Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0460/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0460/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea

13.5.2015 - (2015/2684(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ádám Kósa, David Casa, Marek Plura, Roberta Metsola, Barbara Matera, Rosa Estaràs Ferragut, Elisabeth Morin-Chartier, Davor Ivo Stier, Elissavet Vozemberg, József Nagy, Miroslav Mikolášik, Ivan Štefanec, Anna Záborská, Danuta Jazłowiecka, Anne Sander, Claude Rolin, Daniel Buda, Lara Comi, Michaela Šojdrová, Agnieszka Kozłowska‑Rajewicz, Jeroen Lenaers, Norbert Erdős, László Tőkés, Andor Deli, Andrea Bocskor, György Hölvényi, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE
Birgit Sippel, Vilija Blinkevičiūtė, Soledad Cabezón Ruiz, Sylvie Guillaume, Tanja Fajon, Marlene Mizzi, Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Kashetu Kyenge, Soraya Post, Brando Benifei, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Hugues Bayet, Miltiadis Kyrkos, Luigi Morgano, Sergio Gutiérrez Prieto, Michela Giuffrida, Demetris Papadakis, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Inés Ayala Sender, Nikos Androulakis, José Blanco López, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández f'isem il-Grupp S&D
Helga Stevens, Timothy Kirkhope, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Marian Harkin, Cecilia Wikström, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Filiz Hyusmenova, Pavel Telička, Martina Dlabajová, Juan Carlos Girauta Vidal f'isem il-Grupp ALDE
Kostadinka Kuneva, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Pablo Iglesias, Martina Anderson, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Lynn Boylan, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Kateřina Konečná, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Marina Albiol Guzmán, Lidia Senra Rodríguez f'isem il-Grupp GUE/NGL
Tatjana Ždanoka, Tamás Meszerics, Karima Delli, Pascal Durand, Michael Cramer, Margrete Auken, Helga Trüpel, Claude Turmes, Bart Staes, Judith Sargentini, Ska Keller, Bronis Ropė, Monika Vana, Philippe Lamberts, Terry Reintke, Rebecca Harms, Ulrike Lunacek, Igor Šoltes, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Tiziana Beghin, Laura Agea, Laura Ferrara, Ignazio Corrao, Eleonora Evi f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2015/2684(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0460/2015
Testi mressqa :
B8-0460/2015
Testi adottati :

B8‑0460/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea

(2015/2684(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD) tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità[1],

–       wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistabbilixxi arranġamenti interni għall-implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-rappreżentanza tagħha relatata mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità[2],

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titlu 'Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) mill-Unjoni Ewropea' (SWD(2014)0182),

–       wara li kkunsidra l-Lista ta' Kwistjonijiet adottati mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea[3],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 bit-titlu 'Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli' (COM(2010)0636),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020[4],

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-2013,

–       wara li kkunsidra tal-Artikoli 2, 9, 10, 19 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 15, 21, 23 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[5],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, bħala ċittadini sħaħ, il-persuni b'diżabilità għandhom drittijiet ugwali u huma intitolati għal dinjità indiskutibbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

B.     billi huwa stmat li 80 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea għandhom diżabilità;

C.     billi evidenza mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE b'mod konsistenti turi li persuni b'diżabilità jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni u ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma' persuni oħra;

D.     billi l-persuni b'diżabilità jsawru wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà tagħna u billi l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tirrappreżenta waħda mill-akbar sfidi għall-politika soċjali u għall-politika tas-suq tal-impjiegi;

E.     billi l-inklużjoni sħiħa u l-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabilità jistgħu jintlaħqu biss billi jittieħed approċċ għad-diżabilità bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE, inkluż interistituzzjonalment, u billi l-Kummissjoni Ewropea dan għandha tqisu sewwa fi proposti futuri;

F.     billi d-direttiva tal-UE kontra d-diskriminazzjoni ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, iżda minkejja dan għadha mblukkata fil-Kunsill;

G.     billi l-prinċipji tas-CRPD jmorru ferm lil hinn mid-diskriminazzjoni u juru t-triq lejn it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' kull persuna b'diżabilità f'soċjetà inklussiva, filwaqt li għandhom ukoll il-mira li jipprovdu l-protezzjoni u l-assistenza meħtieġa biex il-familji jkkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;

H.     billi l-Unjoni Ewropea formalment irratifikat is-CRPD, li ffirmawh ukoll it-28 Stat Membru kollha tal-UE u rratifikawh 25 minnhom;

I.      billi kull sena l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament jirċievi petizzjonijiet marbuta mad-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' diżabilità fl-aċċess għall-impjiegi, għall-impjieg indipendenti, għas-servizzi pubbliċi u għall-edukazzjoni;

J.      billi l-persuni b'diżabilità mhumiex grupp omoġenju, u billi l-politiki u l-azzjonijiet ippjanati f'isimhom għandhom iqisu dak in-nuqqas ta' omoġeneità, kif ukoll il-fatt li xi gruppi, bħalma huma n-nisa u tfal b'diżabilità u individwi li jeħtieġu sostenn aktar qawwi, iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet addizzjonali u ma' bosta forom ta' diskriminazzjoni;

K.     billi l-Parlament jeħtieġlu jqis il-fatt li d-dispożizzjonijiet tas-CRPD huma standards minimi li lill-istituzzjonijiet Ewropej jippermettulhom imorru lil hinn minnhom sabiex jipproteġu persuni b'diżabilità u jiġġieldu d-diskriminazzjoni;

L.     billi l-aċċess għax-xogħol, marbut ma' nuqqas ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, huwa element fundamentali għal ħajja awtodeterminata u indipendenti; billi, minkejja l-programmi, inizjattivi u strateġiji eżistenti kollha fil-livell ta' UE, ir-rata ta' impjieg għal persuni bejn l-20 u 64 hija ogħla minn 70 %, mentri r-rata ta' impjieg ta' persuni b'diżabilità hija taħt il-50 %; billi r-rata ta' impjieg għal nisa bla diżabilità hija 65 %, imqabbla ma' 44 % għal nisa b'diżabilità;

M.    billi l-impjieg imħallas huwa essenzjali sabiex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti, u billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jagħmlu ħilithom biex il-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess usa' għall-impjiegi, b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu għas-soċjetà li jgħixu fiha, u bħala prekondizzjoni għandhom jipprovdu edukazzjoni inklussiva lit-tfal kollha b'diżabilità, inklużi tfal b'diffikultajiet biex jitgħallmu, ħalli jkollhom bażi edukattiva tajba mill-primarja 'l quddiem ħalli b'hekk ikunu jistgħu jsegwu kurrikulu li jkun jgħodd għall-abilitajiet ta' tagħlim tagħhom, u b'hekk ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw karriera jew jiksbu impjieg tajjeb li jippermettilhom jgħixu ħajja indipendenti aktar 'il quddiem;

N.     billi l-kunċett ta' diżabilità huwa kunċett li qed jevolvi, li jirriżulta mill-interazzjoni bejn persuni li għandhom xi defiċjenza u ostakoli attitudinali u ambjentali li jfixklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn u bl-istess dinjità,

O.     billi, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), matul il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni kollha tal-programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej trid titqies, b'mod partikolari, l-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità, u billi l-istess kwistjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' fondi tal-UE oħra;

P.     billi, f'xi Stati Membri, id-domanda għas-servizzi soċjali qiegħda tikber minħabba tibdiliet demografiċi u soċjetali, b'rati ogħla ta' qgħad, faqar u esklużjoni soċjali, inkluż nuqqas ta' servizzi ta' kwalità għal persuni b'diżabilità, fatt li qed iħalli effetti negattivi fuq il-kapaċità ta' dawn tal-aħħar biex jgħixu ħajja indipendenti, inklussiva u msejsa fuq bażi ta' ugwaljanza mal-oħrajn;

Q.     billi l-legiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità għandha tiġi implimentata u infurzata aħjar biex il-persuni b'diżabilità kollha madwar l-UE jkollhom aktar aċċessibilità;

R.     billi l-Parlament jifforma parti mill-Qafas tal-UE li jippromwovi, jipproteġi u jissorvelja s-CRPD, bi qbil mal-Artikolu 33(2) tas-CRPD;

S.     billi bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ssottomettew informazzjoni lill-Kumitat tas-CRPD bi rbit mal-Lista' ta' Kwistjonijiet;

T.     billi l-Kummissjoni, bħala l-punt fokali skont l-Artikolu 33(1) tas-CRPD, inħatret biex tirrispondi għal-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tas-CRPD;

U.     billi l-Parlament huwa l-uniku korp tal-Unjoni Ewropea li huwa elett direttament u li jirrappreżenta liċ-ċittadini Ewropej, u għalhekk jikkonforma bis-sħiħ mal-Prinċipji ta' Pariġi, kif stipulat fl-Artikolu 33 tas-CRPD;

1.      Jassigura lill-Kumitat tas-CRPD li l-Parlament Ewropew sejjer iwieġeb għall-mistoqsijiet li huma indirizzati għalih direttament, filwaqt li wkoll sejjer iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis fehmiet il-Parlament hija u tfassal tweġibietha lill-Kumitat;

2.      Iqis li huwa deplorevoli li l-Kodiċi ta' Kondotta ġie adottat mill-Kummissjoni u l-Kunsill mingħajr l-involviment tal-Parlament, bir-riżultat li l-Parlament għandu kompetenzi limitati rigward il-monitoraġġ tas-CRPD;

3.      Jitlob li l-Kummissjoni tikkonsulta formalment dwar it-tweġiba għal-Lista ta' Kwistjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji kkonċernati kollha, inklużi l-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman, u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

4.      Jitlob li l-Kummissjoni tistieden lill-Qafas tal-UE jipparteċipa formalment fid-Djalogu Kostruttiv;

5.      Jirrimarka li n-nuqqas ta' data u statistika diżaggregata b'rabta ma' gruppi ta' diżabilità speċifiċi huwa ostakolu għat-tfassil ta' politiki adegwati; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u xxerred data statistika dwar id-diżabilità, diżaggregata skont l-età u s-sess, b'tali mod li jkun jista' jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità madwar l-UE kollha f'oqsma rilevanti tal-ħajja ta' kuljum, u mhux biss fil-qasam tal-impjiegi;

6.      Jinnota li bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ssottomettew informazzjoni lill-Kumitat tas-CRPD għal-Lista' ta' Kwistjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa ulterjorment djalogu strutturat u tikkonsulta u tikkoopera ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b'diżabilità bħala parti mill-proċess ta' rieżami, inkluż fit-tfassil ta' risposta lill-Kumitat tas-CRPD dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet tiegħu, u fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE f'dan il-qasam;

7.      Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx is-CRPD jagħmlu dan bla dewmien;

8.      Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta ambizzjuża għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, bl-involviment sħiħ ta' persuni b'diżabilità tul iċ-ċiklu leġiżlattiv u jisħaq fuq il-ħtieġa li din il-proposta tinkludi firxa sħiħa ta' oqsma ta' politika, fir-rigward tal-aċċessibilità ta' oġġetti u servizzi għaċ-Ċittadini Ewropej kollha, it-trawwim ta' għajxien indipendenti u l-inklużjoni sħiħa ta' persuni b'diżabilità, u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ u infurzar kontinwu, effikaċi u indipendenti;

9.      Iħeġġeġ lill-Kunsill jaċċelera ħidmitu fuq il-proposta għal direttiva dwar l-aċċessibilità ta' siti tal-internet ta' korpi tas-settur pubbliku, bil-għan li tintlaħaq pożizzjoni komuni u jsir aktar progress lejn l-adozzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, biex b'hekk titkattar l-aċċessibbilta ta' dokumenti, vidjos u sitit tal-internet u jkunu offruti formati u mezzi ta' komunikazzjoni alternattivi;

10.    Jirrakkomanda li fondi tal-UE jintużaw għall-promozzjoni tal-aċċessibilità u l-aċċessibilità elettronika għal persuni b'diżabilità u tat-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal dik ibbażata fil-komunità, għall-iżvilupp ta' servizzi soċjali u tas-saħħa ta' kwalità, għal investiment fit-tisħiħ tal-kapaċità għal organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b'diżabilità;

11.    Jieħu nota tar-risposti u l-azzjonijiet tiegħu rigward il-Lista ta' Kwistjonijiet imqajma bi rbit mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea bħala parti mir-rieżami tas-CRPD:

a.      Waqqaf grupp ta' ħidma għall-koordinament bejn il-kumitati kompost minn membri minn kull kumitat rilevanti, liema grupp organizza azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni miftuħa għall-persunal u għall-MPE, fosthom korsijiet tal-lingwa tas-sinjali bħala parti mit-taħriġ professjonali;

b.      Enfasizza l-ħtieġa ta' aċċessibilità rigward servizzi universali u n-numru ta' emerġenza 112 fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011[6] kif ukoll fid-Dikjarazzjoni bil-Miktub 35/2011 tiegħu, li kienet punt importanti fl-iżvilupp tas-sistema e-Call inkorporata fil-vetturi;

c.      L-għadd ta' MPE b'diżabilità żdied b'mod sinifikanti bħala riżultat tal-elezzjonijiet tal-2014;

d.      Jimpenja ruħu li jaħdem b'mod attiv mal-atturi rilevanti sabiex isib soluzzjoni prammatika għall-adeżjoni mat-Trattat ta' Marrakech;

e.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tittejjeb sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jivvjaġġaw indipendentament bl-użu ta' kull tip ta' trasport, inkluż dak pubbliku;

f.       Jitlob li l-Kummissjoni tagħti l-ispjega mitluba dwar kif, f'leġiżlazzjoni attwali u futura, tista' tiżgura li persuni b'diżabilità jkollhom garanzija ta' opportunitajiet ugwali, drittijiet fundamentali, aċċess ugwali għas-servizzi u għas-suq tal-impjieg, u l-istess drittijiet u obbligi fl-aċċess għas-sigurtà soċjali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fih huma koperti, bi qbil mal-prinċipju ta' trattament ugwali u nuqqas ta' diskriminazzjoni, b'tali mod li l-persuni b'diżabilità kollha jkunu jistgħu jgawdu d-dritt ta' moviment ħieles li għandu kull ċittadin tal-UE;

g.      Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja rigward il-leġiżlazzjoni tal-UE jkun f'konformità sħiħa mas-CRPD, sabiex id-drittijiet fundamentali jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

12.    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni politika aħjar fi ħdan il-Qafas tal-UE, inklużi r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa sabiex ikun żgurat li jista' jwettaq il-kompiti tiegħu kif deskritti fid-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija, u jħeġġeġ lill-atturi fil-Qafas tal-UE sabiex jallokaw ir-riżorsi mitluba għat-twettiq ta' dan il-kompitu;

13.    Jilqa' l-inizjattiva tal-MPE li jitolbu li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fuq bażi regolari jfasslu rapport konġunt b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tas-CRPD;

14.    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.