Proċedura : 2015/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0136/2015

Testi mressqa :

B8-0136/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2015 - 4.6
CRE 12/02/2015 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0136/2015
9.2.2015
PE549.929v01-00
 
B8-0136/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))


Charles Tannock, David Campbell Bannerman, Ryszard Czarnecki, Geoffrey Van Orden, Valdemar Tomaševski, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))  
B8‑0136/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, inkluża dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja, u l-attakki tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(1),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-kummenti tat-8 ta' Settembru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar il-vjolenza fis-Sirja u l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU Nru S-22/1 tal-1 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa fl-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant u l-gruppi assoċjati,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar fil-11 ta' Mejju 2011 f'Istanbul, it-Turkija,

–       wara li kkunsidra l-kummenti tal-mibgħut tan-NU għall-Iraq, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u s-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-18 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin tal-1981,

–
   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li ġew adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-vjolenza li għaddejja fis-Sirja u l-Iraq ħolqot kriżi umanitarja mingħajr preċedent b'miljuni ta' persuni spostati, jiffaċċjaw il-vjolenza ta' kuljum, u fil-bżonn ta' ikel, ilma, kura tas-saħħa u kenn; billi l-minoranzi etniċi u reliġjużi qed isibu ruħhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli f'din il-kriżi; billi dawk li qed jaħarbu mill-vjolenza kienu sfurzati jfittxu refuġju f'pajjiżi ġirien, fejn tqiegħed piż addizzjonali fuq il-komunitajiet li jilqgħuhom

B.     billi s-sitwazzjoni diġà katastrofika fis-Sirja kkawżata mill-gwerra ċivili li għaddejja marret għall-agħar mill-estremiżmu vjolenti tal-hekk imsejħa ġellieda tal-Istat Iżlamiku (IS) kemm fis-Sirja u kemm fl-Iraq pajjiż ġar;

C.     billi n-numru ta' persuni spostati internament fis-Sirja huwa stmat li jilħaq 7.6 miljun u fl-Iraq 1.8 miljun;

D.     billi numru kbir ta' nisa u tfal ġew maqtula jew misruqa mill-IS fis-Sirja u l-Iraq; billi dawk in-nisa u t-tfajliet misruqa ġie rrapportat li ġew soġġetti għal stupru jew abbuż sesswali, imġiegħla jiżżewġu ġellieda, jew mibjugħa fi skjavitù sesswali; billi xi nisa ġew mibjugħa bħala skjavi għall-prezz baxx ta' USD 25;

E.     billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku wettaq ħafna atroċitajiet li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità, inklużi qtigħ tal-irjus u ħruq ta' nies irrikordjati fuq vidjow;

F.     billi l-qtil mistkerraħ tal-bdot Ġordaniż Moaz al-Kasasbech hu l-aktar eżempju reċenti tal-ideoloġija vili tal-Istat Iżlamiku, li tmur kontra l-aktar valuri umani u drittijiet tal-bniedem elementari;

G.     billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir li jikkumbattu fil-livelli kollha l-estremiżmu u t-terroriżmu u li jippromwovu r-rispett reċiproku fost l-individwi u l-gruppi reliġjużi u etniċi;

H.     billi l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umanitarji u tal-bniedem tipprojbixxi li jkunu fil-mira individwi jew gruppi abbażi ta' reliġjon jew identità etnika, kif ukoll attakki kontra nies ċivili li ma jipparteċipawx fil-ġlied; billi tali azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

I.      billi l-espansjoni tal-Istat Iżlamiku "kalifat" u l-attivitajiet estremisti tiegħu huma theddida diretta mhux biss għall-poplu tas-Sirja u l-Iraq imma anke għas-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu;

J.      billi ġie rrapportat li mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, issieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala theddida għas-sigurtà;

K.     billi n-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapportaw abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq u s-Sirja mill-IS, inkluż qtil immirat lejn komunitajiet Kristjani u gruppi oħra ta' minoranzi etniċi u reliġjużi; billi qed jiżdied it-tħassib dwar il-benessri ta' dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-IS;

L.     billi rapport mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fi Frar 2015 isostni li l-militanti tal-IS qiegħdin ibiegħu t-tfal misruqa bħala skjavi tas-sess u joqtlu oħrajn, inkluż permezz ta' tislib u ta' dfin waqt li jkunu għadhom ħajjin;

1.      Jikkundanna mingħajr riżerva l-qtil, is-sekwestri, l-istupru, il-vjolenza sesswali u t-tortura mwettqa minn ġellieda tal-IS fis-Sirja u l-Iraq u jemmen li dawn l-azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jikkundanna wkoll l-atti ta' vjolenza mwettqa mir-reġim ta' Assad fis-Sirja kontra niesu stess;

2.      Jesprimi tħassib dejjem akbar dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u l-Iraq u l-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, mhux l-inqas fil-kuntest tar-ribelljoni tal-Istat Iżlamiku;

3.      Jemmen li l-instabilità fis-Sirja kkawżata mill-gwerra ċivili li għaddejja kkontribwixxiet għat-tkabbir tal-Istat Iżlamiku;

4.      Hu mħasseb ħafna dwar l-atti terroristiċi mwettqa kontra n-nisa u t-tfajliet minn l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u l-gruppi assoċjati, inklużi dawk kontra l-membri tar-reliġjon Kristjana u minoranzi oħra etniċi u reliġjużi;

5.      Barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi xierqa biex jassiguraw is-sikurezza tan-nisa u t-tfajliet fis-Sirja u l-Iraq, kif ukoll ta' membri ta' gruppi reliġjużi u ta' minoranza etnika;

6.      Jagħti l-appoġġ politiku lid-dritt għad-difiża leġittima ta' minoranzi reliġjużi u etniċi fejn dan hu neċessarju sabiex tiġi assigurata s-sikurezza tagħhom; jistieden ukoll lill-komunità internazzjonali biex tissalvagwardja dawk kollha li qed jaħarbu mit-terroriżmu jew l-atti ta' vjolenza;

7.      Jikkundanna mingħajr riżerva l-użu ta' konverżjonijiet furzati kontra komunitajiet Kristjani u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra fis-Sirja u l-Iraq permezz tal-hekk imsejħa forzi tal-Istat Iżlamiku;

8.      Jemmen li għandu jsir kull sforz possibbli sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; barra minn hekk jemmen li r-rispons internazzjonali lejn dan it-terroriżmu għandu jitmexxa f'konformità mal-liġi internazzjonali;

9.      Itenni mill-ġdid il-kundanna tiegħu għall-vjolenza u l-qtil kontra persuni LGBT fir-reġjun, li kienu qed jitwettqu b'impunità sħiħa; jirrimarka li s-sitwazzjoni ta' persuni LGBT fir-reġjun hija partikolarment vulnerabbli, minħabba appoġġ limitat mill-familja u l-komunità u protezzjoni limitata mill-gvern u li s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' refuġjati jew f'ċerti soċjetajiet ospitanti; jistieden lill-gvern Iraqi, id-delegazzjoni tal-UE lejn l-Iraq u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fir-reġjun biex jipprovdu protezzjoni lill-persuni LGBT u sabiex iħaffu s-sistemazzjoni mill-ġdid diretta ta' dawk l-individwi LGBT li qiegħdin jaħarbu minħabba raġunijiet ta' sikurezza;

10.    Huwa diżgustat minn rapporti li juru li militanti tal-IS qiegħdin jużaw it-tfal — inklużi dawk bi problemi ta' saħħa mentali — bħala qattiela suwiċidi bil-bombi u bħala tarki umani, filwaqt li jbigħu wkoll tfal maħtufin bħala skjavi tas-sess u joqtlu oħrajn, inkluż permezz ta' tislib u dfin waqt li jkunu għadhom ħajja;

11.    Jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu salvati t-tfal taħt il-kontroll tal-IS u jittieħdu passi kontra dawk responsabbli tar-reati; jirrikonoxxi wkoll, madankollu, li fil-preżent il-komunità internazzjonali tidher li ma għandhiex is-setgħa li żżomm il-ġellieda responsabbli għall-abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem;

12.    Jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-imsieħba internazzjonali biex jużaw il-mezzi kollha possibbli, inkluża assistenza militari xierqa, biex jgħinu lill-popli tas-Sirja u l-Iraq jiġġieldu t-theddida tal-IS;

13.    Jistieden biex l-embargo fuq l-armi tan-NU u l-iffriżar tal-assi jiġu infurzati b'mod iktar effettiv u biex ikunu msaħħa s-sanzjonijiet kontra negozjanti f'żejt estratt minn żoni kkontrollati mill-IS sabiex jiġu iwaqqfu l-flussi finanzjarji li jippermettu lill-IS jagħmlu negozju u jiffinanzjaw l-attivitajiet terroristiċi tagħhom;

14.    Jappoġġja lil dawk kollha li huma involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-IS u gruppi armati/terroristiċi oħra; jistieden ukoll lill-atturi u l-gvernijiet reġjonali kollha jikkooperaw bis-sħiħ fil-ġlieda kontra t-theddida tal-IS; jenfasizza li tali kooperazzjoni hija vitali għas-sigurtà tar-reġjun;

15.    Jemmen li għandhom jinżammu miftuħa l-għażliet kollha u li m'għandu jiġi eskluż xejn f'dak li jirrigwardja l-ġlieda kontra t-theddid ikkawżat mill-IS; jistieden ukoll lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u lil atturi internazzjonali oħra biex jaħdmu mill-qrib għall-ħolqien ta' reazzjoni urġenti u komprensiva għat-theddida tal-IS;

16.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta' mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, li ssieħbu fir-ribelljoni tal-IS; jappella wkoll għal kooperazzjoni internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwalunkwe individwu ssuspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu;

17.    Jilqa' l-ħelsien reċenti tal-belt Sirjana ta' Kobane mill-forzi tal-IS u jfaħħar il-qlubija tal-ġellieda Sirjani YPG megħjuna mill-forzi Kurdi Peshmerga u assistiti minn koalizzjoni internazzjonali ta' attakki mill-ajru;

18.    Jilqa' l-impenn reċenti tal-Ġordan biex iżid l-offensivi tiegħu kontra l-IS; jappella wkoll lill-koalizzjoni internazzjonali li qiegħda tiġġieled lill-IS biex ittejjeb il-missjonijiet ta' tiftix u salvataġġ tagħha tal-bdoti mitlufa biex timpedixxi aktar ħtif mill-IS;

19.    Jinsab ferm konvint li l-ġlieda kontra l-IS fl-Iraq biss mhux se tkun biżżejjed biex jiġu megħluba l-estremisti;

20.    Jitlob sabiex il-kampanja mill-ajru kontra l-IS tiġi estiża għas-Sirja, u b'mod partikolari fiż-żona f'Raqqa u madwarha;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Lega Għarbija u lill-Gvern tal-Iraq.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

Avviż legali - Politika tal-privatezza