Proċedura : 2015/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0099/2015

Testi mressqa :

B8-0099/2015

Dibattiti :

PV 09/02/2015 - 13
CRE 09/02/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0033

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 79k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0099/2015
4.2.2015
PE547.523v01-00
 
B8-0099/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (2015/2526(RSP))


Pilar del Castillo Vera, Sabine Verheyen, Jerzy Buzek, Michał Boni, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein f'isem il-Grupp PPE
Dan Nica, Petra Kammerevert, Renato Soru, José Blanco López, Nicola Danti, Miroslav Poche f'isem il-Grupp S&D
Kaja Kallas, Dita Charanzová, Morten Helveg Petersen, Pavel Telička, Marietje Schaake, Filiz Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (2015/2526(RSP))  
B8‑0099/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet(3),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), adottati f'Ġinevra fit-12 ta' Diċembru 2003,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2004 bit-titolu 'Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Mill-Prinċipji ta' Ġinevra għall-Azzjoni' (COM(2004)0480),

–       wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tuneż u l-Aġenda għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, adottati f'Tuneż fit-18 ta' Novembru 2005,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2006 bit-titolu 'Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Segwitu għall-Fażi ta' Tuneż tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS)" (COM(2006)0181),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss(4),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Plurilaterali NETmundial ippreżentata fl-24 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet' (COM(2014)072);

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mressqa mid-delegazzjoni tal-UE lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014 f'Istanbul,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-għan tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) hu li jesegwixxi l-mandat tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) fir-rigward tat-tlaqqigħ ta' fora għal djalogu ta' politika demokratiku u trasparenti bbażat fuq diversi partijiet interessati;

B.     billi r-rwol u l-funzjoni ewlenin tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) huma li jkollu diskussjonijiet li jħarsu 'il quddiem dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-governanza tal-internet u, fejn ikun xieraq, li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-komunità internazzjonali;

C.     billi fl-20 ta' Diċembru 2010 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li testendi l-mandat tal-IGF għal ħames snin oħra;

D.     billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar tiġdid ulterjuri tal-mandat tal-IGF se jsiru fl-2015 fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjoniijiet Uniti;

E.     billi l-Parlament bagħat delegazzjoni ad hoc għas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) fl-2005 u għamel hekk għal kull laqgħa annwali tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) sa minn dak iż-żmien;

F.     billi d-delegazzjonijiet ad hoc li l-Parlament bagħat kellhom rwol ewlieni fir-rigward tal-promozzjoni tal-valuri Ewropej u fl-interazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali li attendew għal dawk l-avvenimenti, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

G.     billi l-internet jikkostitwixxi l-pedament tas-suq diġitali uniku, u jrawwem, fost l-oħrajn, l-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kummerċ, id-demokrazija, id-diversità kulturali u d-drittijiet tal-bniedem;

H.     billi t-tkabbir relatat mal-ekonomija tal-internet huwa mbassar li se jkun kważi 11 % fl-UE, b'kontribuzzjoni għall-PDG li mistennija tiżdied minn 3.8 % fl-2010 għal 5.7 % fl-2016;

I.      billi f'internet miftuħ, id-drittijiet u l-libertajiet kollha li n-nies għandhom offline għandhom japplikaw ukoll online;

J.      billi f'Marzu 2014, l-amministrazzjoni nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u l-informazzjoni (National Telecommunications and Information Administration - NTIA) tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti ħabbret l-intenzjoni tagħha li tittrasferixxi l-funzjonijiet tas-superviżjoni tal-internet tal-Awtorità tan-Numri Assenjati tal-Internet (IANA ) lill-komunità globali tad-diversi partijiet interessati qabel ma jiskadi l-kuntratt attwali bejn l-NTIA u l-korporazzjoni għall-attribuzzjoni tal-ismijiet u n-numri tal-internet(ICANN) f'Settembru 2015; billi maż-żmien trid tinstab soluzzjoni għal din it-tranżizzjoni, u għandha twassal għal sistema li ma tistax tkun suġġetta għall-ħtif jew għall-manipulazzjoni, u għaldaqstant tkompli tiżgura internet stabbli;

K.     billi f'April 2014 il-Laqgħa Dinjija tad-Diversi Partijiet Interessati NETmundial dwar il-futur tal-Governanza tal-Internet fasslet sett ta' prinċipji għall-governanza tal-internet u pjan direzzjonali għall-iżvilupp fil-ġejjieni tal-ekosistema tal-internet, li tista' tgħid ġew approvati mill-partijiet kollha interessati;

L.     billi l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea matul id-disa' Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) li sar f'Settembru 2014, bit-tema ġenerali 'Tlaqqigħ tal-Kontinenti għall-Governanza tal-Internet Ibbażata fuq Diversi Partijiet Interessati Msaħħa', kienu: aċċess globalment estiż għall-internet; li l-internet jibqa' riżorsa globali, miftuħa u komuni; aċċess mhux diskriminatorju għall-għarfien; responsabbiltà u trasparenza akbar fil-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati; ċaħda tal-idea ta' internet ikkontrollat mill-Istat; u rikonoxximent li l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħna mhumiex negozjabbli u jridu jitħarsu online;

M.    billi fi Frar 2014 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-politika u l-governanza tal-internet;

N.     billi fis-27 ta' Novembru 2014 il-ministri tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija tal-UE (TTE) approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li jissottolinjaw l-importanza ta' pożizzjoni Ewropea kkoordinata dwar il-governanza tal-internet;

1.      Iqis li, għalkemm il-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) mhux se jadotta konklużjonijiet formali, ir-responsabilità tal-Unjoni Ewropea hi li tagħti appoġġ lil dan il-proċess u li żżid l-impatt ta' dawn l-iskambji f'diskussjonijiet tal-politika, billi dan joffri kuntest pożittiv u konkret għat-tiswir tal-ġejjieni tal-internet fuq il-bażi ta' approċċ li jinvolvi d-diversi partijiet interessati;

2.      Jisħaq li l-Parlament għandu jkompli jipparteċipa fil-laqgħat futuri tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) b'delegazzjoni sostanzjali sabiex jikkontribwixxi b'mod effettiv fl-ifformular ta' approċċ tal-UE koerenti u komprensiv flimkien mal-Istati Membri u l-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-valur li jkompli bil-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni;

3.      Jisħaq fuq il-bżonn li jitjieb l-aċċess għall-internet madwar id-dinja kollha, u jenfasizza li l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) għandu jibqa' inklużiv kemm jista' jkun;

4.      Jisħaq li diġà jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-iskambji produttivi li kien hemm s'issa fil-kuntest tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF), u tista' tittieħed azzjoni fuqhom, partikolarment fir-rigward tal-aspetti regolatorji dwar il-komunikazzjoni elettronika u l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tad-data u l-privatezza; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm internet miftuħ u indipendenti bħala riżorsa globali, kif ukoll aċċess nondiskriminatorju għall-għarfien fil-futur, abbażi tal-inizjattivi u l-ħtiġiet tal-partijiet interessati, flimkien mal-libertà tal-espressjoni;

5.      Jisħaq li huwa kruċjali li jitkomplew l-isforzi biex jiġi żgurat ħarsien legali tan-newtralità tan-net, li hu prekondizzjoni essenzjali għas-salvagwardja tal-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni, li tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi billi jiġu żviluppati opportunitajiet ta' innovazzjoni u ta' negozju marbuta mal-internet u billi tiġi promossa u ssalvagwardjata d-diversità kulturali u lingwistika bl-aħjar mod għal kulħadd;

6.      Jisħaq li hu impenjat bis-sod favur il-mudell għall-governanza tal-Internet li jinvolvi d-diversi partijiet interessati ; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex isaħħu aktar is-sostenibilità ta' dan il-mudell billi jagħmlu l-parteċipanti u l-proċessi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali aktar inklużivi, trasparenti u responsabbli;

7.      Jisħaq li l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem mhumiex negozjabbli u jridu jitħarsu kemm online u kif ukoll offline; jiddispjaċih dwar il-fatt li xi stati, filwaqt li jinvokaw tħassib dwar is-sigurtà, jippruvaw inaqqsu l-konnettività globali taċ-ċittadini tagħhom permezz taċ-ċensura u restrizzjonijiet oħra; jopponi bil-qawwa l-idea ta' internet kkontrollat mill-istat u sorveljanza tal-massa tal-internet;

8.      Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u soċjali tad-drittijiet online għall-privatezza u għall-kontroll tal-utenti tad-data personali tagħhom; jikkunsidra li tali drittijiet huma fundamentali għal internet demokratiku u għal kundizzjonijiet kummerċjali ekwivalenti għan-negozji fuq l-internet;

9.      Jenfasizza l-importanza tat-tlestija tal-internazzjonalizzazzjoni tal-funzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ewlenin tal-internet; jilqa' l-impenn espress mill-Gvern tal-Istati Uniti f'Marzu 2014 għall-globalizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-Awtorità għan-Numri Assenjati tal-Internet (IANA); jenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà u t-trasparenza sħiħa tal-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN);

10.    Jissottolinja l-eżistenza ta' skadenza definittiva għat-tlestija tan-negozjati dwar governanza tal-internet ġdida li għandha tipprovdi soluzzjoni fuq perjodu twil għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-internet, fil-perspettiva tal-fatt li f'Settembru 2015 il-ftehim attwali bejn il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN) u l-Gvern tal-Istati Uniti dwar is-superviżjoni tal-funzjoni tal-Awtorità għan-Numri Assenjati tal-Internet (IANA) se jiskadi;

11.    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE ikkonċernati biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-konklużjoni ta' dan il-ftehim f'waqtu ġdid dwar il-mudell ibbażat fuq diversi partijiet interessati għal governanza tal-internet ġdida;

12.    Jistieden lill-istituzzjonijiet konċernati tal-UE jagħtu prijorità lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) fl-aġendi tagħhom u biex ikomplu jagħtu appoġġ lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) u lis-segretarjat tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi immirati li jiksbu fondi addizzjonali, bħall-"Ħbieb tal-Fond tal-IGF" tal-Fondazzjoni Tides u l-"assoċjazzjoni ta' appoġġ għall-IGF";

13.    Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU ġġedded il-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF), issaħħaħ ir-riżorsi tiegħu u żżomm il-mudell għall-governanza tal-internet li jinvolvi d-diversi partijiet interessati;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali.

 

 

(1)

ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 140.

(2)

ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 133.

(3)

ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 80.

(4)

ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 33.

Avviż legali