Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0376/2015

Testi mressqa :

B8-0376/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.66
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0175

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kWORD 66k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0363/2015
27.4.2015
PE555.150v01-00
 
B8-0376/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u s-sitwazzjoni attwali tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà (2015/2589(RSP))


Catherine Bearder, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Frédérique Ries, Louis Michel, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Gérard Deprez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Petras Auštrevičius, Robert Rochefort, Hilde Vautmans, José Inácio Faria f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u s-sitwazzjoni attwali tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà (2015/2589(RSP))  
B8‑0376/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Jannar 2014(1), tal-21 ta' Novembru 2013(2) u tal-14 ta' Marzu 2013(3),

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida aġġornati tal-OECD tal-2011 għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fix-Xogħol,

–       wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Patt għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza fil-Fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u tax-Xogħol tal-Malja Lesti fil-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli biex jitħeġġeġ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u li ġew approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,

–       wara li kkunsidra l-Patt ta' Sostenibbiltà għal titjib kontinwu fid-drittijiet tax-xogħol u s-sikurezza fil-fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u tax-Xogħol tal-Malja Lesti fil-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-24 ta' April 2013 1134 ruħ mietu u mijiet oħra ndarbu meta l-bini Rana Plaza f'Savar, il-Bangladexx, iġġarraf;

B.     billi mill-inqas 112-il ruħ mietu fin-nirien fil-fabbrika ta' Tazreen, fid-distrett ta' Ashulia, f'Daka, il-Bangladexx, fl-24 ta' Novembru 2012 u 289 ruħ mietu f'nirien f'Karachi, il-Pakistan, f'Settembru 2012;

C.     billi mill-inqas sitt persuni mietu u aktar minn 60 ruħ indarbu wara li waqa' s-saqaf ta' fabbrika tas-siment parzjalment mibnija reċentement fil-Bangladexx;

D.     billi l-industrija tal-Ilbies Lest tal-Bangladexx kibret fuq medda ta' ftit deċennji biex saret it-tieni l-akbar waħda fid-dinja;

E.     billi bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Bangladexx jibbenefika minn aċċess bla dazju u bla kwota għas-suq tal-UE għall-prodotti kollha tiegħu skont l-inizjattiva 'Kollox ħlief Armi' (EBA), li tkopri 55 % tal-esportazzjonijiet tal-Bangladexx, li ħafna minnhom huma ħwejjeġ/tessuti;

F.     billi aktar minn 5 000 ruħ li huma dipendenti tal-persuni li mietu u superstiti tad-diżastru ta' Rana Plaza rċevew biss 40 % tal-kumpens li huwa dovut lilhom u filwaqt li hemm fis-seħħ arranġamenti biex jitħallsu 30 % oħra tat-talba totali tagħhom, il-pagament finali ma jistax isir minħabba n-nuqqas ta' USD 9 miljun tal-fondi meħtieġa;

G.     billi l-ILO qed tappoġġa l-inizjattiva nazzjonali tal-Gvern tal-Bangladexx biex isiru spezzjonijiet tas-sikurezza strutturali, elettrika u kontra n-nirien ta' madwar 1 800 fabbrika tal-ilbies lest, li ħafna minnhom huma bini kummerċjali jew residenzjali li jkun sarlu bidliet strutturali;

H.     billi l-Ftehim ta' Bangladexx dwar is-Sikurezza Kontra n-Nirien u tal-Bini u l-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiema tal-Bangladexx wettqu spezzjonijiet tal-1 687 fabbrika li l-kumpaniji membri tagħha jixtru mingħandhom;

I.      billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali se jkunu punt ewlieni fl-aġenda tal-Konferenza tal-ILO tal-2016;

1.      Jiddispjaċih li hemm nuqqas ta' USD 9 miljun mit-total meħtieġ biex jitħallas il-kumpens għad-diżastru ta' Rana Plaza; jistieden lid-ditti internazzjonali responsabbli, lill-Gvern tal-Bangladexx u lir-rappreżentanti tal-industrija tal-Bangladexx biex jieħdu passi immedjati biex jindirizzaw dan in-nuqqas;

2.      Jinnota li l-kumpens għan-nireien ta' Tazreen issa qed jiġi nnegozjat skont l-istess termini tal-ftehim dwar ir-Rana Plaza; jiddispjaċih ferm għad-dewmien kontinwu u jitlob li l-kumpens jingħata fi żmien debitu;

3.      Jiddispjaċih li s-superstiti u l-qraba tal-vittmi tan-nirien fatali fil-fabbrika tat-tessuti Ali Enterprises f'Karachi (il-Pakistan), li fihom mietu 260 ruħ, għadhom qed jistennew kumpens minn bejjiegħ bl-imnut tal-ħwejjeġ Ewropew ewlieni;

4.      Jilqa' l-passi li qed jittieħdu lejn l-istabbiliment ta' skema permanenti ta' assigurazzjoni għall-korrimenti fuq il-post tax-xogħol fil-Bangladexx u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa sforzi bħal dawn meta xieraq, madankollu jinnota li sakemm l-isforzi attwali ta' kumpens ma jagħtux frott, dan jibqa' ostaklu għall-progress f'dan il-qasam;

5.      Jistieden lill-gvernijiet tal-UE u lil partijiet interessati oħra biex jibdew jikkunsidraw oqfsa regolatorji mtejba li jiżguraw li l-aċċess għal rimedju u kumpens ikun ibbażat fuq il-bżonn u mhux fuq l-abilità tal-gruppi ta' pressjoni li jsemmu n-nies u jiskreditawhom;

6.      Jilqa' l-ispezzjonijiet fil-fabbriki li issa tlestew fil-Bangladexx u l-fatt li qed isiru tiswijiet f'bosta siti; jappoġġa l-ħidma importanti tal-ILO sabiex dan jiġi żgurat;

7.      Jilqa' l-impenji kbar li ttieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx biex jibni mill-ġdid id-Dipartiment tal-Ispezzjonijiet tal-Fabbriki u l-Istabbilimenti (DIFE) u t-titjib tas-servizz tal-ispezzjonijiet tiegħu f'Jannar 2014;

8.      Jinnota, madankollu, allegazzjonijiet ta' korruzzjoni endemika f'ħafna nazzjonijiet tan-Nofsinhar tal-Asja bejn l-ispetturi tas-saħħa u s-sikerezza u s-sidien tal-fabbriki tal-ħwejjeġ u jitlob li jsir aktar biex tali prattiki jiġu miġġielda;

9.      B'konformità mal-impenji fil-Patt, jitlob lill-Gvern tal-Bangladexx jadotta, mingħajr aktar dewmien u bl-ogħla prijorità, ir-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx, b'konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Konsultattiv Tripartitiku (TCC) u filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO;

10.    Jilqa' l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni dwar ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies; jemmen li l-UE għandha l-abilità u d-dmir li tkun mudell globali tar-responsabbiltà tal-katina tal-provvista;

11.    Jemmen li l-aċċess għall-informazzjoni fis-settur tal-ilbies ħafna drabi huwa l-akbar ostaklu għat-trattament ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-provvista globali u li tinħtieġ sistema ta' informazzjoni mandatorja li tipprovdi informazzjoni li tgħaqqad l-atturi kollha fil-katina tal-valur ta' prodott wieħed, mis-sit tal-produzzjoni sal-bejjiegħa bl-imnut;

12.    Iqis li leġiżlazzjoni ġdida tal-UE hija neċessarja biex jinħoloq obbligu ġuridiku ta' Diliġenza Dovuta korporattiva rigward id-Drittijiet tal-Bniedem għall-kumpaniji tal-ilbies tal-UE li jesternalizzaw il-produzzjoni lil pajjiżi terzi, inklużi miżuri vinkolanti biex jiġu żgurati t-traċċabilità u t-trasparenza permezz ta' leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fis-suq Ewropew jipprovdu informazzjoni dwar il-katina tal-provvista sħiħa tal-prodotti tagħhom, bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

13.    Jinnota r-rwol importanti li jistgħu jiżvolġu l-ħaddiema u s-sindakati, pereżempju l-iżvilupp kontinwu ta' kumitati għas-sikurezza mmexxija mill-ħaddiema fil-fabbriki kollha u l-importanza ta' aċċess għall-fabbriki għas-sindakati biex jedukaw lill-ħaddiema dwar kif jistgħu jipproteġu d-drittijiet u s-sikurezza tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jirrifjutaw xogħol mhux sikur;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u l-Parlament tal-Bangladexx.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0045.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0516.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0100.

Avviż legali