Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0402/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0402/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive

27.4.2015 - (2015/2662(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Juan Carlos Girauta Vidal, Louis Michel, Urmas Paet, Jozo Radoš, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Robert Rochefort, Javier Nart, José Inácio Faria, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0392/2015

Proċedura : 2015/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0402/2015
Testi mressqa :
B8-0402/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0402/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive

(2015/2662(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-14 ta' Marzu 2015.

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Commonwealth tat-23 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-ex-President tal-Maldive, Mohamed Nasheed, tal-Partit Demokratiku, ġie arrestat fuq akkużi ta' terroriżmu fit-22 ta' Frar dwar l-allegat arrest illegali f'Jannar 2012 tal-Prim Imħallef tal-Qorti Kriminali, meta huwa kien President;

B.     billi Mohamed Nasheed ġie mċaħħad mill-aċċess għal avukat fil-bidu tal-ġuri tiegħu, u anke meta huwa kien tħalla jkollu rappreżentanza ġuridika, l-avukati ma ngħatawx biżżejjed żmien biex jippreparaw għad-difiża tiegħu;

C.     billi Nasheed, l-ewwel kap tal-pajjiż elett demokratikament, kien oriġinarjament meħlus mill-akkuża, iżda l-prosekutur ġenerali akkużah mill-ġdid u arrestatah ftit ġranet wara skont liġijiet ħorox kontra t-terroriżmu bl-istess allegazzjoni u ġie kkundannat għal 13-il sena priġunerija;

D.     billi s-sentenza ngħatat erbat ijiem wara li l-avukati ta' Nasheed waqfu bi protesta kontra dawk li huma sejħu bħala kawża ppreġudikata mmirata biex teqred il-karriera politika tiegħu u wasslet lill-gruppi ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem jiddeskrivu l-proċess ġuridiku bħala wieħed b'nuqqasijiet serji u "parodija tal-ġustizzja";

E.     billi l-qorti ċaħdet l-eċċezzjoni tal-avukati ta' Nasheed biex jiġu rkużati żewġ imħallfin li kienu xehdu kontra Nasheed fl-inkjesta tal-pulizija dwar l-arrest tal-imħallef;

F.     billi hemm kampanja vjolenti u li qiegħda teskala ta' intimidazzjoni kontra dawk li jikkritikaw lill-gvern, inkluż il-midja u tnawwir kontinwu tas-salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem;

G.     billi mill-inqas 140 dimostrant paċifiku kienu arrestati talli esprimew d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, inkluż mill-inqas tliet membri parlementari kif ukoll politiċi oħra, li flimkien ma' Nasheed jagħmlu parti mill-Partit Demokratiku Maldivjan;

1.      Huwa mħasseb ħafna li l-kundanna tal-ex-President Mohamed Nasheed għall-akkużi skont il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu jqajmu mistoqsijiet serji dwar proċess ġuridiku ġust u r-riskji li jimminaw il-fiduċja fl-indipendenza tal-ġudikatura fil-Maldive;

2.      Jistieden lill-Gvern tal-Maldive jiżgura li l-proċess tal-ex-President mhuwiex motivat politikament, u li l-proċessi tal-appell huma ġusti u trasparenti u f'konformità ma' standards internazzjonali. Kif ukoll li l-ex-President Nasheed jingħata d-drittijiet kollha tiegħu, inkluż aċċess adegwat għall-avukati tiegħu;

3.      Ifakkar lir-Repubblika tal-Maldive bl-obbligi internazzjonali tagħha sabiex tipprovdi garanziji minimi ta' proċċess ġust u protezzjonijiet oħra skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

4.      Jistieden lill-Gvern tal-Maldive jieħu miżuri urġenti biex isaħħaħ l-imparzjalità tal-ġudikatura u jikkundanna l-arrest ta' mill-inqas 140 dimostrant paċifiku talli esprimew l-opinjonijiet politiċi tagħhom, li jinkludu politiċi tal-oppożizzjoni;

5.      Jistieden lill-Gvern il-Maldive jtemm l-impunità għal viġilanti li użaw il-vjolenza kontra nies li jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, d-dimostranti paċifiċi, l-midja u s-soċjetà ċivili kritiċi;

6.      Jistieden lill-Gvern tal-Indja jagħmel aktar sforz biex jaħdem mal-Gvern tal-Maldive għall-ħolqien ta' ambjent aktar favur id-drittijiet tal-bneidem fil-Maldive, li huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi tal-Maldive;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldive.