Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0377/2015

Testi mressqa :

B8-0377/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.67
CRE 29/04/2015 - 10.67
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 204k
27.4.2015
PE555.151v01-00
 
B8-0377/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew straordinarju (23 ta' April 2015), inklużi l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))


Laura Ferrara, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew straordinarju (23 ta' April 2015), inklużi l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil  (2015/2660(RSP))  
B8‑0377/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014(1) dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013(2) dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' refuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa(3),

–       wara li kkunsidra d-diskors mill-President tal-Parlament Ewropew matul iż-żjara tiegħu f'Lampedusa fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2014, biex ifakkar l-anniversarju tat-traġedja tat-3 ta' Ottubru 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar iż-żjarat mid-delegazzjonijiet tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011, fil-Ġordan fi Frar 2013 b'rabta mar-rifuġjati mis-Sirja, u fil-Bulgarija f'Jannar 2014 b'rabta mas-sitwazzjoni tal-persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati b'mod partikolari mis-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-dibattiti fis-sessjonijiet plenarji tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar il-politiki migratorji tal-UE fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa,

–       wara li kkunsidra d-dibattiti li saru, mill-bidu tal-leġiżlatura attwali, fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu fit-22 ta' Lulju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force għall-Mediterran; fl-4 ta' Settembru 2014 dwar l-attivitajiet tal-Frontex fil-Mediterran u dwar it-Task Force fil-Mediterran; fl-24 ta' Settembru dwar il-ħames rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-immigrazzjoni u l-asil (2013)(3) u dwar ir-rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni Ewropea (2013),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjni tal-Kummissjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran tal-4 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014, fejn iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operattiv għas-snin li ġejjin fi ħdan l-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja,

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni tal-11 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-teħid ta' azzjoni biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji, adottati fl-10 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport "Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran" ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE),

–       wara li kkunsidra r-rapporti annwali tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari r-rapport, ippubblikat f'April 2013, dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, u r-rapport, ippubblikat f'April 2014, dwar l-isfruttament ta' ħaddiema migranti,

–       wara li kkunsidra d-diskors mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku matul iż-żjara Tiegħu fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (O–000078/2014 – B8-0037/2014 u O-000079/2014 – B8-0038/2014),

–       wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-aħħar traġedja li seħħet 'il barra mill-kosta Libjana ħalliet tal-inqas 800 migrant mejta, b'ħafna oħrajn li baqgħu ma nstabux;

B.     billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, mill-2000 'l hawn mill-inqas 22 400 persuna huma stmati li tilfu ħajjithom fil-Mediterran huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa, b'hekk tikkwalifikah bħala l-aktar baħar qattiel fid-dinja għall-migranti, filwaqt li għal darba oħra tiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu u lejn il-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ fuq il-baħar;

C.     billi l-operazzjoni "Mare Nostrum" ta' pattuljar, salvataġġ u sorveljanza li nediet l-Italja saħħet l-attivitajiet ta' salvataġġ umanitarju fil-Mediterran, u salvat 150 810 migrant matul dawn l-aħħar 364 ġurnata tal-operazzjoni; billi kienet żbaljata l-ipotesi li l-waqfien tal-Mare Nostrum inaqqas l-għadd ta' migranti li jkunu lesti li jaqsmu l-Mediterran u jmutu waqt dan it-tentattiv;

D.     billi l-operazzjoni konġunta Triton koordinata mill-Frontex saret operattiva bis-sħiħ fl-1 ta' Novembru 2014; billi l-mandat jillimita l-operazzjoni għal pattuljar u kontroll tal-fruntieri, operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ huma għalhekk mhux parti minnha; billi Triton tkopri żona ta' attività ta' 30 mil biss minn frazzjoni tax-xtut Ewropej; billi Triton tillimita l-mezzi finanzjarji u tekniċi meta mqabbla mal-Mare Nostrum; billi, mingħajr ma jiġi modifikat il-mandat tagħha, il-fatt li se jittripla l-baġit ta' Triton, kif deċiż mill-Kunsill Ewropew nhar il-Ħamis, 23 ta' April 2015, mhux se jnaqqas l-għadd ta' migranti li jmutu fuq il-baħar;

E.     billi l-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà huma stipulati fl-Artikolu 80 TFUE;

1.      Jesprimi dieqa u dispjaċir kbir għall-imwiet traġiċi fil-Mediterran; ifakkar li s-solidarjetà tal-UE għandha timxi id f'id mar-responsabbiltà; ifakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tiġi indirizzata billi d-dinjità umana titpoġġa fil-qalba ta' kull analiżi u soluzzjoni possibbli;

2.      Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu aktar sabiex jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-prerogattiva tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar skont l-obbligi internazzjonali tagħhom; jitlob għall-istabbiliment ta' operazzjoni kbira ta' tiftix u salvataġġ minn Ċipru sa Spanja b'biżżejjed riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani, koordinata fil-livell tal-UE;

3.      Jitlob għall-adozzjoni ta' approċċ koordinat ibbażat fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà biex tinstab soluzzjoni Ewropea għal din il-kwistjoni strutturali kbira Ewropea – din is-soluzzjoni għandha tkun ibbażata fuq solidarjetà u qsim ġust ta' responsabbiltà, hekk kif previst fl-Artikolu 80 TFUE, u fuq approċċ olistiku li jqis id-dimensjonijiet kollha tal-kwistjoni, inklużi l-introduzzjoni ta' rotot ġodda ta' migrazzjoni sikuri u legali, viżi umanitarji, programmi obbligatorji ta' risistemazzjoni għall-Istati Membri, u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, li jista' jkollhom ukoll effetti pożittivi fuq is-sigurtà interna;

4.      Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jippermettu lill-persuni li jfittxu asil ikollhom aċċess għas-sistema tal-asil tal-Unjoni b'mod sikur u ġust u mhux jirriskjaw ħajjithom b'dan il-mod; jitlob għal assistenza umanitarja għas-superstiti ta' dawn il-ġrajjiet traġiċi, u jitlob li l-UE u l-Istati Membri jkunu impenjati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali universali tal-migranti;

5.      Jirrikonoxxi li bejn nofs miljun u miljun persuna jistgħu jippruvaw jaqsmu l-Mediterran fix-xhur li ġejjin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkunsidraw għażliet għall-organizzazzjoni ta' mekkaniżmu ta' emerġenza ta' rilokazzjoni u mekkaniżmu vinkolanti biex jitnaqqas il-piż minn fuq dawk l-Istati Membri li qed jirċievu numri akbar ta' persuni li jfittxu asil u benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, sabiex jindirizzaw b'mod xieraq dan il-mistenni fluss migratorju;

6.      Jitlob li l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jtemmu minnufih kwalunkwe prattika ta' detenzjoni li mhijiex xierqa jew estiża bi ksur tad-dritt internazzjonali u Ewropew; jirrimarka li l-miżuri biex migranti jiġu detenuti għandhom dejjem ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva, u għandhom ikunu sostanzjati kif dovut u temporanji;

7.      Jitlob għal kooperazzjoni aħjar u aktar effiċjenti bejn l-UE u pajjiżi terzi biex jevitaw repetizzjoni ta' ġrajjiet traġiċi oħra bħal dawn; iqis li ftehimiet bilaterali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom ikunu maħsubin biss jekk pajjiżi ta' tranżitu jiżguraw il-ħarsien tar-refuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jitlob għal assistenza għall-pajjiżi ta' tranżitu – u għall-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti – biex jiddiversifikaw u jtejbu l-ekonomiji tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa li pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar;

8.      Jitlob li l-UE tkompli toffri assistenza umanitarja, finanzjarja u politika fiż-żoni ta' kriżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani sabiex il-pressjonijiet umanitarji u migratorji jiġu indirizzati fl-għeruq kawżali tagħhom; jitlob li l-UE, għalhekk, tissorvelja d-distribuzzjoni ta' dawn il-fondi u tqawwi r-responsabbiltà demokratika fiha, sabiex dawn ir-riżorsi jħallu effetti pożittivi, li s'issa għad ma kienx hemm;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.

 

(1)

Testi Adottati, P8_TA(2014)0105.

(2)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0414.

(3)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0448.

Avviż legali