Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0363/2015

Testi mressqa :

B8-0363/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.66
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0175

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kWORD 62k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0363/2015
27.4.2015
PE555.137v01-00
 
B8-0363/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx (2015/2589(RSP))


Charles Tannock, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt ta' Sostenibbiltà tal-Bangladexx (2015/2589(RSP))  
B8‑0363/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-ILO wara t-tiġrif tal-bini Rana Plaza, u b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-missjoni ta’ livell għoli tal-ILO fil-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Novembru 2013 rigward kumpens għal dawk affettwati,

–       wara li kkunsidra l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini,

–       wara li kkunsidra l-Patt dwar is-Sostenibbiltà tat-8 ta' Lulju 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Andor dwar il-laqgħa ta’ segwitu tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 23(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-24 ta' April 2013 il-bini ta’ tmien sulari Rana Plaza, ġewwa Savar, qrib Daka, iġġarraf u ħalla aktar minn 1 100 ruħ mejta u madwar 2 500 ruħ midruba;

B.     billi t-tiġrif tal-bini Rana Plaza kienet l-agħar diżastru industrijali li qatt seħħ fil-Bangladexx u l-aktar falliment strutturali aċċidentali qerriedi fl-istorja moderna;

C.     billi fil-Bangladexx hemm aktar minn 5 000 fabbrika tat-tessuti, li jimpjegaw madwar 4 miljun ruħ; billi s-suq Ewropew huwa l-akbar destinazzjoni tal-esportazzjoni għall-ilbies u l-prodotti tat-tessuti mill-Bangladexx;

D.     billi l-industrija tal-ilbies lest għamlet kontribuzzjoni pożittiva għall-iżvilupp ekonomiku u għal dħul ogħla, u kellha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-abilitazzjoni tan-nisa;

E.     billi, fit-8 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni, flimkien mal-Gvern tal-Bangladexx u l-ILO, varat il-Patt dwar is-Sostenibbiltà, intiż biex itejjeb il-kundizzjonijiet għall-ħaddiema fil-fabbriki tal-ilbies fil-Bangladexx;

F.     billi l-Patt jistabbilixxi sensiela ta' impenji konkreti li għandu jwettaqhom il-Gvern tal-Bangladexx;

G.     billi s-sħab fil-Patt iltaqgħu fi Brussell fl-20 ta' Ottubru 2014 biex jikkunsidraw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Patt;

H.     billi l-Kummissjoni mistennija twettaq rieżami tal-Patt qabel tmiem l-2015;

1.      Għadu profondament imnikket u xxukkjat mill-ġrajjiet fir-Rana Plaza, mill-enormità tat-traġedja u l-ħerba li kkawżat, u jerġa' jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta’ dawk li mietu kif ukoll lil dawk li sfaw midruba fid-diżastru;

2.      Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex ikompli jiżgura li dawk kollha responsabbli għad-diżastru ssirilhom prosekuzzjoni għall-ħtija tagħhom;

3.      Iqis li huwa inaċċettabbli li, sentejn wara l-ġrajja, xi familji għadhom qed jistennew għall-kumpens dovut lilhom mit-Trust Fund tad-Donaturi; jitlob li dawk li qablu li jħallsu kumpens jagħmlu dan b’effett immedjat;

4.      Iqis li l-Patt dwar is-Sostenibbiltà huwa element essenzjali fit-titjib mhux biss tas-saħħa u s-sikurezza fil-fabbriki, iżda tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies kollha kemm hi;

5.      Jirrimarka li, mindu seħħ id-diżastru traġiku tar-Rana Plazau l-bidu tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà ma sarx ħafna progress fil-Bangladexx, u jfaħħar il-ħeffa li biha l-gvern ħadem biex jimplimenta l-impenji maqbula tiegħu;

6.      Jilqa’, b’mod partikolari, dan li ġej:

–    l-adozzjoni tal-emendi għal-liġi tax-xogħol li tkompli ssaħħaħ id-drittijiet fundamentali fl-oqsma tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema;

–    il-ħidma kontinwa biex jiġi żgurat li l-libertajiet tal-ħaddiema f’żoni ta’ pproċessar għall-esportazzjoni (“EPZs”) jittejbu;

–    l-adozzjoni ta’ politika nazzjonali dwar is-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll standards unifikati għal spezzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza fil-fabbriki kollha;

–    iż-żieda fl-għadd u l-frekwenza ta’ spezzjonijiet fil-fabbriki;

–    l-għeluq ta’ fabbriki li naqsu milli jissodisfaw l-istandards ta’ sikurezza;

–    iż-żieda fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ spetturi tas-sikurezza kwalifikati, fi sħubija mal-ILO;

–    il-ħolqien ta’ bażi tad-data pubblika għar-rappurtar fuq spezzjonijiet tax-xogħol, tas-sikurezza kontra n-nirien u tas-sikurezza tal-bini;

7.      Jirrikonoxxi, madankollu, li jrid isir aktar progress biex il-Patt jiġi implimentat bis-sħiħ, u jappella lis-sħab kollha fil-Patt, inkluż il-Gvern tal-Bangladexx, biex jaħdmu malajr u bla dewmien ħalli jtejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza fl-industrija fl-iqsar żmien possibbli, inklużi dawn li ġejjin:

–    l-ikkompletar tal-valutazzjonijiet strutturali u tas-sikurezza kontra n-nirien fil-fabbriki tal-ilbies kollha li huma attivi u orjentati lejn l-esportazzjoni, kif ukoll it-titjib tal-bażi tad-data pubblika ta’ spezzjonijiet, konformità ma’ azzjonijiet korrettivi u l-għeluq tal-fabbriki mhux sikuri;

–    aktar reklutaġġ u taħriġ ta’ spetturi tal-fabbriki li huma mħarrġa fuq standard uniku, u fuq proċeduri operattivi armonizzati;

–    aktar tibdil fil-Liġi tax-Xogħol u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tagħha, kif meħtieġ, u aktar s-sorveljanza mill-gvern biex jiġi żgurat li l-libertajiet legali jiġu implimentati u rrispettati, bil-possibbiltà ta’ rimedju f’każ ta’ ksur;

–    l-iżgurar li l-ħaddiema f’EPZs igawdu mill-istess libertajiet legali fundamentali u mill-istandards tas-sikurezza bħall-bqija tal-ħaddiema fil-Bangladexx;

–    fi sħubija ma’ donaturi u mal-ILO, l-issuktar ta' ħidma għall-bini ta' kapaċità adegwata b'tali mod li jkun żgurat li kull titjib jinżamm fit-tul;

8.      Jilqa’, b’mod parallel mal-Patt, il-fatt li l-Gvern tal-Bangladexx għolla l-paga minima b'mod sinifikanti mill-1 ta' Diċembru 2013;

9.      Jilqa’ b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni ulterjuri ta’ inizjattivi tas-settur privat intiżi biex itejbu s-sitwazzjoni fl-industrija tal-ilbies lest;

10.    Itenni l-appoġġ ulterjuri tiegħu għall-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini, li wassal għall-ispezzjoni ta’ aktar minn 1 110 fabbrika u għall-finalizzazzjoni ta’ aktar minn 400 pjan ta’ azzjoni korrettiva (CAPs); jistieden lill-partijiet interessati kollha involuti biex jiżguraw li dawn il-CAPs jiġu implimentati b’mod sħiħ u korrett;

11.    Jitlob monitoraġġ ulterjuri u bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà u għal assistenza kontinwa lill-Gvern tal-Bangladexx minn sħab u donaturi;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern, lill-Parlament u lill-Ministeru għall-Intern tal-Bangladexx, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.

Avviż legali