Proċedura : 2015/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0121/2015

Testi mressqa :

B8-0121/2015

Dibattiti :

PV 09/02/2015 - 13
CRE 09/02/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0033

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 119kWORD 60k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0099/2015
4.2.2015
PE547.525v01-00
 
B8-0121/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (2015/2526(RSP))


Michel Reimon, Julia Reda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelia Ernst, Curzio Maltese f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (2015/2526(RSP))  
B8‑0121/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet(2),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), adottata f'Ġinevra fit-12 ta' Diċembru 2003,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Mill-Prinċipji ta' Ġinevra għall-Azzjoni' (COM(2004)0480),

–       wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tuneż u l-Aġenda għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, adottati fit-18 ta' Novembru 2005,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni b'segwitu tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni fl-2006 (COM(2006)181),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss(3),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni NETmundial tad-Diversi Partijiet Interessati, ippreżentata fl-24 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal- Governanza tal-Internet' (COM(2014)072),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mressqa mid-delegazzjoni tal-UE lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014 f'Istanbul,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi kif nifhmuh aħna l-internet jikkostitwixxi spazju pubbliku li jrawwem id-demokrazija, id-diversità kulturali, id-drittijiet tal-bniedem, l-innovazzjoni u l-kummerċ, u huwa pilastru fundamentali tas-Suq Uniku Diġitali,

B.     billi l-għan tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) hu li jimplimenta l-mandat tas-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), li jiddiskuti firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet marbuta mal-governanza tal-internet u, fejn ikun xieraq, li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-komunità internazzjonali,

C.     billi fl-20 ta' Diċembru 2014 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li testendi l-mandat tal-IGF għal ħames snin oħra, u billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar tiġdid ulterjuri tal-IGF se jsiru f’2015 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU;

D.     billi l-Parlament bagħat delegazzjoni ad hoc għas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni fl-2005 u għal kull laqgħa annwali tal-IGF li saret wara, u b'hekk kellu sehem ewlieni fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej u l-interazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali li attendew dawn l-avvenimenti, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni;

E.     billi f'April 2014 il-Laqgħa Dinjija ad hoc tad-Diversi Partijiet Interessati NETmundial dwar il-futur tal-Governanza tal-Internet fasslet sett ta' prinċipji għall-governanza tal-internet u pjan direzzjonali għall-iżvilupp fil-ġejjieni tal-ekosistema tal-internet; billi madankollu, hu meħtieġ mekkaniżmu aktar inklużiv u prevedibbli għall-partijiet interessati kollha;

F.     billi fis-27 ta' Novembru 2014, il-Ministri tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li jissottolinjaw l-importanza ta' pożizzjoni Ewropea kkoordinata dwar il-governanza tal-internet;

1.      Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha r-responsabilità li tappoġġa l-IGF u li titnebbaħ mill-iskambji tagħha miegħu, għax dan se joffri kuntest pożittiv u konkret lit-tiswir tal-internet fil-ġejjieni;

2.      Jenfasizza li l-Parlament għandu jkompli jieħu sehem b’delegazzjoni sostanzjali, inklużi rappreżentanti mill-gruppi politiċi kollha, fil-laqgħat ġejjieni tal-IGF biex jikkontribwixxi b’mod effikaċi fit-tfassil ta’ approċċ koerenti u komprensiv tal-UE flimkien mal-Istati Membri u l-Kummissjoni;

3.      Jisħaq li hu impenjat bis-sod li jsib l-aħjar mudell ta' governanza tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex isaħħu aktar il-governanza tal-internet billi jagħmlu l-atturi u l-proċessi fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali aktar inklużivi, trasparenti u responsabbli;

4.      Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkontribwixxu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u jappoġġaw opportunitajiet indaqs ta’ parteċipazzjoni lill-organizzazzjonijiet kollha;

5.      Jistieden lill-istituzzjonijiet konċernati tal-UE biex jagħtu prijorità lill-IGF fl-aġendi tagħhom u biex ikomplu jagħtu appoġġ finanzjarju lis-segretarjat tal-IGF, jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ organizzazzjoni effiċjenti u indipendenti li tkun kapaċi teżerċita l-mandat tagħha u tikkontribwixxi għall-mudell li qed jevolvi tal-governanza tal-internet;

6.      Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU ġġedded il-mandat tal-IGF, issaħħaħ ir-riżorsi tiegħu u tkompli tiżviluppa l-mudell minn isfel għal fuq tal-governanza tal-Internet, biex ikunu żgurati l-inklużività, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali.

 

(1)

ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 140.

(2)

ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 80.

(3)

ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 33.

Avviż legali