Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0097/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0097/2015

ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta’ oriġini għal-laħam fl-ikel ipproċessat

4.2.2015 - (2014/2875(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0101/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Giovanni La Via, Glenis Willmott, Julie Girling, Anneli Jäätteenmäki, Lynn Boylan, Keith Taylor, Piernicola Pedicini f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel


Proċedura : 2014/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0097/2015
Testi mressqa :
B8-0097/2015
Testi adottati :

B8-0000/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini għal-laħam fl-ikel ipproċessat

(2014/2875(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004[1] (ir-"Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi"), u b'mod partikolari l-Artikoli 26(6) u (7) tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż ta’ provenjenza tal-laħam li jintuża bħala ingredjent (COM (2013)0755), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah tas-17 ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Origin labelling for meat used as an ingredient: consumers’ attitude, feasibility of possible scnarios and impacts (It-tikkettar tal-oriġini għal-laħam li jintuża bħala ingredjent: l-attitudni tal-konsumaturi, il-fattibilità ta' xenarji possibbli u l-impatti) (SWD (2013)0437);

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2014 dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni msemmi hawn fuq tat-13 ta’ Diċembru 2013[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha[4],

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini għal-laħam fl-ikel ipproċessat (O-00091 – B8-0101/2015),

–       wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Artikolu 26(6) tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sat-13 ta' Diċembru 2013 dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-laħam użat bħala ingredjent;

B.     billi l-Artikolu 26(7) tar-regolament imsemmi hawn fuq jiddisponi li r-rapport għandu, inter alia, iqis il-bżonn li l-konsumatur jiġi infurmat, il-fattibilità tal-għoti tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' tali miżuri; billi jiddisponi ulterjorment li r-rapport jista' jiġi akkumpanjat minn proposti għall-modifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

C.     billi fis-17 ta' Diċembru 2013 il-Kummissjoni ppubblikat kif dovut ir-rapport tagħha dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż ta’ provenjenza tal-laħam li jintuża bħala ingredjent, u dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah bit-titolu "Origin labelling for meat used as an ingredient: consumers’ attitude, feasibility of possible scenarios and impacts" (It-tikkettar tal-oriġini għal-laħam li jintuża bħala ingredjent: l-attitudni tal-konsumaturi, il-fattibilità ta' xenarji possibbli u l-impatti);

D.     billi huwa stmat li minn 30 % sa 50 %, skont l-Istat Membru kkonċernat, tal-volum totali ta’ laħam tal-qatla jiġi pproċessat f'ingredjenti tal-laħam għall-oġġetti tal-ikel, l-aktar f'laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam u prodotti tal-laħam;

E.     billi l-Kummissjoni għadha trid tagħmel xi proposti leġiżlattivi ta' segwitu u tikkonkludi li se jittieħdu aktar passi adegwati wara d-diskussjonijiet fil-Parlament u l-Kunsill;

F.     billi, skont ir-rapport mill-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż ta’ provenjenza tal-laħam li jintuża bħala ingredjent, is-sistemi eżistenti ta’ traċċabbiltà fl-UE mhumiex adegwati biex jgħaddu l-informazzjoni dwar l-oriġini tul il-katina alimentari;

G.     billi l-Artikolu 26(2) Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jiddisponi li l-indikazzjoni tal-pajjiż taʼ oriġini jew post taʼ provenjenza huwa obbligatorju fejn in-nuqqas taʼ indikazzjoni tiegħu jistaʼ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru taʼ oriġini jew post veru taʼ provenjenza tal-ikel, bʼmod partikolari jekk l-informazzjoni li takkumpanja l-ikel jew it-tikketta inġenerali tkun altrimenti timplika li l-ikel għandu pajjiż taʼ oriġini jew post taʼ provenjenza differenti;

H.     billi l-valutazzjoni tal-impatt li appoġġjat lir-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi indikat li l-oriġini tal-laħam jidher li hu l-preokkupazzjoni ewlenija tal-konsumaturi madwar l-UE kollha[5];

I.      billi, skont l-istħarriġ tal-konsumaturi tal-Konsorzju tal-Evalwazzjoni tal-Katina Alimentari tal- 2013, ikel ibbażat fuq il-laħam ġab l-ogħla riżultat fost id-diversi gruppi ta’ ikel koperti mill-istħarriġ meta niġu għall-interess fit-tikkettar tal-oriġini; billi, abbażi ta' eżami aktar immirat tat-tipi differenti ta’ prodotti pproċessati bbażati fuq il-laħam, ir-riżultati tal-istħarriġ jindikaw li aktar minn 90 % tal-konsumaturi rispondenti jqisu li huwa importanti li l-oriġini tiġi ttikkettata;

1.      Jinnota li l-indikazzjoni tal-oriġini għal-laħam taċ-ċanga mhux ipproċessat u għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga fl-UE ilha obbligatorja minn wara l-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE)[6], u r-regoli tal-UE għat-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga ilhom fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2002; jinnota li dawn ir-rekwiżiti tat-tikkettar diġà jinkludu l-post tat-twelid, dak tat-trobbija u dak tal-qatla;

2.      Jikkunsidra li r-rekwiżiti msemmija hawn fuq applikabbli għal-laħam taċ-ċanga mhux ipproċessat u għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga żiedu l-aspettattivi tal-konsumaturi rigward l-informazzjoni dwar l-oriġini ta' tipi oħra ta' laħam frisk li huma kkunsmati b'mod mifrux ħafna fl-UE u ta' laħam użat bħala ingredjent fl-ikel ipproċessat;

3.      Jinnota li l-Premessa 31 tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi tissottolinja l-fatt li l-oriġini tal-laħam huwa preokkupazzjoni ewlenija għall-konsumaturi u li bħala riżultat il-konsumaturi jistennew li jiġu infurmati kif għandu jkun dwar il-pajjiż ta' oriġini tal-laħam; jirrimarka, barra minn hekk, li l-Premessa 31 tistipula li r-rekwiżiti tat-tikkettar obbligatorju għandhom iqisu l-prinċipju ta' proporzjonalità u l-piż amministrattiv għall-operaturi tan-negozji tal-ikel u għall-awtoritajiet tal-infurzar;

4.      Jenfasizza li 90 % tal-kumpaniji fis-settur tal-ipproċessar tal-laħam huma SMEs; jenfasizza r-rwol speċjali li jwettqu l-SMEs fil-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi, il-kontribut tagħhom lejn ekonomija Ewropea kompetittiva u l-impenn tagħhom għal ikel sikur u ta’ kwalità għolja; jemmen li l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-atturi fis-settur huwa essenzjali;

5.      Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-impatt potenzjali li għandha l-frodi alimentari fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-konsumaturi, il-fiduċja tal-konsumaturi, il-funzjonament tal-katina alimentari u l-istabilità tal-prezzijiet agrikoli, u jenfasizza l-importanza li l-frodi alimentari tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta' prijorità u b'hekk malajr terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej;

6.      Jemmen li t-tikkettar tal-pajjiż jew il-post tal-oriġini tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam fih innifsu ma jipprevenix il-frodi, iżda li sistema rigoruża ta’ traċċabilità tassew tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ infrazzjonijiet possibbli u għat-teħid ta' azzjoni kontrihom; jinnota li l-iskandli riċenti tal-ikel, inkluża s-sostituzzjoni qarrieqa tal-laħam taż-żiemel flok laħam taċ-ċanga, urew li l-konsumaturi jridu li jkun hemm regoli aktar stretti dwar it-traċċabilità kif ukoll informazzjoni għall-konsumaturi; jindika li regoli aktar stretti dwar it-traċċabilità jippermettu wkoll lill-awtoritajiet jinvestigaw inċidenti ta’ frodi alimentari b’mod aktar effettiv;

7.      Jenfasizza l-importanza li l-laħam taż-żiemel jitqies fil-kuntest tal-laħam użat bħala ingredjent fl-ikel ipproċessat, minbarra l-laħam taċ-ċanga u l-laħam tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur, għaliex jirrappreżenta parti konsiderevoli mil-laħam użat fl-ikel ipproċessat;

8.      Jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni stess jirrikonoxxi li iktar minn 90 % tal-konsumaturi rispondenti jqisuha ħaġa importanti li l-oriġini tal-laħam tiġi tikkettata fuq il-prodotti tal-ikel ipproċessati[7]; jinnota li dan huwa wieħed minn għadd ta' fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur;

9.      Jemmen li t-tikkettar tal-orġini tal-laħam użat bħala ingredjent fl-ikel se jgħin biex tiġi żgurata traċċabilità aħjar tul il-katina tal-provvista alimentari, biex jitrawmu relazzjonijiet iktar stabbli bejn il-fornituri u l-proċessuri tal-laħam u biex tiżdied id-diliġenza meta l-operaturi tan-negozji tal-ikel jagħżlu l-fornituri u l-prodotti tagħhom;

10.    Iħoss li t-tikkettar tal-ikel għandu jqis it-trasparenza tal-informazzjoni u l-leġibilità tagħha għall-konsumaturi filwaqt li jippermetti lin-negozji Ewropej joperaw b'mod li jkun ekonomikament vijabbli u f’kundizzjonijiet aċċettabbli għall-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur;

11.    Jindika li, fir-rigward tal-impatti tal-prezzijiet, ir-riżultati tar-riċerka li saret minn organizzazzjoni tal-konsumaturi Franċiża huma sostanzjalment diverġenti mis-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kosti tal-introduzzjoni tat-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini; jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi eżaminata ulterjorment sabiex tinkiseb stampa aktar ċara tal-effetti possibbli fir-rigward tal-prezzijiet, kemm-il darba tali eżami jsir b'mod konġunt mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ma jdewwimx proposti leġiżlattivi;

12.    Jinnota li t-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini se jsir obbligatorju għal-laħam mhux ipproċessat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur minn April 2015; filwaqt li dan għandu jitqies meta jiġu vvalutati l-kosti tal-għoti tal-informazzjoni dwar l-oriġini għal dawn it-tipi ta’ laħam meta jintużaw bħala ingredjent;

13.    Jinnota li l-informazzjoni volontarja attwali dwar l-oriġini tista’ tagħti informazzjoni qarrieqa lill-konsumaturi;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid dawn l-iskemi volontarji dwar it-tikkettar tal-oriġini u tipproponi regoli ċari, konsistenti, armonizzati u infurzabbli meta l-produtturi jiddeċiedu li jimplimentaw it-tikkettar volontarju tal-oriġini.

15.    Jinnota wkoll li filwaqt li, kif indikat fir-rapport tal-Kummissjoni, rekwiżit ta' indikazzjoni tat-tikkettar UE jew mhux UE ikun alternattiva b'kost aktar baxx, ir-riċerka li saret mill-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BUEC), li tkopri xi wħud mill-Istati Membri, li tkopri xi Stati Membri, sabet li dan ma jkunx soluzzjoni aċċettabbli għall-konsumaturi[8];

16.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli tinvestiga aktar il-prattika (li diġa' hija pjuttost mifruxa) fost il-bejjiegħa bl-imnut u l-manifatturi Ewropej fir-rigward tat-tikkettar tal-oriġini tal-laħam fl-ikel ipproċessat u tirrapporta s-sejbiet tagħha;

17.    Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi alimentari jsiru parti fundamentali mill-politika tal-UE u sabiex tindirizza d-dgħufijiet strutturali fi ħdan il-katina alimentari kollha, b’mod partikolari billi timmultiplika u ssaħħaħ il-kontrolli;

18.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, li jirrigwarda l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-ingredjenti primarji fejn dan ma jkunx l-istess bħal dak tal-prodott tal-ikel;

19.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rapport tagħha permezz ta' proposti leġiżlattivi li jagħmlu obbligatorja l-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam li jinsab f'ikel ipproċessat sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar tul il-katina alimentari kollha kemm hi u biex il-konsumaturi Ewropej jiġu infurmati aħjar, waqt li tqis il-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha u tevita kosti u piżijiet amministrattivi eċċessivi;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.