopti, u jemmen li din hija dikjarazzjoni simbolika importanti fl-isforzi biex tinbena l-unità fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana;

16.    Jilqa’ l-aħbar li l-elezzjonijiet parlamentari se jsiru f’żewġ fażijiet, mit-22 u t-23 ta' Marzu 2015;

17.    Jistieden lill-Gvern tal-Eġittu biex jitolbu li tintbagħat Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE biex timmonitorja l-elezzjonijiet parlamentari li se jsiru dalwaqt;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President u lill-Gvern tal-Eġittu.

 

(1)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0100.

Avviż legali