Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0381/2015

Testi mressqa :

B8-0381/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.67
CRE 29/04/2015 - 10.67
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 155kWORD 222k
27.4.2015
PE555.155v01-00
 
B8-0381/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew straordinarju (23 ta' April 2015) - L-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))


Barbara Spinelli, Cornelia Ernst, Marina Albiol Guzmán, Martina Anderson, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Marie-Christine Vergiat, Eleonora Forenza, Tania González Peñas, Takis Hadjigeorgiou, Pablo Iglesias, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Curzio Maltese, Marisa Matias, Lola Sánchez Caldentey, Neoklis Sylikiotis, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Sofia Sakorafa, Kostadinka Kuneva, Emmanouil Glezos f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew straordinarju (23 ta' April 2015) - L-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))  
B8‑0381/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' refuġjati bħala riżultat tal-kunflitt fis-Sirja(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa(2),

–       wara li kkunsidra d-dibattiti li saru, mill-bidu tal-leġiżlatura attwali, fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew fit-22 ta' Lulju 2014 dwar l-Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Ħidma tat-Task Force għall-Mediterran; fl-4 ta' Settembru 2014 dwar l-attivitajiet tal-Frontex fil-Mediterran u dwar it-Task Force fil-Mediterran; fl-24 ta' Settembru dwar il-Ħames Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2013); dwar ir-rapport annwali tal-EASO dwar is-Sitwazzjoni tal-Asil fl-Unjoni Ewropea (2013); dwar JOT Mare fil-21 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapporti annwali tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari r-rapport ippubblikat f'April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, u r-rapport ippubblikat f'April 2014 dwar l-isfruttament ta' ħaddiema migranti,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(3),

–       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni b'10 punti propost mill-Kummissjoni qabel il-Kunsill Ewropew straordinarju tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President Juncker waqt il-Kunsill Ewropew straordinarju li: "L-ewwel prijorità hija li jiġu salvati l-ħajjiet umani. L-urġenza hija immedjata u se jkollna nintensifikaw ir-riżorsi tagħna biex insalvaw il-ħajjiet",

–       wara li kkunsidra d-diskors ta' Martin Schultz, President tal-Parlament Ewropew, waqt is-summit straordinarju tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ban Ki-moon, Segretarju Ġenerali tan-NU, tas-26 ta' April 2015 lill-gazzetta La Stampa fejn stqarr li "Ma teżisti l-ebda soluzzjoni militari għat-traġedja umana li qed tiżvolġi fil-Mediterran", u li "huwa kruċjali li nadottaw approċċ olistiku li jiffoka fuq il-kawżi ewlenin, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u r-refuġjati, u li jkollna netwerks ta' immigrazzjoni legali u rregolati",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, aktar minn 1 554 migrant mietu mill-bidu tal-2015 'l hawn u ħafna aktar huma rrapportati nieqsa; billi l-għarqa ta' aktar minn 800 migrant fid-19 ta' April 2015 tikkostitwixxi l-akbar traġedja fil-Mediterran minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija;

B.     billi aktar minn 30 000 persuna mietu fil-baħar f'dawn l-aħħar għoxrin sena, fatt li juri l-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali skont id-dritt internazzjonali marittimu;

C.     billi l-operazzjoni "Mare Nostrum" ta' pattuljar, salvataġġ u sorveljanza, varata mill-Italja sabiex issaħħaħ l-attivitajiet ta' salvataġġ umanitarju fil-Mediterran, salvat 150 810 migrant matul it-364 ġurnata tal-eżistenza tagħha; billi l-gvern Taljan temm l-operazzjoni Mare Nostrum tiegħu, bil-ġustifikazzjoni li din kienet qed tikkostitwixxi 'pull factor' billi tħeġġeġ lill-migranti u t-traffikati jipprovaw jaqsmu l-baħar, ġustifikazzjoni li ġiet kontradetta għalkollox mill-fatti; billi, minn dakinhar 'il quddiem, Mare Nostrum ma ġiet sostitwita mill-ebda operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ oħra tal-istess dimensjonijiet minħabba nuqqas ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ma kinux qed jirrispettaw ir-responsabilitajiet tagħhom; billi t-tmiem ta' Mare Nostrum fisser it-tmiem ta' dgħajjes kbar maħsuba esklużivament għat-tiftix u s-salvataġġ stazzjonati fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta Libjana fejn bosta dgħajjes tal-migranti jidħlu f'diffikultà;

D.     billi l-operazzjoni konġunta 'Triton" ikkoordinata mill-aġenzija Frontex, li saret operattiva għalkollox fil-1 ta' Novembru 2014, fil-mandat tagħha għandha s-sorveljanza tal-fruntieri u mhux it-tiftix u s-salvataġġ; billi l-assi ta' Triton intużaw għat-tiftix u s-salvataġġ taħt il-koordinazzjoni taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni Taljan għat-Tiftix u s-Salvataġġ, li wassal għal ilment min-naħa ta' Frontex fil-konfront tal-gwardakosta Taljana li għamlet użu mir-riżorsi tagħha fl-ibħra miftuħa; billi li l-baġit ta' Triton jiżdied bi triplu, kif deċiż mill-Kunsill Ewropew il-Ħamis 24 ta' April 2015, mhuwiex se jnaqqas in-numru ta' migranti li jmutu fil-baħar, meta wieħed iqis il-mandat ta' Frontex, it-tip ta' tagħmir użat u l-limitu attwali ta' 30 mil taż-żona operazzjonali;

E.     billi l-possibbiltajiet għal persuni li jeħtieġu protezzjoni biex jidħlu fl-UE b'mod legali huma limitati ħafna; billi l-istimi jagħtu x'jifhmu li 90 % ta' dawk li jfittxu asil effettivament jidħlu fl-UE b'mod irregolari; billi l-għadd ta' viżi ta' Schengen mogħtija lil ċittadini Sirjani naqas b'mod drastiku matul il-gwerra tas-Sirja, minn 30 000 fl-2010 għal kważi xejn fl-2013;

F.     billi, skont l-istimi tal-UNHCR, il-pajjiżi ġirien tas-Sirja qegħdin jospitaw madwar 3.9 miljun refuġjat Sirjan; billi l-Istati Membri tal-UE ħadu biss 37 000 refuġjat Sirjan permezz tal-programm dwar ir-risistemazzjoni tal-UNHCR, filwaqt li l-UNHCR qed jitlob biex 10 % tar-refuġjati Sirjani jiġu risistemati (370 000) u, b'mod urġenti, qiegħed ifittex minn tal-inqas 130 000 post ta' risistemazzjoni għar-refuġjati bi ħtiġijiet speċjali ta' protezzjoni; billi 13-il Stat Membru s'issa għadhom m'offrewx risistemazzjoni, lanqas għal refuġjat wieħed;

G.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jikkontribwixxu għat-trawwim tal-affari kriminali u perikoluża tat-traffikar tal-bnedmin billi jibnu l-ħitan u jkomplu jagħlqu l-fruntieri esterni tagħhom kontra l-migranti u r-refuġjati, mingħajr ma jipprovdu possibbiltajiet ta' aċċess sigur u legali fl-UE; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għaldaqstant qed jonqsu milli jagħtu rispons adegwat għall-imwiet fil-Mediterran u l-kriżi tar-refuġjati fil-viċinat tagħna;

H.     billi, fil-marġini tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) tat-12 ta' Marzu 2015, il-Ministri għall-Intern ta' Franza, il-Ġermanja u Spanja, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, iddiskutew proposta mill-Ministru għall-Intern Taljan Angelino Alfano biex it-tiftix u s-salvtaġġ u l-kontroll tal-fruntieri tal-UE jiġu esternalizzati lil pajjiżi bħall-Eġittu jew it-Tuneżija, li imbagħad jieħdu l-migranti salvati lejn xtuthom; billi din il-proposta timmira li tipproduċi effett dissważiv reali, b'tali mod li jkun hemm anqas migranti li jkunu lesti li jpoġġu ħajjithom f'periklu biex jilħqu x-xtut tal-Ewropa; billi fil-Kunsill ĠAI l-Ministri għall-Intern iddiskutew il-possibilità li jitwaqqfu kampijiet tar-refuġjati fl-Afrika ta' Fuq u l-possibilità li jiġu pproċessati applikazzjonijiet għall-asil f'dawk il-kampijiet;

1.      Jagħti ġieħ lill-irġiel, in-nisa u t-tfal li tilfu ħajjithom tul is-snin fit-tentattiv tagħhom li jilħqu post sigur fl-Ewropa, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri, is-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu lill-familji tal-vittmi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom sabiex jidentifikaw l-iġsma u l-persuni neqsin, u jinformaw lill-qrabathom;

2.      Jirrikonoxxi l-ħtieġa li ssir bidla radikali u immedjata fil-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Kunsil tat-23 ta' April 2015 li naqas milli jagħmel dan billi għamel enfażi fuq it-tisħiħ tal-Fortizza Ewropa permezz ta' miżuri repressivi u t-trattament tal-migranti bħallikieku kienu theddida minflok iddeċieda li jieħu miżuri immedjati bil-għan li jsalva l-ħajjiet;

3.      Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabilità fil-konfront tar-refuġjati u l-immigranti li qed jaħarbu mill-gwerra, il-kaos, il-miżerja ekonomika, il-ġuħ u l-mewt, u li qed ibatu minħabba l-politiki ekonomiċi neoliberali globali;

4.      Jikkundanna d-deċiżjoni li jiżdied bit-triplu l-baġit tal-operazzjoni Triton tal-aġenzija FRONTEX, li ġiet ippreżentata b'ipokresija liema bħalha fid-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew, bħala miżura ta' tiftix u salvataġġ; ifakkar, f'dan ir-rigward, fid-dikjarazzjoni min-naħa tad-direttur ta' FRONTEX lill-ġurnal The Guardian lejliet is-summit straordinarju dwar il-fatt li Triton ma tistax tkun operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ proattiva peress li dan mhuwiex il-mandat ta' FRONTEX, dikjarazzjoni li ma ġietx kontradetta mid-dikjarazzjoni finali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015; iwissi, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u l-Kunsill li l-Parlament se jirrifjuta l-baġit tal-2016 fir-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur jekk dan ma jinkludix miżuri speċifiċi ta' tiftix u salvataġġ, bħalma se jkun qed jirrifjuta wkoll kwalunke miżura li tipprevedi fondi addizzjonali tal-UE għall-2015 jekk dawn ma jintużawx b'mod esklużiv għat-tiftix u s-salvataġġ u l-għajnuna umanitarja sabiex jiġu salvati l-ħajjiet; jitlob li tiġi soppressa l-aġenzija FRONTEX u li l-baġit tagħha jiġi trasferit għal miżuri maħsuba biex isalvaw il-ħajjiet, fosthom it-tiftix u s-salvataġġ, ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni;

5.      Jinnota l-assenza ta' kunsens fost l-Istati Membri dwar il-bidla politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-imwiet fil-Mediterran, u jqis li huwa inaċċettabbli li l-gvernijiet ikomplu jwaħħlu f'xulxin għan-nuqqas ta' azzjoni; jitlob, għaldaqstant, li ssir koalizzjoni ta' dawk l-Istati Membri li huma lesti jkunu minn ta' quddiem biex idaħħlu fis-seħħ operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ multinazzjonali bil-għan li jiġu salvati l-ħajjiet, u li jiġu żviluppati mekkaniżmi għal aktar solidarjetà u appoġġ reċiproku għall-akkoljenza tar-refuġjati, foshtom bl-użu tal-fondi tal-UE; jappella biex ikun hemm biżżejjed Stati Membri li huma lesti jikkooperaw sabiex jagħtu bidu għall-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa bil-għan li jilħqu dawn l-għanijiet;

6.      Jilqa' l-impenn li ħadu uħud mill-Istati Membri waqt il-laqgħa tal-Kunsill tat-23ta' April 2015, li jiskjeraw bastimenti li se jkunu qed jintużaw b'mod esklużiv għat-tiftix u s-salvataġġ fl-ibħra miftuħa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu tagħmir, inklużi dgħajjes li jistgħu jiġu ppożizzjonati fl-ibħra miftuħa u li jintużaw b'mod esklużiv għat-tiftix u s-salvataġġ bil-għan li jitwettaq proġett Mare Nostrum imsaħħaħ li jikkostitwixxi operazzjoni robusta Ewropea multinazzjonali ta' tiftix u salvataġġ immexxija minn dawk il-pajjiżi li jkunu lesti jieħdu azzjoni li tiffoka biss fuq is-salvataġġ tal-ħajjiet;

7.      Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jikkonċentra l-isforzi effikaċi kollha, inkluż l-użu tal-forzi militari kontra t-traffikanti u l-qerda tal-bastimenti tagħhom mal-kosti tal-Libja u pajjiżi oħra tal-Afrika ta' Fuq, u jappella lill-UE u l-Istati Membri biex ma jipparteċipaw fl-ebda operazzjoni ċivili-militari tal-PSDK (politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni) f'dan ir-rigward;

8.      Iwissi dwar l-impatt potenzjali tal-proposta tal-Kunsill "li, b'mod konformi mal-kostituzzjonijiet nazzjonali, l-aġenzija EUROPOL tintuża biex jiġi identifikat u jintalab jitneħħa l-kontenut tal-internet użat mit-traffikanti biex jattiraw il-migranti u r-refuġjati", peress li dan jista' jintuża wkoll biex jixxekkel l-iskambju tal-komunikazzjoni bl-internet bejn il-migranti u mal-komunitajiet ta' appoġġ u solidarjetà għall-migranti, li f'dawn l-aħħar xhur għenu biex jissalvaw eluf ta' ħajjiet; jitlob li dan it-tħassib jiġi kkunsidrat f'każ li din l-azzjoni tittieħed mill-Europol u/jew awtoritajiet oħra;

9.      Jikkundanna n-nuqqas ta' proposti biex jiġi żgurat aċċess sigur u legali fl-UE kemm għal persuni li jfittxu asil kif ukoll għal migranti ekonomiċi, fid-dawl tad-diffikultà estrema li l-qagħda mwiegħra tiġi sseparata mill-gwerer, ir-reġimi dittatorjali jew milizzji u minn diżastru ekonomiku, u jitlob li jitressqu proposti ambizzjużi f'dan ir-rigward;

10.    Jappella biex fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulati tal-Istati Membri jinħarġu minnufih viżi umanitarji lill-persuni li jfittxu asil, u jiġi introdott programm obbligatorju ta' risistemazzjoni fil-livell tal-UE minflok il-programm volontarju ta' risistemazzjoni dgħajjef propost mill-Kunsill;

11.    Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jattivaw minnufih id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (Direttiva 2001/55/KE) fid-dawl tal-influss bil-massa ta' refuġjati li għaddej bħalissa;

12.    Jikkundanna n-nuqqas ta' impenn biex tiżdied l-assistenza ta' emerġenza għall-Istati Membri l-aktar esposti; jappella b'urġenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw proposta aktar ambizzjuża u konkreta f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza ta' emerġenza;

13.    Jikkundanna n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kunsill li jimpenja ruħu għal rilokazzjoni ta' emerġenza bejn l-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex minnufih jagħtu bidu għal programm pilota ta' rilokazzjoni għar-refuġjati Sirjani u Eritrej u l-benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja destinati inizjalment għas-Sirjani kif ukoll l-Eritrej salvati fuq il-baħar u li tniżżlu fil-Greċja u l-Italja, skont il-proposti tal-UNHCR biex jiġu indirizzati l-wasliet attwali u futuri bil-baħar ta' dawk li jfittxu asil, refuġjati u migranti lejn l-Ewropa; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibilità ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-asil;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi immedjatament ir-Regolament ta' Dublin u tipproponi mingħajr dewmien alternattivi radikali għal dan ir-Regolament li jonqos milli jiżgura aċċess effikaċi għall-asil;

15.    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' traspożizzjoni rapida u sħiħa kif ukoll implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) min-naħa tal-Istati Membri parteċipi kollha; jistieden lill-Istati Membri biex fit-traspożizzjoni tagħhom jadottaw standards ogħla mis-SEKA;

16.    Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill li jersaq lejn aċċelerazzjoni tar-ripatrijazzjoni peress li din tipperikola d-dritt għal valutazzjoni ġusta tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali; ifakkar li l-ebda pajjiż fid-dinja ma jista' jitqies bħala immuni mir-riskji u li kull persuna li tapplika għal asil għandha jkollha l-applikazzjoni tagħha eżaminat individwalment;

17.    Jikkundanna d-detenzjoni ta' migranti, u jappella biex jiġu soppressi ċ-ċentri ta' detenzjoni; jappoġġa l-isforzi li saru f'din id-direzzjoni f'xi Stati Membri, u jitlob li jiġu stabbiliti alternattivi għad-detenzjoni;

18.    Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipju internazzjonali ta' non-refoulement permezz tal-għemil u mhux bil-kliem biss;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex minnufih jissospendu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li għandhom l-objettiv li jipprevjenu lill-migranti u r-refuġjati milli jilħqu post sigur fl-Ewropa, u jistedinhom itejbu l-kontroll mal-fruntieri f'pajjiżi bħall-Eritrea, is-Sudan, is-Somalja, l-Etjopja u l-Eġittu li minnhom qed jaħarbu r-refuġjati, kif ukoll jissospendu l-proċess ta' Khartoum u ta' Rabat; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tiġi sospiża kwalunkwe assistenza finanzjarja lir-reġim tal-Eġittu u l-Eritrea fid-dawl tar-rapport tan-NU u l-NGO dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

20.    Jiċħad il-proposti mill-Istati Membri biex jistabbilixxu ċentri Ewropej tal-asil fil-pajjiżi terzi u biex jinvolvu l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq fit-tiftix u s-salvataġġ Ewropew bil-għan li jinterċettaw ir-refuġjati u jirritornawhom lejn ix-xtut Afrikani; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi lill-Parlament b'evalwazzjoni tal-konformità ta' dawn il-proposti mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari il-Konvenzjoni ta' Ġinevra, u li tinformah bi kwalunkwe ostakolu prattiku u legali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-proposti;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippreżenta Aġenda tal-UE ambizzjuża dwar il-Migrazzjoni bbażata fuq approċċ olistiku u komuni u fuq is-solidarjetà b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tinkludi proposti ambizzjużi għal aċċess sigur u legali, ir-rilokazzjoni, ir-risistemazzjoni u t-tiftix u s-salvataġġ;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni ttemm il-politiki kollha li kkawżaw il-flussi ta' migrazzjoni, inkluż ir-rwol tagħha fil-politiki ekonomiċi globali, il-Politika Agrikola Komuni b'rabta ma' pajjiżi terzi u l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

23.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri biex jevalwaw mill-ġdid il-kawżi ekonomiċi ġeopolitiċi u globali tal-eżodu tal-massa mill-mewġa ta' instabilità li tibda mill-Afrika sub-Saħarjana u testendi għall-Mediterran u l-Asja t'Isfel, u biex jirrikonoxxu r-responsabilità tal-UE, n-NATO u l-Istati Membri għall-qagħda permanenti ta' gwerra u kaos f'dawn ir-reġjuni; jiddikjara li, f'dan ir-rigward, l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mat-Turkija, kif imħabbra mill-Kunsill fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iraq, ma tistax tissejjaħ soluzzjoni politikament u demokratikament vjabbli;

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0414.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0448.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0105.

Avviż legali