Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0367/2015

Testi mressqa :

B8-0367/2015

Dibattiti :

PV 29/04/2015 - 3
CRE 29/04/2015 - 3

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.67
CRE 29/04/2015 - 10.67
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0176

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 137kWORD 208k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0367/2015
27.4.2015
PE555.141v01-00
 
B8-0367/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-aħħar traġedji ta' vapuri ta' migranti fil-Mediterran (2015/2660 (RSP))


Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Elissavet Vozemberg, Elmar Brok, Michèle Alliot-Marie, Rachida Dati, Davor Ivo Stier, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Barbara Matera, Alessandra Mussolini, Ivo Belet, Daniel Buda, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Elisabetta Gardini, Lara Comi, Dubravka Šuica, Fernando Ruas, Massimiliano Salini, Lorenzo Cesa, Emil Radev, Ivana Maletić, Andrej Plenković f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar traġedji ta' vapuri ta' migranti fil-Mediterran (2015/2660 (RSP))  
B8‑0367/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa(1),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(2),

_       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni fuq għaxar punti dwar il-migrazzjoni tal-Kunsill Konġunt tal-Affarijiet Barranin u Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

_       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit speċjali tal-Kunsill tal-UE dwar il-kriżi tar-refuġjati fil-Mediterran tat-22 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), b'dawn l-aħħar traġedji, 'il fuq minn 1 500 persuna mietu fil-Baħar Mediterran sa mill-bidu ta' din is-sena, u billi dan jindika għal darb'oħra l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli biex isalvaw il-ħajjiet tal-persuni li jinsabu fil-perikolu fuq il-baħar;

B.     billi madwar 700 migrant huma nieqsa u maħsuba mgħarrqa wara li d-dgħajsa tas-sajd tal-injam li fuqha kienu mgħaffġin nqalbet qrib il-Libja hekk kif bastiment merkantili Portugiż kien dirett lejhom biex jagħtihom l-għajnuna tard is-Sibt 18 ta' April; billi kien irrapurtat li wieħed mis-superstiti informa lill-awtoritajiet Taljani li seta’ kien hemm sa 950 persuna abbord;

C.     billi traġedja simili seħħet aktar kmieni dan ix-xahar, fejn kien irrapurtat li 400 migrant kienu tilfu ħajjithom fuq il-baħar meta inqalbet dgħajsa tas-sajd tal-injam b'madwar 550 persuna abbord; billi superstiti mill-għarqa tal-vapur irrappurtaw li l-bastiment inqaleb hekk kif il-persuni bdew jiċċaqilqu hekk kif raw vapur tas-salvataġġ riesaq lejhom; billi hu kkalkolat li terz tal-passiġġieri abbord kienu nisa u tfal li fil-mument tal-għarqa kienu jinsabu fl-istiva tal-bastiment;

D.     billi l-forzi marittimi Taljani, il-Gwardja tal-Kosta Taljana, il-qawwa Navali Taljana u bosta bastimenti kummerċjali wettqu operazzjonijiet bla heda biex isalvaw lill-migranti fil-perikolu fuq il-baħar Mediterran, u salvaw madwar 10 000 migrant f'sitt ijiem mill-Ġimgħa, 10 ta' April sal-Ħamis 16 ta' April 2015; billi skont il-kalkoli tal-IOM, sat-Tnejn, 20 ta' April, l-għadd totali ta' migranti li laħqu l-kosta Taljana sa mill-1 ta' Jannar kien ta' 23 918;

E.     billi, fil-Greċja, li tifforma parti mill-punt tad-dħul tan-nofsinhar (southern gateway) għal migranti mhux dokumentati u għal dawk li jfittxu l-asil mill-Afrika u mill-Asja, l-għadd totali ta' immigranti salvati mill-Baħar Eġew mill-Gwardja Kostali tal-Greċja fl-ewwel trimestru tal-2015 kien ta' 10 445; Billi, barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Griegi, il-Gwardja Kostali Griega salvat 1 047 migrant fil-perikolu fil-weekend tat-18 u d-19 ta' April biss;

F.     billi l-Operazzjoni Konġunta "Triton" koordinata mill-Frontex, saret operattiva bis-sħiħ fl-1 ta’ Novembru 2014;

G.     billi aktar minn 24 400 migrant irregolari kienu salvati fuq it-traġitt tal-Mediterran ċentrali sa mit-tnedija tal-Operazzjoni Konġunta "Triton" f'Novembru 2014, inkluż kważi 7 860 bil-parteċipazzjoni tal-assi kofinanzjanti mill-Frontex;

H.     billi l-maġġoranza tal-migranti li deħlin jidhru li huma mill-Afrika sub-Saħarjana, l-Eritrea, is-Somalja u s-Sirja u kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, salvati f’ibħra internazzjonali skont l-IOM;

I.      billi l-migranti kkonfermaw li kienu ġew miġbura minn kuntrabandisti fil-Libja fl-hekk imsejħa "djar ta' konnessjoni" (connection houses) u li kellhom jistennew hemmehekk għal madwar xahar; billi, skont l-IOM, huma rrapurtaw li kienu soġġetti b'mod sistematiku għall-vjolenza u l-abbuż mill-kuntrabandisti;

J.      billi l-kuntrabandisti u t-traffikaneti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u billi dawn in-netwerks jipperikolaw il-ħajjiet tal-migranti għall-gwadann finanzjarju tagħhom, u huma responsabbli għal eluf ta' mwiet u jirrappreżentaw sfida serja għall-UE u għall-Istati Membri;

K.     billi n-netwerks tal-kuntrabandisti joperaw b'impunità totali mit-territorji ta' pajjiżi terzi, u jiġġeneraw madwar EUR 20 biljun fis-sena fi profitti mill-attivitajiet kriminali tagħhom;

L.     billi l-uffiċjali tal-Frontex u t-timijiet ta' salvataġġ irrappurtaw li, darbtejn din is-sena ġara li l-kuntrabandisti armati urew l-approċċ bla ħniena u kriminali tagħhom meta sparaw bosta tiri tul l-operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-Mediterran ċentrali biex jirkupraw il-bastimenti vojta wara li l-immigranti li kienu qegħdin iġorru kienu salvati madwar 60 mil 'il bogħod mil-Libja;

M.    billi skont il-Europol, il-gruppi kriminali organizzati li qegħdin jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport tal-migranti irregolari fil-baħar Mediterran, kellhom rabta mat-traffikar tal-bniedem, drogi, armi tan-nar u t-terroriżmu;

N.     billi fis-17 ta' Marzu 2015 il-Europol nediet it-Tim Operattiv Konġunt tagħha "Mare" biex tiġġieled kontra l-gruppi kriminali organizzati li qegħdin jiffaċilitaw il-qsim tal-migranti tal-Baħar Mediterran lejn l-UE bil-vapur;

O.     billi l-instabilità fil-Libja tipprovdi l-ambjent ideali għall-attivitajiet kriminali tat-traffikanti u tal-kuntrabandisti;

P.     billi l-espansjoni rapida tal-IS u tad-Daesh fiż-żoni ta' kunflitt tal-viċinat, fl-aħħar mill-aħħar se tħalli impatt fuq l-influss tal-massa tal-migranti tal-flussi tal-persuni spostati;

1.      Jiddispjaċih għall-imwiet traġiċi ripetuti fil-Mediterran; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli ħalli jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw li l-obbligi ta' riċerka u ta' salvataġġ jitwettqu b'effikaċja u għalhekk jiġu ffinanzjati u mgħammra b'persunal b'mod adegwat fuq il-perjodu ta' żmien qasir, medju u fit-tul, bil-koordinament tal-Frontex;

2.      Itenni l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-kondiviżjoni ġusta ta’ responsabbiltà u solidarjetà għal dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ogħla numru ta’ refuġjati u ta' persuni li jfittxu l-asil f’termini assoluti jew f'termini proporzjonali; jistieden lill-Istati Membri jistandardizzaw il-kondizzjonijiet legali, finanzjarji u ta' akkoljenza;

3.      Jikkunsidra l-bżonn li l-politika tal-fruntieri tal-UE u tas-sigurtà tissaħħaħ b'mod immedjat u biex jitjieb il-funzjonament tal-Frontex u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO); jistieden lill-Istati Membri jkomplu juru solidarjetà u impenn billi jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġits u l-operat ta' dawn l-aġenziji; jimpenja ruħu li jipprovdi lil dawn l-aġenziji bir-riżorsi (umani u ta' tagħmir) meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom permezz tal-baġit tal-UE u tal-fondi rilevanti tagħha;

4.      Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw aktar il-possibilità ta' operazzjoni navali militari tal-UE u tan-NU 'l barra mill-kosta tal-Libja sabiex jinġieb fi tmiemu t-traffikar tal-bnedmin, jitkissru n-netwerks tal-kuntrabandisti u sabiex fl-aħħar mill-aħħar jiġu salvati l-ħajjiet; iqis li din l-operazzjoni għandha tippermetti wkoll il-ħtif sistematiku u l-qerda tal-bastimenti kollha wżati mill-kuntrabandisti;

5.      Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali qawwija kontra t-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u wkoll kontra individwi jew gruppi li jisfruttaw lill-migranti vulnerabbli fl-UE;

6.      Jitlob lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol, il-Frontex, l-EASO u l-Eurojust fil-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u tan-netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti u biex jinstab u jiġi ntraċċat il-finanzjament tagħhom; jenfasizza l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, partikolarment dawk madwar il-Libja, hi indispensabbli jekk dawn in-netwerks kriminali għandhom jitkissru b'suċċess;

7.      Jilqa' t-Tim Operattiv Konġunt "Mare" li tneda mill-Europol biex jiġġieled kontra n-netwerks ta' kriminalità organizzata u tal-kuntrabandisti li jabbużaw mill-vulnerabilità tal-migranti;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni taġġusta s-sistema tal-asil eżistenti bil-ħolqien ta' kwota obbligatorja għad-distribuzzjoni ta' dawk li jfittxu l-asil fost it-28 Stat Membru darba li jinqabeż livell limitu ċar minn Stat Membru, abbażi ta' kriterji speċifiċi;

9.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi kollha mmexxija min-NU u għall-attivitajiet diplomatiċi intiżi biex jistabbilixxu mill-ġdid l-awtorità tal-gvern fil-Libja, u l-impenn tagħha biex iżżid l-isforzi tagħha biex tindirizza l-konflitti u l-instabbiltà fil-Libja u s-Sirja bħala fatturi ta’ spinta ewlenin tal-migrazzjoni;

10.    Jitlob koordinament aktar mill-qrib tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE, li jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha u b’mod partikolari l-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, il-politika tal-iżvilupp u l-politika dwar il-migrazzjoni; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi sħab fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika biex jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, is-sigurtà u l-prosperità;

11.    Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi primarji ta’ vjolenza u ta' sottożvilupp fil-pajjiżi ta’ oriġini sabiex jitwaqqaf il-fluss ta’ refuġjati u migranti ekonomiċi; jinnota, f'dan il-kuntest, li t-tisħiħ sinifikanti tal-istrutturi ta' governanza bil-bini ta' istituzzjonijeit pubbliċi effikaċi u inklussivi, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni endemika fil-livelli kollha, kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ta' demokrazija ulterjuri, għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin għall-gvernijiet kollha fil-pajjiżi tal-oriġni; jappoġġja bil-qawwa l-għażla tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali bħala setturi fokali ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-pajjiżi ta’ oriġini;

12.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi, inkluż fl-Afrika Sub-Saħarjana, it-Tramuntana tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, titfassal mill-ġdid fejn xieraq; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, u jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni tinforma l-popolazzjonijiet f'pajjiżi terzi, partikolarment fir-reġjun MENA, dwar ir-riskji u l-perikoli kkawżati min-netwerks ta' migrazzjoni illegali;

14.    Jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni mat-Turkija għandha tkun ta' prijorità fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bniedem u l-kuntrabandu;

15.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà ta' proċessar rapidu flimkien ma' pajjiżi terzi ta' tranżitu u oriġini, u ta' ritorn għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-asil u l-protezzjoni fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod għal dawk li jirrikjedu l-protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu l-politiki ta' ritorn volontarju filwaqt li tkun garantita l-protezzjoni tad-drittijiet għall-migranti kollha u jkun żgurat aċċess sigur u legali għas-sistema tal-ażil tal-UE;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0448.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0105.

Avviż legali