Proċedura : 2015/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0141/2015

Testi mressqa :

B8-0141/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2015 - 4.6
CRE 12/02/2015 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 224k
9.2.2015
PE549.934v01-00
 
B8-0141/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))


Javier Couso Permuy, Marisa Matias, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Sofia Sakorafa, Sabine Lösing f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))  
B8‑0141/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, u b'mod partikolari dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u l-offensiva tal-IS(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU Nru S-22/1 tal-1 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa fl-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant u l-gruppi assoċjati,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew u b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi ISIL/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq u tal-15 ta' Diċembru 2014 dwar is-Sirja, l-Iraq u t-theddida mill-ISIL,

–       wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tat-2 ta' Frar 2015 bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Mibgħut Speċjali tan-NU fis-Sirja, Staffan de Mistura,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq kompliet tiddeterjora mill-2003 wara l-invażjoni tal-Istati Uniti; billi attwalment hemm 5,2 miljun ruħ spostati internament, u l-Iraq jospita wkoll 'il fuq minn 235 000 rifuġjat Sirjan; billi hemm 3.6 miljun ruħ li qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-IS, li 2,2 miljun minnhom huma fi ħtieġa urġenti ta' għajnuna, u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli; billi 'l fuq minn 150 000 rifuġjat vulnerabbli attwalment jgħixu f'pajjiżi ġirien, partikolarment it-Turkija, l-Ġordan u l-Libanu;

B.     billi wara erba' snin ta' kunflitt bi vjolenza estrema u brutalità bejn il-gvern u l-gruppi tal-oppożizzjoni fis-Sirja 'l fuq minn 200 000 ruħ mietu u 12,2 miljun ruħ jeħtieġu assistenza umanitarja; billi 7,6 miljun ruħ, nofshom tfal, huma spostati internament u 3,8 miljuni ħarbu lejn pajjiżi ġirien, partikolarmanent il-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija, l-Iraq u l-Eġittu;

C.     billi fid-29 ta' Ġunju 2014 l-IS ipproklama "kalifat" jew "Stat Iżlamiku" fit-territorji taħt il-kontroll tiegħu fl-Iraq u s-Sirja; billi l-mexxej tiegħu, Abu Bakr al-Baghdadi, ġie dikjarat kaliff; billi l-IS issa jikkontrolla terz mill-Iraq u s-Sirja b'popolazzjoni li tgħix f'art ta' 250 000 kilometru kwadru, u jixtieq jestendi l-"kalifat" tiegħu; billi l-karattru transnazzjonali tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, b'riżorsi finanzjarji sinifikanti, u madwar 200 000 ġellied skont uħud mis-sorsi, joħloq theddida għar-reġjun usa'; billi eluf ta' persuni barranin, inklużi ċittadini tal-UE, huma stmati li qed jiġġieldu fi ħdan dawn il-gruppi armati; billi l-qawmien tal-IS aggrava l-kriżi umanitarja, partikolarment permezz ta' spostament massiċċ ta' nies ċivili;

D.     billi l-IS qed jiġi akkużat min-NU li kkommetta "atroċitajiet tal-massa" u delitti tal-gwerra; billi ġie akkużat ukoll minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem b'tindif etniku ta' gruppi ta' minoranza fit-Tramuntana tal-Iraq;

E.     billi f'Awwissu 2014 l-Istati Uniti bdew iwettqu attakki mill-ajru u fil-mira kellhom l-IS fl-Iraq; billi fil-laqgħa tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014 ġiet iffurmata koalizzjoni "anti-IS", li awtorizzat attakki mill-ajru Franċiżi, Brittaniċi, Daniżi, Kanadiżi u Awstraljani; billi f'Novembru 2014 il-President Obama ħabbar l-irdoppjar tal-preżenza fuq l-art tal-forzi tal-Istati Uniti fl-Iraq; billi f'Diċembru 2014 il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tas-Senat tal-Istati Uniti awtorizza forza militari mill-Istati Uniti kontra l-IS; billi fil-15 ta' Jannar 2015 ġie rrappurtat li kienu twettqu 'l fuq minn 16 000 attakk fl-Iraq, u madwar 60 % minnhom mill-Forza tal-Ajru tal-Istati Uniti;

F.     billi l-attakki mill-ajru tal-Istati Uniti kontra l-IS bdew fis-Sirja fit-22 ta' Settembru 2014, appoġġjati mill-forzi tal-pajjiżi tal-Lega Għarbija bħall-Baħrejn, il-Ġordan, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda (EGħM); billi l-attakki mill-ajru mmexxija mill-Istati Uniti kontra l-IS u l-ġlied bejn gruppi tal-gvern u l-oppożizzjoni rriżultaw ukoll f’għadd kbir ta' mwiet u spostamenti;

G.     billi l-ġimgħa li għaddiet l-IS ġie furzat 'il barra mill-belt Kurda Sirjana, Kobane, mal-fruntiera Torka, minn forzi Kurdi appoġġjati minn attakki mill-ajru mill-Istati Uniti wara assedju ta' erba' xhur; billi forzi Kurdi reġgħu ħadu kontroll ta' madwar 50 raħal fl-inħawi;

H.     billi fl-24 ta' Diċembru 2014 fighter jet Ġordaniż twaqqa' fuq is-Sirja u l-pilota tiegħu, Muath Al-Kasabeh, inqabad; billi l-EGħM waqqfu l-missjonijiet ta' attakk mill-ajru fuq is-Sirja wara li l-jet Ġordaniż twaqqa'; billi filmat tal-eżekuzzjoni brutali tal-pilota, li ġie maħruq ħaj, ġie rilaxxat fit-3 ta' Frar 2015; billi l-Ġordan irreaġixxa bl-eżekuzzjoni ta' żewġ priġunieri, inkluż attakk suwiċida b'bomba li ma rnexxiex u billi wettaq aktar attakki mill-ajru fuq Mosul;

I.      billi fil-31 ta' Jannar 2015 l-IS irrilaxxa filmat li juri l-qtugħ tar-ras apparenti tal-ġurnalist Ġappuniż Kenji Goto, u billi ġimgħa qabel kien irrilaxxa filmat li juri l-qtil taċ-ċittadin Ġappuniż Haruna Yukawa;

J.      billi huwa maħsub li l-grupp qed iżomm tużżani ta' ostaġġi barranin; billi l-IS iddikjara li Kayle Muller, ħaddiem umanitarju żgħażugħ Amerikan li nħataf fit-Tramuntana tas-Sirja u li inizjalment ingħata "kundanna għall-għomru", inqatel f'attakk mill-ajru Ġordaniż;

K.     billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissjarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), l-IS stabbilixxa hekk imsejħa "qrati tax-xarija" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tiegħu, u kkommettew pieni krudili u inumani kontra rġiel, nisa u tfal;

L.     billi l-IS ippubblika filmat li fih jidhru żewġ irġiel li qed jintefgħu minn fuq bini għal isfel wara li ġew akkużati b'atti omosesswali minn hekk imsejħa qorti f’Mosul; billi ppostjat ukoll ritratti ta' żewġ irġiel qed jiġu msallba wara li ġew akkużati bi brigantaġġ u ta' mara tiġi mħaġġra sal-mewt, allegatament minħabba adulterju;

M.    billi skont rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, is-subien qed jitħarrġu bħala suldati tfal, il-bniet qed jiġu mibjugħa bħala skjavi tas-sess u mijiet ta' tfal oħra ġew ittorturati u ngħataw il-mewt mill-IS;

N.     billi rapporti jindikaw li mill-inqas tliet avukati nisa ngħataw il-mewt u erba' tobba reċentement inqatlu minħabba l-attivitajiet professjonali tagħhom; billi l-OHCHR huwa mistenni jippreżenta rapport li jiddokumenta vjolazzjonijiet mill-IS tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Marzu;

O.     billi l-IS attwalment huwa l-grupp terroristiku bl-ikbar riżorsi ekonomiċi, wara li kiseb sorsi ta' dħul sinifikanti billi ħa f'idejh bjar taż-żejt importanti fis-Sirja, billi seraq mill-banek u n-negozji fit-territorji li jikkontrolla, billi biegħ antikitajiet, minn riskatti għal każijiet ta' ħtif u minn fondi mqiegħda f'postijiet tal-kenn operazzjonali minn donaturi, partikolarment mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-EGħM; billi l-IS seraq ħafna tagħmir militari tal-Istati Uniti mill-militar Iraqi u jista' faċilment jixtri armi ta' kwalità għolja fi swieq internazzjonali tal-armi; billi reċentement ir-Russja ħabbret inizjattiva legalment vinkolanti fil-qafas tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tagħmel pressjoni fuq il-pajjiżi sabiex jaqtgħu l-fluss tal-flus lejn l-Istat Iżlamiku;

P.     billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntiera Iraq-Sirja li tirriżulta mill-kunflitt fiż-żewġ pajjiżi pprovdiet lill-IS b'opportunitajiet biex isaħħaħ il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi l-ex Segretarju Ġenerali tan-NU Kofi Annan fit-8 ta' Frar 2015 iddikjara li l-invażjoni tal-Iraq immexxija mill-Istati Uniti kienet żball u għenet biex jinħoloq l-IS, peress li "l-għan li tinħoloq demokrazija mingħajr l-istituzzjonijiet eżistenti ta lok għall-formazzjoni ta' gvernijiet settarji korrotti, il-pajjiż sar instabbli minn dak iż-żmien u dan kien irriżulta bħala art fertili perfetta biex jitkattru Musulmani Sunniti radikali, li ġew affiljati mal-Istat Iżlamiku";

Q.     billi l-invażjoni tal-Istati Uniti fl-Iraq fl-2003 ħalliet aktar minn miljun ruħ mejta u spostat 'il fuq minn 4 miljun Iraqi, li nofshom ħarbu lejn is-Sirja; billi l-Gvern Iraqi mwaqqaf wara l-invażjoni aġixxa b'tali mod li kkawża skuntentizza soċjali u estremiżmu reliġjuż, li ngħata spinta u ġie ffinanzjat fis-Sirja mis-setgħat tal-Punent li fittxew bidla fir-reġim; billi l-Qatar u l-Arabja Sawdija pprovdew armi lil gruppi ribelli Sunniti, u t-Turkija ppermettiet ġellieda Sunniti, inklużi ġiħadisti minn Al-Qaeda u l-IS, li jaqsmu l-fruntieri tagħha lejn is-Sirja;

R.     billi kummissjoni ta' inkjesta tan-NU li investigat allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja minn Marzu 2011 għandha evidenza li dawk fuq iż-żewġ naħat tal-kunflitt wettqu reati tal-gwerra, inkluż qtil, tortura, stupru u każijiet ta' għajbien furzat; billi ż-żewġ partijiet ġew ukoll akkużati li kkawżaw tbatija għal persuni ċivili, bħal pereżempju l-ibblukkar tal-aċċess għall-ikel, l-ilma u s-servizzi tas-saħħa, bħala metodu ta' gwerra;

S.     billi parti kbira mill-aktar minn nofs miljun rifuġjat Palestinjan irreġistrati fis-Sirja sfaw rifuġjati għat-tieni darba għaliex kellhom jaħarbu mill-kampjiet tar-rifuġjati u minn bliet fis-Sirja minħabba li gruppi militari daħlu fil-kampjiet u okkupawhom, bi ksur tan-newtralità tar-rifuġjati;

T.     billi l-qtil tal-pilota Ġordaniż ġie kkundannat minn bosta naħat mill-komunità internazzjonali, inkluż is-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, Nabil Al-Arabi, minn awtoritajiet ewlenin fl-Iżlam Sunnit bħal Sheikh Ahmed al-Tayeb, l-Imam il-Kbir tal-Università Al-Azhar fl-Eġittu, u mill-Hezbollah, li barra minn hekk talab diversi Stati fir-reġjun u fid-dinja biex jerġgħu jikkunsidraw politiki li jappoġġjaw gruppi terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq;

1.      Huwa estremament imħasseb dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà fl-Iraq u s-Sirja bħala riżultat tal-okkupazzjoni ta' partijiet sinifikanti tat-territorju tagħhom mill-IS; jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas gravi ta' fondi għall-Appelli tan-NU tal-2014, li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-assistenza tal-Programm Dinji tal-Ikel lir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, għalhekk, iżżid il-finanzjament u l-assistenza tagħha bi tweġiba għall-appelli li jmiss;

2.      Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa sabiex jgħinu lir-rifuġjati; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiġu pprovduti assistenza u għajnuna umanitarji lill-persuni kollha spostati minħabba l-offensiva tal-IS sabiex jiġi żgurat li l-bżonnijiet bażiċi jiġu sodisfatti u tittaffa t-tbatija kkawżata minn din il-vjolenza;

3.      Jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet jiftiehmu dwar waqfien għal raġunijiet umanitarji, waqfien mill-ġlied lokalizzat u armistizzji sabiex aġenziji umanitarji jkollhom aċċess sikur u mingħajr ostakli għaż-żoni kollha milquta tas-Sirja; ifakkar li l-metodu li bih persuni ċivili jbatu l-ġuħ bħala mezz ta' kombattiment huwa pprojbit mid-dritt umanitarju internazzjonali;

4.      Jikkundanna bil-qawwa kollha l-vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw minn atti terroristiċi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku kontra l-popli u l-istat Iraqi u dak Sirjan, li jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jitlob ir-rilaxx immedjat, mingħajr perikli u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha miżmuma bħala ostaġġi minn dan il-grupp terroristiku;

5.      Jenfasizza l-ħtieġa li dawk responsabbli għal tali vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali jew ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom permezz ta' mekkaniżmi xierqa; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli biex jipproteġu lill-persuni ċivili, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, li jeħtieġ li jiġi pprovdut aċċess sikur għal servizzi umanitarji u mediċi lill-popolazzjonijiet kollha milquta; itenni t-talba tiegħu li l-partijiet kollha jiddemilitarizzaw il-faċilitajiet mediċi, l-iskejjel u faċilitajiet ċivili oħra, jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni popolati, u jieqfu minn attakki diretti kontra miri ċivili;

6.      Iwissi kontra r-riskju li tinqabad it-triq tal-gwerra tar-reliġjonijiet; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-awtoritajiet Musulmani jiċħdu l-IS kemm bħala entità Iżlamika kif ukoll bħala stat u jikkundannawh, iqisu l-azzjonijiet tiegħu bħala vjolazzjonijiet tal-prinċipji tal-Iżlam u theddida għall-Iżlam u l-Musulmani madwar id-dinja; huwa konvint li l-istrateġija kontra t-terroriżmu ma tistax tiġi meqjusa bħala ġlieda bejn ċivilizzazzjonijiet jew reliġjonijiet li twassal għal preġudizzji razzisti u ksenofobiċi;

7.      Jilqa' l-liberazzjoni tal-belt ta' Kobane; jappoġġja l-istat Iraqi u dak Sirjan u l-forzi Kurdi fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu tal-IS; jenfasizza l-fatt li r-rispons tas-sigurtà jeħtieġ li jiġi kkombinat ma' soluzzjoni politika sostenibbli li tinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà f'kull każ u li tindirizza t-talbiet leġittimi tagħhom;

8.      Jistieden b'mod partikolari lill-Istati Membri nfushom u lill-pajjiżi tal-Punent biex ma jibqgħux jiffinanzjaw kwalunkwe milizzja u, b'mod partikolari, jieqfu milli jixtru ż-żejt li ġej minn bjar taż-żejt ikkontrollati mill-IS u ttrasportati bit-trakk mit-Turkija; billi t-Turkija ġiet użata wkoll bħala pjattaforma għal taħriġ militari ta' ġellieda destinati għas-Sirja; jemmen li huma meħtieġa mekkaniżmi biex jitwaqqaf il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' entitajiet lil hinn mill-kosta li jinvolvu stati u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi u x-xiri u l-bejgħ ta' riżorsi tal-enerġija u materja prima li minnhom jibbenefikaw gruppi terroristiċi;

9.      Huwa konvint li l-invażjoni tal-Iraq immexxija mill-Istati Uniti u l-indħil barrani fl-affarijiet interni tas-Sirja servew bħala kundizzjonijiet fertili li ppermettew il-ħolqien u l-firxa tal-IS; jiddeplora r-rwol b'mod partikolari tal-Istati Uniti, l-Istati Membri, l-Arabja Sawdija, il-Qatar, it-Turkija u l-Iżrael; ifakkar fir-responsabbiltà li dawk il-pajjiżi kellhom fil-promozzjoni ta' dan il-kunflitt u jistedinhom b'mod partikolari biex itaffu s-sofferenza ta' dawk milquta mill-vjolenza u biex jagħtu kenn lir-rifuġjati;

10.    Jenfasizza l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax minħabba l-kummerċ u l-provvista tal-armi; huwa kritiku ħafna tar-rwol li d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin żvolġew fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu, mhux jopponu, it-terroriżmu u għalhekk għandhom jiġu abbandunati;

11.    Itenni li fil-ġlieda kontra l-IS id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali għandhom jiġu rispettati; jistieden lill-Gvernijiet tal-Iraq u s-Sirja biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni lill-popli tal-pajjiżi tagħhom, inklużi l-aktar gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u n-nisa; ifakkar fl-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali relatati mal-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-professjonisti tal-midja u l-persunal assoċjat involuti f'missjonijiet professjonali perikolużi fiż-żoni ta' kunflitt armat; jitlob li tingħata protezzjoni speċjali lill-gruppi l-aktar vulnerabbli milquta mill-kunflitti, inklużi t-tfal, in-nisa, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità, kif ukoll minoranzi etniċi u reliġjużi jew persuni LGBTI;

12.    Jistieden lill-UE tiżgura appoġġ internazzjonali akbar għal numri dejjem jiżdiedu ta' rifuġjati li jissugraw ħajjithom f’dgħajjes miftuħa biex jaħarbu lejn l-Ewropa, u jitlob li dawn jingħataw asil u appoġġ;

13.    Huwa tal-fehma li l-prattiki terroristiċi ta' Iżlamisti radikali qed jintużaw bħala għodda biex idgħajfu l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u jipprevjenu l-eżistenza ta' kwalunkwe stat qawwi li jista' juża d-dħul fis-settur taż-żejt tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu;

14.    Jiċħad l-użu tal-kunċett tar-"responsabilità għall-protezzjoni", peress li jikser id-dritt internazzjonali u ma joffrix bażi legali xierqa sabiex jiġġustifika l-użu tal-forza unilaterali, f’ħafna każijiet bil-għan ta' bidla fir-reġim; jikkundanna r-rwol unilaterali ta' uffiċjal tal-pulizija globali li assumew stati b'saħħithom bħall-Istati Uniti jew in-NATO; jikkundanna wkoll l-hekk imsejħa attakki mill-ajru selettivi u l-introduzzjoni ta' truppi barranin fil-post; jikkundanna t-tentattiv tan-NATO li qed tipprova tissostitwixxi l-kompiti ta' paċifikazzjoni u stabbilizzazzjoni li jistgħu jiġu implimentati biss permezz ta' konsensus wiesa' fil-qafas tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal u żgħażagħ fl-Iraq u s-Sirja; ifakkar fil-bżonn li jiġu protetti b'mod partikolari t-tfal u n-nisa milquta minn kunflitt armat;

15.    Huwa konvint li tista' tinstab soluzzjoni biss permezz ta' koordinazzjoni mal-Gvern tal-Iraq u l-Gvern tas-Sirja sabiex jiġu meqruda l-kawżi tat-terroriżmu; jemmen li r-rispett sħiħ tal-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali ta' stati bħalma huma l-Iraq, is-Sirja u l-Libja, kif ukoll ir-rispett tal-karattru multikulturali u l-prinċipji demokratiċi fis-soċjetajiet tagħhom, jikkostitwixxu l-unika garanzija biex jiġi evitat it-tixrid tal-IS u aktar tbatija għall-popolazzjonijiet tagħhom;

16.    Jitlob li ssir konferenza internazzjonali dwar l-Iraq taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi ġirien fir-reġjun, sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-gruppi differenti kollha tal-Iraq u tippromwovi l-formazzjoni ta' gvern unit li jista' jtemm il-politiki vjolenti u settarji kollha fil-pajjiż;

17.    Jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU fis-Sirja biex jinkiseb pjan strateġiku ta' tnaqqis tal-vjolenza fis-Sirja bħala bażi għal proċess politiku usa'; jitlob, għalhekk, li tiġi organizzata konferenza ta’ paċi, li ġġib flimkien lill-atturi reġjonali, sabiex tiġi promossa soluzzjoni politika għall-kunflitt li tkun miftiehma mis-Sirjani; jinsisti li d-destin tas-Sirja jeħtieġ li jinżamm sod f'idejn il-poplu Sirjan; jenfasizza l-fatt li ma hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt; jopponi ruħu bil-qawwa kontra kull intervent militari barrani fis-Sirja, iżda madankollu jissottolinja l-ħtieġa li l-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu paċifiku u politiku; jistieden lill-partijiet kollha biex jaqblu dwar waqfien mill-ġlied immedjat bħala kundizzjoni għal involviment fi djalogu politiku inklużiv sabiex tinbeda r-rikonċiljazzjoni u wieħed jgħin biex jerġa' jkun hemm stabilità fil-pajjiż;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fl-Iraq, lill-Presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u lil-Lega tal-Istati Għarab.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

Avviż legali