Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0384/2015

Testi mressqa :

B8-0384/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.67
CRE 29/04/2015 - 10.67
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0176

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 215k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0367/2015
27.4.2015
PE555.158v01-00
 
B8-0384/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))


Gianni Pittella, Tanja Fajon, Jörg Leichtfried, Birgit Sippel, Sylvie Guillaume, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Renato Soru, Péter Niedermüller, Josef Weidenholzer, Demetris Papadakis, Hugues Bayet, Adam Gierek, Louis-Joseph Manscour, Pier Antonio Panzeri, Marc Tarabella, José Blanco López, Flavio Zanonato, Jonás Fernández, Peter Simon, Victor Boștinaru, Andi Cristea, Silvia Costa, Luigi Morgano, Siôn Simon, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Alessia Maria Mosca, Tibor Szanyi, Sergio Gutiérrez Prieto, Krystyna Łybacka, Theresa Griffin, Patrizia Toia, Daniele Viotti, Doru-Claudian Frunzulică, Nikos Androulakis, Soraya Post, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Hedh, Elly Schlein, Marlene Mizzi, Renata Briano, Elena Gentile, Pina Picierno, Nicola Danti, Claudia Tapardel, Mercedes Bresso, Liisa Jaakonsaari, Eric Andrieu, Michela Giuffrida, Clare Moody, Jutta Steinruck, Roberto Gualtieri, Tonino Picula, Iliana Iotova, Monika Flašíková Beňová, Ana Gomes, Damiano Zoffoli, Biljana Borzan, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Francisco Assis, Enrico Gasbarra, Jakob von Weizsäcker, Zigmantas Balčytis, Udo Bullmann, Pedro Silva Pereira, Miriam Dalli, Sorin Moisă, Neena Gill, Eider Gardiazabal Rubial, Nicola Caputo, Kati Piri, Paul Tang, Elena Valenciano, Isabella De Monte, Caterina Chinnici, Goffredo Maria Bettini, Javi López, Afzal Khan, Simona Bonafè f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))  
B8‑0384/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra l-eżitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014(1) dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (2014/2907(RSP)),

–       wara li kkunsidra d-diskors mill-President tal-Parlament Ewropew matul iż-żjara tiegħu f'Lampedusa fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2014, biex ifakkar l-anniversarju tat-traġedja tat-3 ta' Ottubru 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar iż-żjarat mid-delegazzjonijiet tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011, fil-Ġordan fi Frar 2013 b'rabta mar-rifuġjati mis-Sirja, u fil-Bulgarija f'Jannar 2014 b'rabta mas-sitwazzjoni tal-persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati b'mod partikolari mis-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-dibattiti fis-sessjonijiet plenarji tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar il-politiki migratorji tal-UE fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa,

–       wara li kkunsidra d-dibattiti li saru, mill-bidu tal-leġiżlatura attwali, fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu fit-22 ta’ Lulju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force għall-Mediterran; fl-4 ta' Settembru dwar l-attivitajiet tal-Frontex fil-Mediterran u dwar it-Task Force fil-Mediterran; fl-24 ta' Settembru dwar il-Ħames Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil (2013)(2) u dwar ir-rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni Ewropea (2013),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran tal-4 ta' Diċembru 2013 (COM(2013)0869),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran (SWD(2014)0173),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014, fejn iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali għas-snin li ġejjin fi ħdan l-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss, ippreżentati fil-15 ta' Lulju 2014 mill-President Juncker fis-sessjoni plenarja tal-Parlament,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni tal-11 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-impenji meħuda mill-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, is-Sur Avramopoulos, fis-smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-30 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-teħid ta' azzjoni biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji, adottati fl-10 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran,

–       wara li kkunsidra r-rapporti annwali tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari r-rapport ippubblikat f'April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, u r-rapport ippubblikat f'April 2014 dwar l-isfruttament ta' ħaddiema migranti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi f'dawn l-aħħar ġimgħatejn mietu aktar minn elf migrant, b'aktar minn 30 000 fatalità potenzjali fil-Baħar Mediterran tul din is-sena, u dan skont stimi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni li jindikaw għal darb'oħra l-ħtieġa li jsir kull ma hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu fil-periklu, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jżommu mal-obbligi internazzjonali tagħhom għas-salvataġġ fuq il-baħar;

B.     billi fi Frar 2015, is-Sirja, l-Afganistan u l-Iraq kienu fost il-pajjiżi ewlenin ta' oriġini tal-persuni li jfittxu asil, u billi aktar minn żewġ terzi minnhom għandhom dritt għal asil jew protezzjoni sussidjarja(3);

C.     billi l-pjan b'10 punti mħabbar fl-20 ta' April 2015 mill-Kummissjoni u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin u l-Ministri tal-Intern u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 kienu diżappuntanti;

D.     billi l-operazzjoni Mare Nostrum li kienet iddedikata biss għat-tfittxija u s-salvataġġ f'ibħra qawwija sabiex issaħħaħ l-attivitajiet ta' salvataġġ umanitarju fil-Mediterran salvat 150 810 migranti f'perjodu ta' 364 jum(4); billi d-dikjarazzjoni li l-operazzjoni kienet 'fattur ta' attrazzjoni' u li t-tmiem tagħha kien se jnaqqas l-għadd ta' migranti li jippruvaw jaqsmu l-Mediterran u ta' dawk li jmutu waqt li jippruvaw jagħmlu dan, kienet mingħajr bażi hekk kif l-għadd ta' migranti li waslu fl-2015 sa issa kien kunsiderevolment ogħla meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2014;

E.     billi l-operazzjoni konġunta Triton b'koordinament tal-Frontex, bdiet taħdem kompletament fl-1 ta' Novembru 2014, b'baġit inizjali ta' EUR 2.9 miljun fix-xahar biss, meta mqabbel ma' aktar minn EUR 9 miljuni għal Mare Nostrum;

1.      Jesprimi dispjaċir u sogħba qawwija għat-telf traġiku ta’ ħajjiet fil-Mediterran;

2.      Jilqa' l-fatt li l-VP/RGħ u l-Presidenza Latvjana laqqgħu minnufih kunsill konġunt straordinarju tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u l-Ministri tal-Intern fil-Lussemburgu, u li matulu sar l-ewwel dibattitu wiesa' dwar l-għażliet għas-salvataġġ tal-ħajjiet, il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti u t-tqassim tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri għall-ilqugħ u l-protezzjoni;

3.      Jilqa' l-fatt li l-Istati Membru laqqgħu minnufih samit straordinarju sabiex isibu soluzzjonijiet komuni bi tweġiba għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Mediterran; iqis madankollu ta' dispjaċir, li l-miżuri meħuda għadhom insuffiċjenti bil-bosta, u jħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-aġenziji kollha jieħdu azzjoni minnufih bi tweġiba għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Mediterran, li għandha tkun ibbażata fuq is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-TFUE, u fuq approċċ olistiku li jqis id-dimensjonijiet kollha tal-fenomenu, inklużi l-migrazzjoni sikura u legali, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-valuri fundamentali u l-kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi;

4.      Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju tan-non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali eżistenti;

5.      Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jsaħħaħ l-operazzjoni tal-UE Triton permezz ta’ aktar fondi u assi; iħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi mandat ċar għal Triton sabiex tespandi u żżid l-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ tal-UE f'ibħra qawwija lil hinn mil-limitu ta' 30 mil, u dan sabiex jiġu salvati l-ħajjiet tal-migranti f'diffikultà;

6.      Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ma rnexxielux jistabbilixxi mekkaniżmu ta' solidarjetà vinkolanti u kredibbli madwar l-UE kollha li jinkludi skema ta’ risistemazzjoni obbligatorja flimkien ma’ rilokazzjonijiet ta’ emerġenza bejn l-Istati Membri; huwa essenzjali f'dan il-kuntest li ngħaddu għar-reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin III sabiex tinħoloq kwota ġusta ta' distribuzzjoni bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq il-PDG, id-daqs u l-popolazzjoni, ir-rati ta' qgħad, in-numru ta' rifuġjati diġà preżenti u, sa ċertu punt, l-għażla personali tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri sadattant jużaw bis-sħiħ il-kriterji previsti fir-Regolament ta' Dublin III, bħall-klawsoli dwar it-tfal mhux akkumpanjati, l-unifikazzjoni mill-ġdid tal-familja u dawk ta' diskrezzjoni;

7.      Jappella għat-traspożizzjoni rapida u sħiħa u l-implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards Ewropej komuni taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti;

8.      Jenfasizza li fl-2014 kważi nofs il-persuni li kienu qed ifittxu l-asil u li waslu fl-Ewropa kienu intitolati għal asil jew protezzjoni sussidjarja jew ġew awtorizzati jibqgħu għal raġunijiet umanitarji; jenfasizza għalhekk, il-ħtieġa li jiżdied l-użu ta’ rotot sikuri u legali, bħal viżi umanitarji, u li jkun hemm skema ta’ risistemazzjoni obbligatorja kredibbli u sostanzjali madwar l-UE kollha, inkluża kwota vinkolanti għad-distribuzzjoni; jenfasizza li, apparti programm ta' risistemazzjoni b'saħħtu, l-Istati Membri għandhom jaqblu li jipprovdu rotot legali oħra, bħall-unifikazzjoni mill-ġdid u msaħħa tal-familja, skemi ta' sponser privati u arranġamenti flessibbli tal-viżi, inkluż għal raġunijiet ta' studju u xogħol;

9.      Jistieden lill-Kunsill tal-Ministri f'dan il-kuntest, biex jagħti bidu għad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-2001 jew għall-Artikolu 78(3) tat-TFUE, li t-tnejn jipprevedu mekkaniżmu ta’ solidarjetà fil-każ ta’ flussi tal-massa jew f’daqqa ta’ persuni spostati;

10.    Ifakkar li l-asil hu dritt fundamentali tal-bniedem garantit mil-liġijiet u l-obbligi internazzjonali li jorbtu lill-Istati Membri kollha; jenfasizza għalhekk li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu akbar mill-proċeduri għad-dispożizzjoni tagħhom dwar kif jistgħu jittrattaw talbiet urġenti ta' protezzjoni, b'użu akbar tal-qafas ġuridiku eżistenti(5), inkluża l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati fil-konsli tagħhom f'pajjiżi terzi (mhux tal-UE);

11.    Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-pajjiżi terzi, partikolarment dawk taħt pressjoni, permezz tal-bini tal-istituzzjoni u l-bini tal-kapaċità u b'mod partikolari permezz tal-appoġġ ta' sistemi tal-asil vijabbli u li jiffunzjonaw tajjeb;

12.    Ifakkar li l-kooperazzjoni mill-qrib u s-sħubija mal-pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu huma essenzjali għad-definizzjoni ta' approċċ komprensiv għall-politika tal-migrazzjoni u tal-asil tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ iżidu l-isforzi għal kooperazzjoni mġedda mas-sħab strateġiċi fil-qafas eżistenti, bil-ħsieb li jiġu definiti azzjonijiet konġunti għall-ġlieda kontra n-netwerks kriminali, il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni u ta' asil għall-migranti mitluqa fir-rotot ewlenin u biex jiġu offruti għażliet sikuri għall-persuni li jikkwalifikaw għal protezzjoni internazzjonali, u dan b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR);

13.    Jilqa' l-intenzjoni li jitlaqqa' samit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana f'Malta, bil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi Afrikani ewlenin kollha kkonċernati; ifakkar fil-ħtieġa li s-samit jindirizza mhux biss il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċess għall-protezzjoni u l-asil u, b’mod aktar ġenerali, il-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni, inklużi l-faqar, il-kunflitti u l-persekuzzjoni;

14.    Jilqa' l-isforzi tal-VP/RGħ fl-appoġġ tan-negozjati mmexxija min-NU għall-istabbiliment ta' awtorità ta' gvern fil-Libja;

15.    Ifakkar li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u kumpless li jeħtieġ ukoll approċċ fit-tul li jindirizza l-kawżi fundamentali tiegħu, bħall-faqar, l-inugwaljanza, l-inġustizzja u l-kunflitt armat; iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jassistu fis-sejbien ta' soluzzjonijiet politiċi sostenibbli f'dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt u jsaħħu d-djalogu politiku li jiġbor flimkien l-elementi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jappoġġjaw istituzzjonijiet inklużivi u demokratiċi, jibnu r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali u jippromwovu l-iżvilupp soċjali u demokratiku fil-pajjiżi tal-oriġini u fost il-popli tagħhom;

16.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea ta’ pproċessar konġunt ta’ applikazzjonijiet għall-asil fi Stati Membri li qegħdin fil-fruntiera bl-appoġġ tat-timijiet tal-EASO; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta' rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-asil bħala sors addizzjonali ta’ solidarjetà;

17.    Jenfasizza l-ħtieġa li, apparti l-punti msemmija hawn fuq, jiġu żviluppati azzjonijiet konġunti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji rilevanti kontra n-netwerks kriminali tat-traffikanti migranti, u dan sabiex ma jkunux jistgħu jaqilgħu l-flus billi jpoġġu f'riskju l-ħajjiet tal-migranti; jistieden lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni jżidu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi tal-oriġini u ta' tranżitu f'assoċjazzjoni mal-aġenziji tal-UE u n-NU rilevanti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

18.    Ifakkar li l-għan ta' din ir-riżoluzzjoni huwa li jiġu indirizzati l-avvenimenti traġiċi reċenti fil-Mediterran u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015, u li jiġi propost sett ta' miżuri urġenti li għandhom jittieħdu minnufih, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li huwa l-kumitat kompetenti fi kwistjonijiet bħal dawn, bħalissa qed ifassal rapport li se jirrifletti l-orjentazzjoni politika tal-Parlament fuq perjodu medju u fit-tul b'rabta mal-migrazzjoni;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tressaq aġenda Ewropea ambizzjuża dwar il-migrazzjoni bbażata fuq approċċ olistiku u s-solidarjetà, li tkun tqis il-miżuri u l-proposti inklużi f'din ir-riżoluzzjoni;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0105.

(2)

COM(2014)0288.

(3)

https://easo.europa.eu/wp-content/uploads/EASO-Newsletter-March-2015.pdf

(4)

http://www.marina.difesa.it/EN/operations/Pagine/MareNostrum.aspx

(5)

Fi tmiem l-2013, il-qorti ewlenija tal-UE (QtĠ-UE) kienet diġà ddikjarat fil-kawża Koushkaki li l-kodiċi attwali tal-viżi tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri joħorġu viżi lill-applikanti jekk jiġu ssodisfati l-kriterji għall-ħruġ tal-viża. Skont il-kodiċi attwali tal-viżi, viża LTV għandha toħroġ meta l-Istat Membru kkonċernat iqis li hu neċessarju għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta' interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali.

Avviż legali