Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0026/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0026/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

12.1.2015 - (2014/3017(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Frédérique Ries, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Louis Michel, Gérard Deprez, Pavel Telička, Alexander Graf Lambsdorff, Fredrick Federley f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0012/2015

Proċedura : 2014/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0026/2015
Testi mressqa :
B8-0026/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0026/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2014/3017(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[1], u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu[2],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tas-sentenzi tal-mewt għal diversi membri tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004 u li ssaħħaħ bil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata permezz ta' referendum fl-14-15 ta' Jannar 2014, speċjalment l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi tal-24 ta' Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-politika barranija tal-UE[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[4],

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline tat-12 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 2013 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bit-titolu "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza",

–       wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja huma elementi vitali għad-demokrazija u soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

B.     billi mill-intervent militari f'Ġunju 2013, il-Gvern Eġizzjan mexxa kampanja fuq skala kbira ta' arresti arbitrarji, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra l-persuni li jikkritikaw lill-gvern, inkluż ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u kontra opponenti politiċi, inkluż membri tal-Fratellanza Musulmana; billi rapporti jindikaw li, minn Lulju 2013, 'il fuq minn 40000 persuna ġew arrestati b'segwitu għal mewġiet mingħajr preċedenti ta' arresti tal-massa, u huwa stmat li madwar 1400 dimostrant inqatlu bħala riżultat ta' użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza min-naħa tal-forzi ta' sigurtà; billi l-libertajiet tal-assoċjazzjoni, l-għaqda u l-espressjoni ilhom oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013; billi l-Eġittu huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport Freedom in the World ("Il-Libertà fid-Dinja") 2014 tal-organizzazzjoni mhux governattiva Freedom House;

C.     billi eluf ta' persuni li pprotestaw u priġunieri ta' kuxjenza ġew detenuti fl-Eġittu minn mindu l-armata Eġizzjana ħadet il-poter f'Ġunju 2013; billi arresti u każijiet ta' detenzjoni arbitrarja tkomplew sa mill-elezzjoni tal-President al-Sisi f'Mejju 2014; billi fil-11 ta' Ġunju 2014 qorti kkundannat lil Alaa Abdul Fattah, attivist prominenti li kellu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni tal-2011, u oħrajn għal 15-il sena ħabs fuq akkużi li kiser il-Liġi 107 tal-2013 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti); billi attivisti prominenti oħra, fosthom Mohamed Adel, Ahmed Douma u Ahmed Maher, kif ukoll difensuri ewlenin tad-drittijiet tan-nisa, bħal pereżempju Yara Sallam u Sana Seif, għadhom detenuti; billi fit-28 ta' April 2014, il-Qorti tal-Kajr għall-Kwistjonijiet Urġenti ddeċidiet favur il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April;

D.     billi fl-10 ta' Jannar 2015, qorti Eġizzjana fil-provinċja tad-Delta tan-Nil ta' Baheira ssentenzjat lil Karim al-Banna, student ta' 21 sena, għal tliet snin il-ħabs għaliex ħabbar fuq Facebook li huwa ateist, u għaliex insulta lill-Islam;

E.     billi l-President al-Sisi awtorizza lill-militar jipproteġi l-faċilitajiet tal-istat u jġib lin-nies quddiem il-qrati fuq sospett ta' llanċjar ta' attakki fuq faċilitajiet tal-istat; billi l-Liġi Nru 136/2014 tagħti lill-militar awtorità ikbar; billi din il-liġi se tintuża kontra dimostranti kontra l-gvern u se ġġib lura proċessi militari għal persuni ċivili;

F.     billi l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU ħareġ 300 rakkomandazzjoni, inkluż il-ħelsien ta' kull min ġie arrestat talli eżerċita l-libertà tal-espressjoni; billi seba' gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fl-Eġittu ma ħadux sehem fl-Eżami tan-NU tal-prestazzjoni ta' pajjiżhom, minħabba biża' ta' prosekuzzjoni;

G.     billi l-libertà tal-istampa għadha taħt pressjoni kbira fl-Eġittu u l-ġurnalisti għadhom qed jiġu arrestati abbażi ta' allegazzjonijiet mingħajr bażi; billi l-ogħla qorti tal-liġi tal-Eġittu, il-Qorti tal-Kassazzjoni, iddeċidiet li kien hemm nuqqasijiet proċedurali fil-proċess tal-ġurnalisti tal-Al-Jazeera Mohammed Fahmy, Peter Greste u Baher Mohamed; billi madankollu, it-tliet ġurnalisti se jerġa' jkollhom proċess ieħor u l-akkużi ta' ''falsifikazzjoni tal-aħbarijiet'' u ta' ''involviment mal-Fratellanza Musulmana'' għadhom ma waqgħux;

H.     billi minn Ottubru 2014, 'il fuq minn 110 student ġew arrestati mill-awtoritajiet Eġizzjani u 18-il student ġew sospiżi mill-università minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti favur il-libertà akkademika; billi dawn l-arresti huma meqjusa bħala attakki bikrija fuq il-libertà tal-kelma u tal-għaqda; billi 'l fuq minn 30 akkademiku minn universitajiet madwar l-Eġittu ħarġu dikjarazzjoni fejn ikkundannaw il-preżenza tal-forzi ta' sigurtà fuq il-kampusijiet tal-università;

I.      billi r-ripressjoni tal-Fratellanza Musulmana min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani, li l-Eġittu qies bħala organizzazzjoni terroristika sa mill-21 ta' Diċembru 2013, għadha għaddejja, u l-organizzazzjonijiet u l-partiti politiċi affiljati mal-Fratellanza huma wkoll ipprojbiti; billi fit-2 ta' Diċembru 2014, qorti kriminali Eġizzjana tat sentenzi provviżorji ta' mewt kontra 188 akkużat; billi dawn is-sentenzi huma l-aktar riċenti f'sensiela ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri tal-qorti li kienu karatterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u li kienu jiksru d-dritt internazzjonali; billi din kienet it-tielet kundanna tal-massa ta' dan it-tip fl-2014; billi ħadd ma nżamm responsabbli mill-użu eċċessiv tal-vjolenza f'Awwissu 2013, meta l-forzi tas-sigurtà rrejdjaw kampijiet fil-Pjazza Rabaa al-Adawiya;

J.      billi l-eks President Mubarak, l-eks ministru għall-affarijiet interni tiegħu, Habib al-Adly, u sitt membri oħra tal-persunal tiegħu inħelsu fid-29 ta' Novembru 2014 wara li twaqqgħu akkużi kontrihom ta' qtil u korruzzjoni, abbażi ta' żball tekniku;

K.     billi l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett tal-liġi u tal-implimentazzjoni tagħha huma pilastri essenzjali fi kwalunkwe demokrazija; billi prattiki ġudizzjarji riċenti poġġew f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abilità tagħha li tiżgura r-responsabilità; billi, b'mod partikolari, dawk is-sentenzi li jwasslu għall-imponiment tal-piena tal-mewt jissugraw li jimminaw il-prospetti għal stabilità fit-tul fl-Eġittu;

L.     billi l-Eġittu qed jiffaċċja sfidi ekonomiċi serji, inkluż eżodu ta' flus barranin, għoli tal-inflazzjoni, qgħad u dejn pubbliku dejjem jikber, fost l-oħrajn, kif ukoll sfidi ta' sigurtà dovuti għat-theddida globali rappreżentata mit-terroriżmu; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sinaj hija waħda kritika, b'mijiet ta' suldati qed jinqatlu minn gruppi Ġiħadisti li joperaw f'din iż-żona; billi fl-24 ta' Ottubru 2014, mill-inqas 33 suldat inqatlu f'attakk terroristiku; billi ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-peniżola sa mill-24 ta' Ottubru 2014;

M.    billi l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi fuq bażi demokratika; billi fl-10 ta' Novembru 2014, l-awtoritajiet stabbilixxu skadenza għall-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili, sabiex dawn jirreġistraw taħt liġi tal-NGOs li saret fi żmien Mubarak li kienet ripressiva ħafna, il-Liġi 84/2002, jew inkella possibilment jiffaċċjaw akkużi kriminali; billi l-applikazzjoni ta' din il-liġi hija maħsuba biex iġġib lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu taħt il-kontroll dirett tal-gvern, li hija r-raġuni għaliex bosta organizzazzjonijiet Eġizzjani tad-drittijiet għażlu li minflok jirreġistraw bħala kumpaniji legali jew kumpaniji ċivili; billi bħalissa qed tiġi diskussa wkoll reviżjoni tal-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet;

N.     billi l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u standard ogħla tal-ħajja għaċ-ċittadini, huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana miftuħa, ħielsa, demokratika u prospera; billi t-trejdjunjins indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali f'dan il-proċess, u l-midja ħielsa tifforma parti kruċjali mis-soċjetà fi kwalunkwe demokrazija; billi n-nisa Eġizzjani għadhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fiż-żmien attwali ta' tranżizzjoni politika u soċjali fil-pajjiż; billi fix-xhur reċenti kien hemm żieda fl-arresti tal-irġiel omosesswali; billi kien hemm għadd ta' interventi mill-pulizija f'postijiet fejn kien maħsub li jiltaqgħu l-omosesswali madwar l-Eġittu; billi l-komunità LGBT qed tiġi ppersegwitata u pubblikament umiljata;

O.     billi, minkejja l-ħruġ ta' liġi fl-2008 li tikkriminalizza l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), din il-prattika għadha mifruxa ħafna, u ma kienx hemm proċessi b'suċċess ta' dawk li wettquha fuq il-bniet;

P.     billi skont il-UNHCR u l-EMHRN, is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil fl-Eġittu hija kritika u affetwata minn kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi diffiċli u deterjorament ġenerali fl-ambjent ta' sigurtà dovuti għall-instabilità politika; billi n-netwerks kriminali għadhom qed joperaw fuq ir-rotot ta' traffikar tal-bnedmin/kutrabandu u lejn is-Sinaj;

Q.     billi d-dikjarazzjoni kostituzzjonali tat-8 ta' Lulju 2013 iddefinixxiet pjan direzzjonali politiku għall-Eġittu; billi, kuntrarju għall-pjan direzzjonali, il-President interim Eġizzjan Adly Mansour talab li l-ewwel isiru l-elezzjonijiet presidenzjali; billi l-programm tal-gvern interim afferma l-impenn tiegħu li jaħdem sabiex tinbena sistema demokratika li tiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet tal-Eġizzjani kollha, u li jitlesta dan il-pjan direzzjonali bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-atturi politiċi kollha u referendum dwar kostituzzjoni ġdida, li jkun segwit minn elezzjonijiet parlamentari liberi u ġusti, li tħabbar li se jseħħu fit-22 u t-23 ta' Marzu 2015, u l-elezzjonijiet presidenzjali li jseħħu fiż-żmien dovut skont ir-regoli leġiżlattivi kollha;

R.     billi s-settur taż-żejt huwa l-ikbar attrattiva ta' investiment għal investituri barranin fl-Eġittu, storikament, u huwa l-ikbar prodott ta' esportazzjoni tal-Eġittu; billi l-Eġittu ngħata kunsinni taż-żejt mingħajr ħlas mill-Istati tal-Golf sabiex jappoġġa lill-gvern il-ġdid; billi l-gvern qed jadotta pjan iddikjarat biex jeħles minn sussidji fuq l-enerġija fi żmien ħames snin minn Lulju 2014, u għandu l-għan li jimplimenta pjan għat-tqassim tal-fjuwil permezz ta' kards intelliġenti f'April 2015, sabiex ikun jista' jikkontrolla l-kutrabandu taż-żejt lejn pajjiżi ġirien u biex ikun jista' jiskopri r-rekwiżiti eżatti f'termini ta' fjuwil;

S.     billi fit-22 ta' Ġunju 2014, l-Istati Uniti żvelaw li rrilaxxaw USD 575 miljun f'għajnuna militari lejn l-Eġittu li kienet iffriżata sa minn meta tkeċċa l-President Mohammed Morsi fl-2013; billi, prinċipalment, il-fondi se jintużaw għall-ħlas ta' kuntratti ta' difiża eżistenti, u se jiġu pprovduti 10 elikotteri tal-attakk Apache għall-użu mill-armata kontra l-militanti fil-Peniżola tas-Sinaj;

T.     billi l-Eġittu daħal f'negozjati mal-FMI iktar minn darba wara r-Rivoluzzjoni ta' Jannar 2011, fejn huwa fittex self ta' USD 4.8 biljun, iżda n-negozjati waqfu wara t-30 ta' Ġunju 2013; billi seħħew xi kuntatti, u esperti tal-FMI żaru l-Eġittu f'Novembru 2014 biex iwettqu konsultazzjonijiet taħt l-Artikolu IV, evalwazzjoni minn esperti tal-FMI tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta' pajjiż;

U.     billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tagħha u speċjalment l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-impenn tal-UE mal-Eġittu għandhom ikunu bbażati fuq inċentivi u għalhekk dipendenti fuq il-progress tal-pajjiż fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

V.     billi l-UE hija tradizzjonalment is-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Eġittu, u kopriet 22.9 % tal-volum ta' kummerċ tal-Eġittu fl-2013, u bhekk kienet l-ewwel kemm bħala s-sieħeb tal-Eġittu għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni; billi, skont it-Task Force UE-Eġittu, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-Eġittu b'ammont totali ta' kważ EUR 800 miljun; billi dan huwa magħmul minn EUR 303 miljun fil-forma ta' sovvenzjonijiet (EUR 90 miljun mill-fondi Spring, EUR 50 miljun bħala komponent ta' sovvenzjoni tal-operazzjoni ta' assistenza mikrofinanzjarja, bil-bqija mill-Faċilità ta’ investiment tal-Viċinat) u EUR 450 miljun fil-forma ta' self (assistenza makrofinanzjarja); billi madankollu l-UE se tipprovdi dan l-appoġġ finanzjarju biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet politiċi u demokratiċi meħtieġa, b'tiftix u tisħiħ tat-tranżizzjoni demokratika inklużiva bis-sħiħ u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet tan-nisa;

W.    billi fis-16 ta' Ġunju 2014, is-Sur Lambrinidis, Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, żar il-Kajr u kellu laqgħat mal-Presidenza, il-Kunsill tax-Shoura u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; billi d-diskussjonijiet iffukaw fuq tħejjijiet għal liġi ġdida dwar l-NGOs, u ġiet enfasizzata l-importanza li l-UE tagħti lir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu;

1.      Jesprimi tħassib kbir għar-restrizzjonijiet li għaddejjin fuq id-drittijiet fundamentali demokratiċi, partikolarment il-libertajiet tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fl-Eġittu; jappella li jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, studenti, sindakalisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; jikkundanna l-użu tal-vjolenza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti;

2.      Jenfasizza li r-rispett tal-libertà tal-istampa, tal-informazzjoni u tal-opinjoni (onlajn u offlajn) kif ukoll tal-pluraliżmu politiku jikkostitwixxu bażi fundamentali tad-demokrazija; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu li dawk il-libertajiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limiti arbitrarji u ċensura fil-pajjiż, u jitlob li l-awtoritajiet jiżguraw il-libertà tal-espressjoni;

3.      Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha li ġew arrestati talli b'mod paċifiku eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, inkluż il-ġurnalisti Mohammed Fahmy, Peter Greste u Baher Mohamed, kif ukoll dawk arrestati minħabba sħubija allegata mal-Frattellanza Musulmana; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw id-dritt għal proċess ġust skont l-istandards internazzjonali;

4.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwettqu investigazzjonijiet malajr, imparzjali u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' użu eċċessiv tal-forza, trattament ħażin u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż abbuż sesswali, min-naħa tal-forzi tal-infurzar tal-liġi matul protesti, jikkastigaw lill-persuni responsabbli, jagħtu kumpens lill-vittmi u jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ u l-investigazzjoni tal-imġiba tal-forzi tas-sigurtà; jitlob lill-Eġittu jirratifika l-Istatut ta' Ruma u jsir membru tal-QKI;

5.      Jitlob lill-awtoritajiet jirrevokaw id-digriet presidenzjali, Liġi 136, tal-2014 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani ma jibqgħux jipproċessaw lil persuni ċivili fi qrati militari u jikkanċellaw is-sentenzi kollha kontra ċ-ċivili maħruġa minn qrati ċivili sa minn Lulju 2013;

6.      Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrevokaw il-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti ġuridiċi sabiex jippromulgaw leġiżlazzjoni dwar l-assoċjazzjoni u l-għaqda f'konformità mal-istandards internazzjonali, u jissalvagwardjaw id-dritt li wieħed jifforma assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi jew jgħaddi finanzjament;

7.      Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jirrevedu l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdida għall-NGOs ippreżentat mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali; iħeġġeġ li l-liġi ġdida proposta għandha tkun konformi mal-Kostituzzjoni Eġizzjana u mat-trattati internazzjonali kollha li l-Eġittu huwa pajjiż firmatarju tagħhom;

8.      Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan dwar ir-responsabilità tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi tagħhom, l-affiljazzjoni jew it-twemmin; jinsisti li huwa biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralista, li tkun rispettuża tad-diversità tal-fehmiet u l-istili ta' għajxien, li wieħed jista' jiżgura stabilità fit-tul u sikurezza fl-Eġittu, u jitlob biex l-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu l-impenn lejn djalogu u non-vjolenza, kif ukoll lejn governanza inklużiva;

9.      Jenfasizza l-importanza tal-Eġittu bħala attur internazzjonali u jittama li jkompli jkollu rwol fit-tnedija tan-negozjati ġenwini ta' paċi li jwasslu fi tmiemu l-konflitt bejn l-Għarab u l-Iżrael; jenfasizza wkoll il-kontribut kostruttiv tal-Eġittu fit-tiftix għall-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran, attwalment l-aktar fil-Libja wara l-ħtif ta' 20 Eġizzjan Kopta fit-3 ta' Jannar 2015, u fil-Lvant Nofsani; itenni r-rieda tal-UE li taħdem mal-Eġittu bħala sħab fir-reġjun biex ikunu indirizzati dawn id-theddidiet serji;

10.    Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu lill-poplu Eġizzjan fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; jikkundanna l-attakki terroristiċi fuq iċ-ċivili u l-militar Eġizzjani; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

11.    Jinsab imaħsseb dwar in-nuqqas ta' standards ġudizzjarji u ġudikatura indipendenti, kif definit fil-liġijiet nazzjonali u internazzjonali; jitlob li l-UE tagħti prijorità lill-kwistjoni tal-firda bejn is-setgħat fl-Eġittu; f'dan ir-rigward ifakkar li riforma ġudizzjarja hija kruċjali għat-twaqqif ta' firda ġenwina bejn is-setgħat, kif ukoll il-projbizzjoni ta' interferenzi mhux motivati tal-eżekuttiv fi kwistjonijiet ġudizzjarji;

12.    Jenfasizza li l-liġijiet kontra t-terroriżmu tal-Eġittu ntużaw ukoll biex l-imputati jinstabu ħatja f'għadd ta' proċessi; iħeġġeġ lill-President jaġixxi bla dewmien, anke permezz tad-dritt kostituzzjonali tiegħu li jagħti l-maħfra, biex ikun żgurat li ma titwettaq l-ebda sentenza tal-mewt u li ħadd ma jkun jista' jiġi detenut fl-Eġittu b'verdett mogħti fi proċess fil-qorti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu minnufih moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni;

13.    Jitlob li l-UE tindirizza kwistjonijiet strutturali li ilhom jeżistu b'rabta mat-trattament Eġizzjan tar-rifuġjati, bħall-politiki Eġizzjani ta' detenzjoni u n-nuqqas ta' aċċess għal edukazzjoni u xogħol għar-rifuġjati rikonoxxuti; jitlob li l-Eġittu jiżgura li r-regolamenti dwar id-dritt għall-ażil ikun konformi mal-Kostituzzjoni u mal-istandards internazzjonali; jitlob b'mod urġenti għall-protezzjoni tar-rifuġjati kontra l-vjolenza u l-isfruttament, speċjalment sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

14.    Jinnota li t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt se jwassal direttament għal tnaqqis fl-allokazzjonijiet tas-sussidji tal-enerġija, li hija l-ikbar sfida li ffaċċjaw ir-reġimi ta' wara r-rivoluzzjoni sa mir-Rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar; jinsab imħasseb li dan it-tnaqqis jista' jkollu impatt enormi fuq ħafna pjanijiet governattivi, li l-iktar importanti fosthom huma l-isforzi sabiex jinżamm marġni sikur fuq il-muniti barranin;

15.    Iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jiffaċċja l-faqar, in-negliġenza uffiċjali u l-iskuntentizza fost it-tribujiet Bedwini lokali fis-Sinaj, u jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jagħmlu mill-aħjar tagħhom sabiex jiżmantellaw in-netwerks kriminali li għadhom qed joperaw fuq ir-rotot tat-traffikar tal-bnedmin/kutrabandu fi ħdan u lejn is-Sinaj;

16.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT talli jesprimu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u d-dritt għal assemblea paċifika, bl-użu tal-'liġi tad-debuxxjar', u biex jeħilsu l-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jadotta strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u persuni LGBT u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, u jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effettiv tan-nisa u ta' gruppi għad-drittijiet LGBT u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;

17.    Itenni li fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha, il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Elezzjonijiet Presidenzjali fl-Eġittu ta' Mejju 2014 qalet li minkejja li l-Kostituzzjoni ġdida stabbilixxiet lista estensiva ta' drittijiet fundamentali, ir-rispett għal dawn id-drittijiet ma ssodisfax il-prinċipji ġenerali, u li klima ġenerali ta' liberta limitata ta' espressjoni, li wasslet għal awtoċensura mill-ġurnalisti, setgħet tiġi osservata fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-elezzjonijiet presidenzjali fit-tħejjijiet għall elezzjonijiet parlamentari mħabbra għat-22 u t-23 ta' Marzu 2015;

18.    Jesprimi, għal darba oħra, is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-mument ta' tranżizzjoni f'pajjiżhom; jitlob strateġija komuni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-Eġittu; jerġa' jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jaħdmu attivament bi qbil mal-prinċipju tal-kondizzjonalità ("aktar għal aktar") u biex iqisu kemm l-isfidi ekonomiċi serji li l-Eġittu qed jiffaċċja fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Eġittu, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-pajjiż; itenni t-talba tiegħu li jkun hemm punti ta' riferiment ċari u miftiehma b'mod konġunt f'dan ir-rigward; jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess lejn riforma demokratika u ekonomika;

19.    Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Kajr biex ikunu preżenti waqt il-proċessi legali politikament sensittivi ta' ġurnalisti, bloggers, trejdunjonisti u attivisti tas-soċjetà ċivili, Eġizzjani u barranin fil-pajjiż;

20.    Jitlob lill-VP/RGħ biex jiċċara l-miżuri speċifiċi meħuda b'rispons għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li tiġi riveduta l-assistenza lill-Eġittu, b'riferiment ukoll għar-rapport mill-Qorti tal-Awdituri tal-2013; jitlob, b'mod partikolari, kjarifika tal-istatus ta': (i) il-programm ippjanat dwar ir-riforma tal-ġustizzja; (ii) il-programmi għall-appoġġ tal-baġit tal-UE; (iii) il-programm għat-tisħiħ domestiku u kummerċjali; u (iv) il-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi programmi reġjonali tal-UE bħall-Euromed Pulizija u Euromed Ġustizzja;

21.    Jitlob li jkun hemm projbizzjoni madwar l-UE fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u ta' sorveljanza li jistgħu jintużaw għal spjunaġġ u ripressjoni taċ-ċittadini; jitlob li jkun hemm projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari bi qbil mal-Arranġament Wassenaar li jistgħu jintużaw għar-ripressjoni ta' protesti paċifiċi;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Reppubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tagħha.