Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0378/2015

Testi mressqa :

B8-0378/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.67
CRE 29/04/2015 - 10.67
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0176

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 148kWORD 223k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0367/2015
27.4.2015
PE555.152v01-00
 
B8-0378/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew straordinarju (23 ta' April 2015) – L-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))


Ska Keller, Judith Sargentini, Bodil Ceballos, Eva Joly, Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Davor Škrlec, Ulrike Lunacek, Josep-Maria Terricabras, Ernest Urtasun f’isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew straordinarju (23 ta' April 2015) – L-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil  (2015/2660(RSP)  
B8‑0378/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(3),

–       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni b'10 punti propost mill-Kummissjoni qabel il-Kunsill Ewropew straordinarju tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata wara l-Kunsill Ewropew straordinarju tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Baħar Mediterran Ċentrali tal-UNHCR u l-proposti tal-UNHCR biex jindirizzaw il-wasliet attwali u futuri tal-persuni li jfittxu l-asil, ir-refuġjati u l-migranti fl-Ewropa,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-għarqa ta' aktar minn 800 persuna kienet l-agħar katastrofi fil-Mediterran mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u billi mill-inqas 1 500 migrant mietu mill-bidu tal-2015, b'ħafna oħrajn li baqgħu ma nstabux;

B.     billi mill-inqas 30 000 persuna mietu fil-baħar fl-aħħar għoxrin sena, u dan il-fatt jissottolinja l-ħtieġa li tittieħed azzjoni drastikament differenti u li jsir dak kollu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tal-persuni fir-riskju li jgħerqu u l-ħtieġa tal-Istati Membri li jaderixxu mal-obbligi tagħhom internazzjonali tas-salvataġġ fuq il-baħar;

C.     billi l-operazzjoni "Mare Nostrum" li varat l-Italja ta' pattuljar, salvataġġ u sorveljanza sabiex issaħħaħ l-attivitajiet ta' salvataġġ umanitarju fil-Mediterran salvat 150 810 migrant matul it-364 ġurnata tal-eżistenza tagħha; billi, madankollu, Stati Membri oħra ma kinux lesti jappoġġjaw l-isforzi tal-Italja biex issalva lin-nies; billi, b'konsegwenza ta' dan, il-Gvern Taljan temm l-operazzjoni Mare Nostrum;

D.     billi l-operazzjoni konġunta Triton, kkoordinata mill-FRONTEX, saret operattiva bis-sħiħ fl-1 ta' Novembru 2014; billi Triton għandha biss terz tal-ambitu ġeografiku ta' Mare Nostrum; billi ż-żona ta' operazzjoni ta' Triton tkopri biss 30 mil nawtiku 'il barra mill-kosta Taljana, filwaqt li Mare Nostrum kienet qiegħda topera f'ibħra miftuħa, ħafna eqreb tal-kosta Libjana; billi l-biċċa l-kbira tad-dgħajjes tar-refuġjati jsibu rwieħhom f'diffikultà qrib il-kosta Libjana; billi l-mandat ta' FRONTEX huwa li jwettaq sorveljanza fil-fruntieri u jipprevjeni migrazzjoni illegali, u għaldaqstant ma tkunx tista' twettaq tiftix u salvataġġ b'mod proattiv, imma biss bħala kompitu sekondarju fejn vapur jew bastiment ikunu f'diffikulta; jirrikonoxxi, madankollu, li l-assi ta' Triton intużaw għal tiftix u salvataġġ taħt il-koordinazzjoni taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni Taljan għat-Tiftix u s-Salvataġġ;

E.     billi l-possibbiltajiet għal persuni li jeħtieġu protezzjoni biex jidħlu fl-UE b'mod legali huma limitati ħafna; billi l-istimi jissuġġerixxu li 90 % ta’ dawk li jfittxu asil effettivament jidħlu fl-UE b’mod irregolari; billi l-għadd ta' viżi ta' Schengen mogħtija lil ċittadini Sirjani naqas b'mod drastiku matul il-gwerra tas-Sirja, minn 30 000 fl-2010 għal kważi xejn fl-2013; billi l-użu ta' viżi umanitarji huwa limitat ħafna fl-UE, b'nofs biss tal-Istati Membri kollha għandhom xi forma ta' viża umanitarja, li ġeneralment tingħata biss fuq bażi eċċezzjonali; billi l-Parlament ġeneralment jappoġġja l-użu tal-Proċeduri ta' Dħul Protett (PEPs); billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Programm ta' Stokkolma, il-Parlament, b'mod partikolari, stieden lill-Istati Membri "jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex ikun permess il-ħruġ ta’ viżi umanitarji"(4);

F.     billi, skont l-istimi tal-UNHCR, huwa stmat li l-pajjiżi ġirien tas-Sirja qegħdin jospitaw 3.9 miljun refuġjat Sirjan; billi l-Istati Membri tal-UE ħadu biss 37 000 refuġjat Sirjan permezz tal-programm dwar ir-risistemazzjoni tal-UNHCR, filwaqt li l-UNHCR qed titlob biex 10 % tar-refuġjati Sirjani jiġu risistemati (370 000) u, b'mod urġenti, qiegħda tħares għal mill-inqas 130 000 post ta' risistemazzjoni għar-refuġjati bi ħtiġijiet speċjali ta' protezzjoni; billi kważi nofs tal-Istati Membri (13) sa issa ma rrisistematizzawx refuġjat wieħed;

G.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jikkontribwixxu b'mod effikaċi għat-trawwim tan-negozju kriminali u perikoluż tat-traffikar tal-bnedmin billi jtellgħu ċnut u jkompli jissigillaw aktar il-fruntieri esterni tagħhom kontra l-migrazzjoni irregolari, mingħajr ma jipprovdu possibbiltajiet ta' aċċess legali;

H.     billi l-Istati Membri talbu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika mas-sħab Afrikani fil-livelli kollha biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-migrazzjoni illegali u jiġġieldu l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin; billi dwar il-marġini tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) tat-12 ta' Marzu 2015, il-ministri tal-intern ta' Franza, il-Ġermanja u Spanja, kif ukoll il-Kummissjoni, iddiskutew proposta mill-Ministru tal-Intern Taljan Angelino Alfano biex it-tiftix u s-salvtaġġ u l-kontroll tal-fruntieri tal-UE jiġu esternalizzati lil pajjiżi bħall-Eġittu jew it-Tuneżija, li imbagħad jieħdu l-migranti salvati lejn il-kosti tagħhom; billi din il-proposta timmira li tipproduċi "effett dissważiv reali", b'tali mod li jkun hemm inqas migranti li jkunu lesti li jpoġġu ħajjithom f'periklu biex jilħqu x-xtut tal-Ewropa; billi l-ministri tal-intern iddiskutew ukoll il-possibbiltajiet li jitwaqqfu kampijiet tar-refuġjati fit-Tramuntana tal-Afrika u li jiġu pproċessati applikazzjonijiet għall-asil f'dawk il-kampijiet;

I.      billi d-data tal-Eurostat tindika li ħames Stati Membri biss jieħdu tliet kwarti tar-refuġjati kollha fl-UE, u filwaqt li pajjiżi bħall-Italja, il-Greċja u Malta huma fil-limitu tal-kapaċitajiet tagħhom ta' akkoljenza;

1.      Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza u fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta' mwiet fil-baħar u fil-fruntieri fuq l-art tal-UE, għal bidla radikali tal-prijoritajiet tal-politiki tal-asil tal-UE, ħalli jiġu evitati aktar rati ta' mwiet, jiġi provdut aċċess sikur u legali lejn l-UE lil dawk li qed ifittxu protezzjoni, jiġi salvagwardjat id-dritt ta' applikazzjoni spontanja għall-asil fil-fruntieri esterni tal-Unjoni u tissaħħaħ is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għall-persuni li jfittxu asil;

2.      Hu diżappuntat mir-riżultat tal-laqgħa straordinarja li saret fuq is-suġġett tal-migrazzjoni mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta' April 2015, u jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas tal-kapijiet ta' stat u gvernijiet li jaqblu dwar miżuri li b'mod effikaċi jindirizzaw il-kawżi oriġinali tal-kriżi fil-Mediterran u jipprevenju aktar katastrofi;

3.      Jieħu nota tat-talba biex tiġi msaħħa b'mod mgħaġġel l-operazzjoni tal-UE Triton billi jiġi tripplat il-finanzjament għall-2015 u l-2016 u għaldaqstant tiġi permessa preżenza aktar prominenti ta' vapuri fil-Mediterran li jistgħu jkunu involuti f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ; jitlob li din iż-żieda tkun iddedikata biss għal tiftix u salvataġġ sabiex jiġu salvati l-ħajjiet; ifakkar, madankollu, il-mandat restrittiv ta' FRONTEX dwar il-prijorità tas-sorveljanza tal-fruntieri matul operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ u jiddispjaċih ħafna li l-Istati Membri ma setgħux jaqblu dwar li l-estensjoni taż-żona tal-operazzjoni ta' Triton eqreb lejn fejn il-biċċa l-kbira tad-dgħajjes tar-refuġjati effettivament jsibu rwieħhom f'diffikultà; jistieden għaldaqstant b'urġenza, lill-Istati Membri biex jimmodifikaw il-pjan operazzjonali ta' Triton ħalli jestendu ż-żona tal-operazzjoni tiegħu għall-ibħra miftuħa u jinkludu t-tiftix u s-salvataġġ;

4.      Jitlob li jkun hemm operazzjoni Ewropea ta' salvataġġ umanitarja robusta u permanenti li, bħal Mare Nostrum, topera fl-ibħra miftuħa u li għaliha jkunu jistgħu jikkontribwixxu l-Istati Membri kollha b'mod finanzjarju u b'tagħmir u assi; iħeġġeġ lill-UE tikkofinanzja tali operazzjoni, u jwissi lill-Kunsill u l-Kummissjoni li l-Parlament jista' jivvota kontra l-baġit tal-2016 fil-każ li ma jiġi provdut l-ebda finanzjament għat-tiftix u s-salvataġġ;

5.      Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' xi proposti sostanzjali fid-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew biex jiġi żgurat aċċess sikur u legali lejn l-UE kemm għall-persuni li jfittxu asil u l-migranti;

6.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jimblokkaw regoli komuni b'saħħithom dwar viżi umanitarji fin-negozjati attwali dwar il-Kodiċi dwar il-Viżi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti għall-ħruġ tal-viżi umanitarji fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari ħalli persuni li jeħtieġu protezzjoni jkunu jistgħu jidħlu fl-UE b'mod sikur, permezz ta' bastiment jew ajruplan minflok ma jpoġġu ħajjithom f'riskju fuq dgħajsa tat-traffikar mhux tajba għal fuq il-baħar;

7.      Jitlob li jitneħħew b'mod immedjat ir-rekwiżiti għal viża għar-refuġjati Sirjani; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw bis-serjetà japplikaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja; jirrimarka li jekk l-UE kellha tinvoka dik id-Direttiva fir-rigward tas-Sirja, is-Sirjani kollha jkunu jistgħu jingħataw permess ta' residenza għad-durata sħiħa tal-perjodu ta' protezzjoni, li jagħtihom l-awtorizzazzjoni ta' xogħol u l-aċċess għal akkomodazzjoni u trattament mediku; jisħaq li tali mekkaniżmu jista' wkoll jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrelokaw il-benefiċċjarji minn Stati Membri oħrajn fejn il-kapaċità ta' akkoljenza qiegħda fil-limiti tagħha; ifakkar li l-Parlament, fl-2013, kien diġà talab għall-mobilizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja biex tindirizza l-kriżi Sirjana;

8.      Jilqa' l-proġett pilota previst dwar ir-risistemazzjoni fl-UE kollha (flimkien mar-risistemazzjoni mill-Istati Membri individwali); jiddispjaċih, madankollu, għall-għan mingħajr ambizzjoni li jiġu risistemizzati biss 5 000 refuġjat Sirjan; ifakkar li l-UNHCR qiegħda tfittex għal mill-inqas 130 000 post ta' risistemazzjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli postijiet ta' risistemazzjoni, b'mod partikolari dawk l-Istati Membri li sa issa ma kkontribwixxewx għar-risistemazzjoni; jistaqsi lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal programm Ewropew ta' risistemazzjoni b'obbligi vinkolanti għall-Istati Membri ħalli jieħdu refuġjati skont formola ta' distribuzzjoni ġusta li tieħu kont tad-daqs tal-popolazzjoni u l-indikaturi ekonomiċi, kif ukoll in-numru ta' refuġjati li ttieħdu diġà;

9.      Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn possibbiltajiet ulterjuri sabiex jiżguraw aċċess sikur u legali lejn l-UE, bħal riunifikazzjoni tal-familja estiża, programmi ta' sponsorizzazzjoni privata, kif ukoll skemi ta' studju u xogħol għal migranti b'tali mod li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jilħqu s-sikurezza fl-Ewropa mingħajr ma jkollhom jirrikorru għal traffikanti kriminali u qsim perikoluż u irregolari tal-fruntiera u tal-baħar;

10.    Jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw aċċess sikur u legali għar-refuġjati kif ukoll għall-migranti u jirreferu l-finanzjament tal-UE minn miżuri restrittivi kontra l-immigrazzjoni, bħal bini ta' ċnut u ċentri ta' detenzjoni għal dan l-għan;

11.    Jinsab imħasseb ħafna dwar il-modi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi previsti mill-Kunsill Ewropew biex jipprevenju l-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissospendu b'mod immedjat il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u t-titjib tal-kontroll tal-fruntieri mal-pajjiżi terzi bħall-Eritrea u l-Eġittu, li effettivament qegħdin jagħtu lok biex jintbagħatu r-refuġjati, u jissospendu kwalunkwe għajnuna finanzjarja lil reġimi bħal dawn fid-dawl ta' rapporti tan-NU u tal-NGO dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob biex il-proċess ta' Kartum jiġi sostitwit minn proċess ibbażat fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien ħalli jindirizza l-kawżi oriġinali tal-migrazzjoni;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel eżami tal-politiki kollha li għandhom effetti esterni, bħall-kummerċ, is-sajd u l-agrikoltura, li jindirizzaw l-kawżi strutturali tal-flussi tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa, skont l-Artikolu 208 tat-TFUE;

14.    Jiċħad proposti mill-Istati Membri biex jistabbilixxu ċentri Ewropej tal-asil fil-pajjiżi terzi u biex jinvolvu l-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika fit-tiftix u s-salvataġġ Ewropew bil-għan li jinterċettaw refuġjati u jirritornawhom lejn il-kosti Afrikani; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi lill-Parlament b'evalwazzjoni tal-konformità ta' dawn il-proposti mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Ġinevra, u ta' kwalunkwe ostakolu prattiku u legali għall-implimentazzjoni tagħhom;

15.    Jiċħad l-idea mressqa mill-Kunsill Ewropew biex tinħoloq rabta bejn l-operazzjonijiet ċivili u militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) mal-politiki dwar il-migrazzjoni; jiċħad ukoll l-idea li tiġi varata b'mod immedjat operazzjoni tal-PSDK bil-għan li tuża forza militari kontra bastimenti użati mit-traffikanti; jistieden lill-Kunsill Ewropew u l-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex bħala l-ewwel pass, jippreżentaw kunċett politiku li jispjega, inter alia, kif tiġi żgurata konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika u d-dritt u n-normi Ewropej u internazzjonali, ħalli l-Karta tan-NU tiġi rispettata bis-sħiħ u kull ħsara għall-ħajjet iċ-ċivili u l-infrastruttura kostali jiġu evitati;

16.    Jiċħad, bl-istess mod, il-pjan li ssir rabta bejn il-kontrolli u l-monitoraġġ tal-fruntieri fuq l-art fit-Tuneżija, l-Eġittu, is-Sudan, il-Mali u n-Niġer u l-missjonijiet tal-PSDK għadejja bħalissa, peress li ħafna minn dawn il-missjonijiet żgħar għandhom mandat speċifiku ħafna li jiffoka fuq it-titjib tas-sigurtà f'pajjiżi mhux stabbli u li jikkontribwixxi għall-isforzi tal-ħolqien ta' paċi f'organizzazzjonijiet Afrikani u internazzjonali bħall-UA u n-NU; jemmen li l-UE għandha tipprijoritizza s-soluzzjoni ta' kunflitti li jwasslu għall-flussi tal-migrazzjoni minflok l-iffokar fuq id-deterrenza u l-immaniġġjar tal-konsegwenzi;

17.    Jisħaq li f'konformita mat-Trattat ta' Lisbona u l-Artikolu 43 tiegħu, l-UE tista' tuża l-kapaċitajiet navali tal-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-PSDK biex iżżid l-isforzi dwar il-kompiti umanitarji u ta' salvataġġ fil-Mediterran;

18.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli juża l-istrumenti tar-relazzjonijiet diplomatiċi u esterni kollha disponibbli biex jindirizzaw il-kawżi oriġinali tal-kriżijiet politiċi u l-kunflitti armati li qegħdin jisfurzaw il-miljuni jħallu djarhom;

19.    Jieħu nota tat-talba tal-Istati Membri għal azzjoni maljar fil-ġlieda kontra t-traffikar skont id-dritt internazzjonali; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiffokaw fuq il-ġlieda kontra t-traffikar permezz ta' kooperazzjoni mal-EUROPOL, il-FRONTEX, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-EUROJUST; ifakkar li l-ġlieda kontra t-traffikanti se taħdem biss b'mod effikaċi billi jiġu żgurat dħul sikur u legali u għaldaqstant jiġi sfumat fix-xejn in-negozju kriminali u brutali tagħhom;

20.    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jemendaw jew jeżaminaw kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jassistu lill-migranti li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar; jistieden lill-Kummissjoni teżamina d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, li tiddefinixxi s-sanzjonijiet f'każ ta' ffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati sabiex tikkjarifika li l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-migranti li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar huwa att tajjeb, u mhuwiex azzjoni li għandha xi darba twassal għal xi forma ta' sanzjoni;

21.    Huwa diżappuntat li l-Kunsill Ewropew ma setax jaqbel dwar programm biex jiġu rilokati r-refuġjati minn Stati Membri li jkunu fil-limiti tal-kapaċitajiet ta' akkoljenza bħall-Italja, il-Greċja jew Malta, għal Stati Membri oħra inqas esposti għal wasliet ta' refuġjati u migranti; jikkundanna r-riluttanza minn ħafna Stati Membri biex jaqsmu r-responsabbiltà billi jirrelokaw refuġjati minn partijiet oħra fl-UE, u jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw proposta ambizzjuża f'dan ir-rigward ibbażata fuq l-ittra u l-ispirtu tal-Artikoli 33 u 36 tar-Regolament ta' Dublin;

22.    Jieħu nota tal-eżami skedat dwar il-funzjonament tar-Regolament ta' Dublin fl-2016 u tad-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza li s-sistema ta' Dublin diġà se jsirilha eżami din is-sena; jistieden lill-Kummissjoni tesplora alternattivi lis-sistema attwali ta' Dublin li jkunu aktar ġusti kemm għall-Istati Membri u kemm għall-persuni li jfittxu asil; jissuġġerixxi li sistema li taħtha l-persuni li jfittxu l-asil jistgħu japplikaw għall-asil fi Stat Membru fejn diġà għandhom rabtiet familjari, komunitarji jew prospetti aħjar ta' impjieg itejbu b'mod sinifikanti l-prospetti tagħhom ta' integrazzjoni; barra minn hekk, din is-sistema se tnaqqas b'mod sinfikanti l-movimenti sekondarji irregolari fi ħdan l-UE, kif ukoll il-bżonn ta' miżuri koerċittivi bħad-detenzjoni ta' persuni li jfittxu asil bil-għan li jiġu trasferiti lura lejn l-Istat Membru responsabbli; jissuġġerixxi wkoll li tista' tintuża formola ta' distribuzzjon biex tiġi żviluppata allokazzjoni ġusta ta' finanzjament fost l-Istati Membri u biex jiġu allokati l-persuni li jfittxu asil li ma għandhom l-ebda raġuni soda jippreferu Stat Membru minn ieħor; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tippermetti r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet pożittivi dwar l-asil u t-trasferiment tal-istatus ta' protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-UE;

23.    Jistieden lill-Istati Membri biex għalissa jużaw b'mod effikaċi l-potenzjal sħiħ tar-Regolament ta' Dublin biex juru solidarjetà, inklużi l-klawżoli relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja u minorenni mhux akkumpanjati u l-klawżola diskrezzjonarja;

24.    Jilqa' t-talba għal traspożizzjoni rapida u sħiħa kif ukoll implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri parteċipi kollha;

25.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0414.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0448.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0105.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0276.

Avviż legali