Proċedura : 2015/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0401/2015

Testi mressqa :

B8-0401/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0180

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 142kWORD 85k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0392/2015
27.4.2015
PE555.175v01-00
 
B8-0401/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Valentinas Mazuronis, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))  
B8‑0401/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-SEAE mill-kelliem rigward il-kundanna tal-ex President tal-Maldive Mohamed Nasheed tal-14 ta' Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-UE rigward Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldive tat-30 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li l-Maldive hija stat parti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Remunerazzjoni Ugwali tal-1951 u l-Konvenzjoni dwar Diskriminazzjoni (Impjiegi u Okkupazzjoni) tal-1958,

–        wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni tal-1948 u l-Konvenzjoni dwar id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv tal-1949,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930,

–       wara li kkunsidra l-Protokoll tan-NU għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali tal-15 ta' Novembru 2000,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International dwar il-Maldive: attakk fuq id-drittijiet ċivili u politiċi,

–       wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea dwar il-Maldive tal-2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi hemm rapporti allarmanti li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive sejra rapidament għall-agħar u rapport li ħarġet dan l-aħħar Amnesty International akkuża lill-awtoritajiet Maldivjani li qed jagħmlu sarima f'ħalq dimostranti paċifiċi, qed isiktu lill-midja u s-soċjetà ċivili kritiċi, filwaqt li fl-istess ħin qed jabbużaw mis-sistema ġudizzjarja biex jitfgħu lill-politiċi tal-oppożizzjoni l-ħabs;

B.     billi dan l-aħħar ġew ippreżentati akkużi kriminali kontra figuri ewlenin tal-oppożizzjoni, inklużi l-ex Ministru tad-Difiża Mohamed Nazim, id-deputat parlamentari Ahmen Nazim u l-ex President Mohamed Nasheed, li ġie kkundannat f'Marzu għal 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' inċitament għat-terroriżmu waqt li kien President;

C.     billi s-Sur Nasheed kien oriġinarjament liberat mill-akkużi iżda, ftit jiem wara, il-prosekutur ġenerali ħarrku u arrestah mill-ġdid taħt liġijiet kontra t-terroriżmu iebsa; fejn Nasheed tkaxkar bil-forza għal ġol-Qorti u t-talbiet tiegħu biex jitkellem mal-ġurnalisti u biex jitħalla jimxi waħdu ġew miċħuda;

D.     billi l-proċess tal-President Nasheed ippreżenta bosta irregolaritajiet fl-istadji kollha, peress li ripetutament ġie mċaħħad minn rappreżentanza legali, ġie mċaħħad mid-dritt ta' appell, id-drittijiet tad-difiża li ssejjaħ u teżamina x-xhieda kienu jew miċħuda jew limitati ħafna, żewġ imħallfin li kienu qed jippresiedu l-kawża servew bħala xhieda tal-prosekuzzjoni, is-smigħ ma kienx pubbliku u l-proċess ta' appell kien imxekkel mill-qrati li ma pprovdewx id-dokumentazzjoni meħtieġa fil-ħin; billi seħħew affarijiet simili f'każijiet oħra, biex evidenzjaw nuqqas serju ta' indipendenza u imparzjalità fis-sistema ġudizzjarja;

E.     billi Amnesty International irriferiet għall-proċess bħala wieħed "b'nuqqasijiet serji, motivat politikament u parodija tal-ġustizzja"; billi tliet ġurnalisti li kienu qed jipprovaw jinvestigaw l-arrest u l-proċess ta' Nasheed ġew arrestati huma wkoll, mingħajr mandati;

F.     billi fi Frar madwar 10 000 ruħ organizzaw protesti favur id-demokrazija u biex jitolbu l-ħelsien tal-ex president iżda dawn kellhom iħabbtu wiċċhom ma' reazzjoni ħarxa min-naħa tal-awtoritajiet, u billi, skont il-grupp għad-drittijiet tal-bniedem, minn Frar 'l hawn, ġew arrestati mill-inqas 140 dimostrant paċifiku, li wħud minnhom ittieħdu l-Qorti Kriminali u nħelsu biss bil-kundizzjoni illegali li ma jipparteċipawx f'aktar dimostrazzjonijiet; billi l-awtoritajiet Maldivjani naqsu milli jiggarantixxu lid-dimostranti l-libertà li jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod paċifiku billi pprojbixxew il-protesti f'ċerti ħinijiet u postijiet;

G.     billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jiffaċċjaw dejjem aktar fastidju, theddid u attakki; billi l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive, li l-indipendenza kostituzzjonali tagħha għandha tiġi mgħassa mill-istituzzjonijiet kollha l-oħra tal-istat, ripetutament ngħatat fastidju u ġiet akkużata bi tradiment għoli u li qed iddgħajjef il-kostituzzjoni b'segwitu għas-sottomissjoni tagħha dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive għall-eżami perjodiku universali tan-NU; billi NGOs ġew mhedda li jitneħħew mir-reġistru;

H.     billi kien hemm eskalazzjoni ta' theddid u attakki kontra mezzi tax-xandir indipendenti u l-ġurnalisti li jkopru d-dimostrazzjonijiet jirriskjaw li jiġu attakkati; billi stħarriġ reċenti kkummissjonat mill-Maldives Broadcasting Commission sab li 84 % tal-ġurnalisti rċevew theddid; billi l-attakki fuq il-libertà ta' espressjoni ħadu forma ġdida bi gruppi ta' viġilanti reliġjużi jew kriminali li qed jattakkaw laqgħat politiċi jew avvenimenti soċjali; billi ħadd ma tressaq quddiem il-ġustizzja għal dawn l-attakki u t-theddid;

I.      billi għadd mhux magħruf ta' bejn wieħed u ieħor 200 000 ħaddiem barrani dokumentati u mhux fil-Maldive, fil-biċċa l-kbira rġiel mill-Bangladexx u l-Indja u inklużi eluf impjegati f'ċentri turistiċi ta' lussu, jesperjenzaw xogħol furzat, inkluż reklutaġġ frawdolenti, ħtif tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar, iż-żamma jew in-nuqqas ta' pagament tas-salarji u jasar tad-dejn;

J.      billi eluf ta' ħaddiema immigranti impjegati f'ċentri turistiċi ta' lussu ġew informati li se jiġu ordnati jitilqu mill-gżira jekk jipprotestaw kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza u billi l-kontrollur tal-gvern tal-Maldive fl-oqsma tal-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni qal li kwalunkwe protesta minn ħaddiema migranti tikser it-termini tal-permessi tax-xogħol tagħhom u l-viżi tagħhom kieku jiġu kkanċellati mingħajr twissija ulterjuri;

K.     billi għadd żgħir ta' nisa mis-Sri Lanka, it-Tajlandja, l-Indja, iċ-Ċina, il-Filippini, l-Ewropa tal-Lvant, il-pajjiżi tal-ex Unjoni Sovjetika, il-Bangladexx u l-Maldive huma soġġetti għal traffikar għal raġunijiet ta' sess fil-Maldive u xi tfal Maldivjani qed jiġu allegatament soġġetti għal abbuż sesswali u jistgħu jkunu vittmi ta' xogħol furzat;

L.     billi l-UE bagħtet missjoni ta' osservazzjoni elettorali biex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari fl-2014; billi, minkejja xi nuqqasijiet, ġie kkunsidrat li l-elezzjonijiet kienu ġeneralment konformi mal-istandards internazzjonali u reġjonali;

M.    billi nhar is-27 ta' April 2014, il-Maldive reġgħet introduċiet il-piena tal-mewt; billi tfal mill-età ċkejkna ta' seba' snin jistgħu jiġu kkundannati għal eżekuzzjoni malli jagħlqu t-19 jew jikkommettu reati Ħadd;

N.     billi l-projezzjonijiet ta' diversi rapporti huma li l-Maldive jistgħu jisparixxu sal-2100 minħabba t-tibdil fil-klima peress li kważi 80 % tal-gżejjer huma inqas minn metru 'l fuq mil-livell tal-baħar; billi t-tibdil fil-klima joħloq ukoll kwistjonijiet ta' kontaminazzjoni tal-ilma ħelu u tnaqqis fil-qabdiet mis-sajd;

1.      Jinsab profondament inkwetat minħabba t-tnawwir kostanti li qed iġarrbu d-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive u mir-riskju ta' deterjorament ulterjuri jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni;

2.      Iħeġġeġ biex jiġu pproċessati mill-ġdid l-ex President Mohamed Nasheed, Mohamed Nazim u Ahmed Nazim u dawk kollha li ma kellhomx proċess ġust u ħieles u, fil-każ li l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tagħhom ma jiġux indirizzati, jemmen li għandhom jinħelsu minnufih; jitlob li kull garanzija ta' proċess ġust rikonoxxuta internazzjonalment tiġi rispettata b'mod konsistenti kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika, inkluż l-garanzija li d-dritt ta' appell ikun jista' jiġi eżerċitat fil-prattika billi jingħata żmien raġonevoli biex isir l-appell u jiġi żgurat aċċess fil-pront għad-dokumenti;

3.      Jitlob lill-gvern isaħħaħ l-indipendenza u l-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw il-ksur tad-dritt li jiġu osservati l-proċeduri ġuridiċi korretti u d-dritt għal proċess ġust permezz ta' proċess indipendenti u imparzjali u biex kull min hu responsabbli għal dan il-ksur jiġi obbligat jagħti rendikont ta' għemilu;

4.      Ifakkar lill-gvern tal-Maldive li l-kostituzzjoni tal-pajjiż tiggarantixxi lil kull min ikun fuq art Maldivjana d-dritt li jipprotesta, li l-kundizzjonijiet għal rilaxx li iwaqqfu lil persuni milli jinvolvu ruħhom f'dimostrazzjoni paċifika huma illegali u li klawżola f'kuntratt ma jistax ikollha prijorità fuq il-kostituzzjoni;

5.      Jitlob lill-awtoritajiet jinvestigaw kompletament l-allegazzjonijiet kollha ta' theddid u vjolenza mwettqa minn uffiċjali tal-pulizija u minn kwalunkwe persuna oħra matul assembleji pubbliċi u jiżguraw li min hu responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti;

6.      Ifakkar li l-libertà medjatikà hija l-pedament li fuqu tinbena demokrazija funzjonanti; jappella lill-gvern u lill-awtoritajiet tal-Maldive biex jiżguraw protezzjoni adegwata għall-ġurnalisti u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jiffaċċjaw theddid u attakki minħabba l-ħidma leġittima tagħhom u biex jinvestigaw it-theddid u l-attakki ta' dan it-tip; jitlob lill-gvern fil-Maldive jikkundanna pubblikament l-attakki u jiddefendi espliċitament u pubblikament il-leġittimità tal-ħidma tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

7.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Maldivjani jieqfu milli jheddu lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem b'ritaljazzjoni għall-ħidma tagħhom u jiżguraw li dawk li ġew attakkati jirċievu protezzjoni adegwata; jitlob li l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive tkun kapaċi twettaq il-mandat tagħha mingħajr ebda forma ta' intimidazzjoni;

8.      Jitlob lill-awtoritajiet lokali jikkonformaw kompletament mal-istandards minimi għall-eliminazzjoni tat-traffikar; ifaħħar l-isforzi li għaddejjin biex tiġi indirizzata l-problema u l-progressi li saru iżda jinsisti li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra t-traffikar tal-bnedmin għandhom jiġu implimentati malajr peress li għad fadal problemi serji fl-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni tal-vittmi;

9.      Jitlob lill-gvern isaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin, anke billi jqawwi l-isforzi ta' bini tal-kapaċitajiet għall-infurzar tal-liġi u l-uffiċjali ta' għassa fil-fruntieri b'mod li tiżdied l-ħila tagħhom li jidentifikaw vittmi potenzjali tat-traffikar;

10.    Jitlob lill-gvern jiżviluppa linji gwida għall-uffiċjali pubbliċi biex jidentifikaw b'mod proattiv lill-vittmi fost gruppi vulnerabbli, bħal migranti mhux dokumentati u n-nisa fil-prostituzzjoni, u jħarreġ lill-uffiċjali dwar l-użu tagħhom, kif ukoll jiżviluppa proċeduri sistematiċi sabiex l-vittmi ikunu jistgħu jiġu riferuti għand min jipprovdi l-kura u jħarreġ lill-uffiċjali dwar l-użu tagħhom;

11.    Ifakkar li l-Maldive rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jitlob lill-gvern idaħħal fis-seħħ metodi ta' kontroll biex jidentifika l-ħaddiema furzati; jiddeplora l-fatt li l-awtoritajiet ma ħarrku kriminalment lill-ebda aġent jew ditta ta' reklutaġġ għax-xogħol għal prattika qarrieqa jew talli żammew il-passaporti ta' impjegati barranin u li eluf ta' migranti ġew deportati mingħajr ma ġie investigat jekk kienux soġġetti għal prattiki ta' xogħol furzat;

12.    Jitlob lill-gvern jiżgura li l-vittmi ma jiġux penalizzati għal atti mwettqa bħala riżultat tal-fatt li kienu ġew traffikati; jitlob lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi biex jinvestigaw u jħarrku lil min ikun issuspettat li wettaq reati ta' traffikar, waqt li jirrispettaw id-dritt li jiġu osservati l-proċeduri ġuridiċi korretti, u jżidu l-isforzi biex jissorveljaw u jikkastigaw lill-aġenti u d-ditti ta' reklutaġġ għax-xogħol li jkunu involuti fi prattiki qarrieqa;

13.    Jitlob lill-Gvern jemenda l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin biex jiżgura li l-vittmi li jidħlu l-Maldive illegalment jiġu offruti servizzi ta' riabilitazzjoni jekk jippreferu jibqgħu fil-pajjiż u jinforza l-projbizzjonijiet kontra ż-żamma ta' passaporti minn impjegaturi u aġenziji governattivi;

14.    Jemmen li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tirrikjedi approċċ transnazzjonali peress li ta' spiss ikun marbut mal-kriminalità organizzata transnazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet Maldivjani jikkollaboraw mal-kontropartijiet u l-ġirien barranin tagħhom rigward investigazzjonijiet transnazzjonali bil-għan li jkissru l-organizzazzjonijiet kriminali;

15.    Jinnota li l-gvern tal-Maldive ma rrapporta l-ebda investigazzjoni, prosekuzzjoni jew kundanna ta' impjegati tal-gvern li kienu kompliċi fi traffikar ta' bnedmin, minkejja rapporti li xi uffiċjali tal-gvern setgħu kienu involuti; jitlob lill-gvern iniedi investigazzjoni bir-reqqa rigward dawn l-allegazzjonijiet u jżomm responsabbli lil kull min seta' kien involut f'attivitajiet ta' dan it-tip;

16.    Jilqa' l-kampanja ta' sensibilizzazzjoni kontra t-traffikar li implimenta l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-ftuħ ta' post ta' kenn mmexxi mill-istat għall-vittmi femminili tat-traffikar; jitlob lill-gvern jerġa' jinfetaħ linja telefonika diretta speċifika għall-migranti u jippubblika rapport li jivvaluta l-isforzi tiegħu kontra t-traffikar;

17.    Jitlob lill-gvern itejjeb il-koordinament interministerjali dwar kwistjonijiet ta' traffikar ta' bnedmin u jaċċedi għall-Protokoll tan-NU tal-2000 għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, u l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1990 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

18.    Jinsab profondament imħasseb dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fil-Maldive, biex inkiser moratorju de facto li ilu fis-seħħ sa mill-1953; ifakkar fil-pożizzjoni b'saħħitha u ta' prinċipju tal-UE kontra l-piena tal-mewt u li l-abolizzjoni tagħha hija waħda mill-objettivi kruċjali tal-azzjoni tal-UE madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-gvern tal-Maldivi jikkunsidra mill-ġdid u jaħdem favur l-abolizzjoni tal-prattika għalkollox;

19.    Ifakkar li l-Maldive kienet fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinsab preokkupat dwar il-fatt li l-aħħar żviluppi mhumiex biss qed jheddu serjament ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, iżda qegħdin ukoll ixekklu l-ħila tal-pajjiż li jkun mexxej kredibbli fid-definizzjoni ta' strateġija globali kontra t-tibdil fil-klima, li hija meħtieġa għas-sopravivenza tiegħu stess;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament tal-Maldive.

 

Avviż legali