Proċedura : 2015/2590(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0348/2015

Testi mressqa :

B8-0348/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2015 - 16.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0094

ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 121kWORD 57k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0342/2015
13.4.2015
PE555.100v01-00
 
B8-0348/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


f'għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (2015/2590(RSP))


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Angel Dzhambazki, Mark Demesmaeker, Bas Belder, Kosma Złotowski, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew f'għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (2015/2590(RSP))  
B8‑0000/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja tat-18 ta' Ġunju 1987(1),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni u l-Kastig għad-Delitt ta' Ġenoċidju,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu(2),

–       wara li kkunsidra r-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2013 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tas-17 ta' Marzu 2015 dwar l-għeluq ta' mitt sena mill-Ġenoċidju Armen,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi wieħed mill-fatturi ewlenin ta' motivazzjonijiet għal moviment ta' unifikazzjoni Ewropea huwa r-rieda li tiġi evitata r-rikorrenza ta' gwerrer u delitti kontra l-umanità fl-Ewropa;

B.     billi l-2015 jimmarka ċ-ċentinarju mill-Ġenoċidju Armen imwettaq fl-Imperu Ottoman, li rriżulta fid-deportazzjoni ta' kważi 2 miljun Armen, li 1.5 miljun minnhom inqatlu;

C.     billi, flimkien mal-Armeni Ottomani, l-Ottomani Pontiċi, Griegi, Assirjani, Jażidi, u minoritajiet etniċi u reliġjużi oħra kienu hemm wkoll vittmi ta' din il-politika ta' esterminazzjoni;

D.     billi l-Parlament Ewropew irrikonoxxa fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 li l-massakri tal-Armeni li seħħew fis-snin 1915 sal-1923 jammontaw għal ġenoċidju fit-tifsira tal-Konvenzjoni għall-Prevenzjoni u l-Kastig għad-Delitt ta' Ġenoċidju;

E.     billi ħafna pajjiżi oħra rrikonoxxew u kkundannaw il-Ġenoċidju Armen, inklużi l-Belġju, il-Kanada, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja; billi sal-lum, it-Turkija rrifjutat li tagħmel dan;

F.     billi l-Ġenoċidju Armen għandu importanza ikbar fil-kuntest tal-kommemorazzjonijiet taċ-ċentinarju mill-Ewwel Gwerra Dinjija;

1.      Jingħaqad fil-kommemorazzjoni taċ-ċentenarju mill-Ġenoċidju Armen fi spirtu ta' fratellanza Ewropea, solidarjetà u ġustizzja;

2.      Isostni li ċaħdiet ta' ġenoċidju u delitti oħra kontra l-umanità, kif ukoll atti ta' razziżmu, ksenofobija u mibegħda reliġjuża, jikkostitwixxu ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għalhekk għandhom jiġu kkundannati;

3.      Jilqa' r-rikonoxximent tal-Ġenoċidju Armen minn għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri tal-UE, tal-Parlamenti nazzjonali tagħhom u ta' pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jirrikonoxxu dan il-fatt u, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, jikkontribwixxi għall-għarfien minn membri tal-komunità internazzjonali; itenni t-talba tiegħu biex it-Turkija tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen;

4.      Jenfasizza l-importanza li jittieħdu l-miżuri leġiżlattivi neċessarji biex jipprevjenu ċ-ċaħda tal-Ġenoċidju Armen;

5.      Jipproponi li jiġi stabbilit jum Ewropew ta' tifkira tal-Ġenoċidju, bil-għan li jerġa' jitfakkar id-dritt tal-popli kollha u tan-nazzjonijiet kollha madwar id-dinja għall-paċi u d-dinjità;

6.      Jagħti ġieħ lill-memorja tal-vittmi innoċenti tal-ġenoċidji u tad-delitti kontra l-umanità kollha;

7.      Jistieden lit-Turkija tirrispetta u timplimenta bis-sħiħ l-obbligi legali tagħha, inklużi dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, li jagħmlu bona fide, inventarju integrat tal-wirt kulturali tal-Armenja u ta' wirt kulturali ieħor meqrud jew irrovinat fl-aħħar mitt sena;

8.      Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President u lill-Parlament tal-Armenja u lill-President u lill-Parlament tat-Turkija.

 

(1)

ĠU C 190, 20.7.1987, p. 119.

(2)

ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 25.

(3)

ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 163.

Avviż legali