Proċedura : 2015/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0681/2015

Testi mressqa :

B8-0681/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.6
CRE 09/07/2015 - 12.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0270

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 167kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0680/2015
6.7.2015
PE559.050v01-00
 
B8-0681/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760 (RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Michèle Alliot-Marie, David McAllister, Claude Rolin, Michael Gahler, Mariya Gabriel, Davor Ivo Stier, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ramona Nicole Mănescu f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760 (RSP))  
B8‑0681/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini tas-26 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-VP/RGħ, Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides tal-1 ta' April 2015 dwar l-impatt tal-ġlied fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-VP/RGħ, Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides tal-11 ta' Mejju 2015 dwar it-tregwa proposta fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-VP/RGħ, Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides tat-3 ta' Lulju 2015 dwar il-kriżi fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tal-20 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2014 (2011), 2051 (2012), 2140 (2014), 2201 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ko-Presidenti tal-24 Kunsill Konġunt u l-Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Unjoni Ewropea (GCC-UE) tal-24 ta' Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kunflitt preżenti fil-Jemen infirex għal 20 minn 22 Governati; billi, skont l-aħħar ċifri kkonsolidati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), mill-inqas 1 439 ruħ inqatlu bejn id-19 ta' Marzu u l-5 ta' Mejju, u 5 951 oħra korrew, ħafna minnhom ċivili; billi huwa stmat li l-għadd totali ta' persuni spostati internament laħaq aktar minn 300 000;

B.     billi l-iżviluppi reċenti għandhom riskji kbar għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dak tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tal-Lvant Nofsani usa';

C.     billi fis-26 ta' Marzu 2015 koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija inklużi l-Bahrain, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, il-Qatar, is-Sudan u l-Emirati Għarab Magħquda tat bidu għal operazzjoni militari fil-Jemen kontra r-ribelli Houthi, fuq talba tal-President tal-Jemen Abd-Rabbu Mansour Hadi;

D.     billi aktar minn 1 200 ħabsi, inkluż għadd ta' militanti tal-Al-Qaeda, reċentement ħarbu minn ħabs f'Taiz minħabba li l-gwardjani tal-ħabs abbandunaw il-karigi tagħhom wara li nqabdu f'nofs il-ġlied bejn ir-ribelli Houthi u l-avversarji lokali;

E.     billi fl-1 ta' Lulju 2015 sparar ta' rokits mir-ribelli laqat distrett residenzjali ta' Aden, li qatel 31 ruħ u darab aktar minn 100; billi tal-anqas 22 ruħ nqatlu fit-2 ta' Lulju 2015 hekk kif il-ġlied ħrax fil-port ta' Aden u r-ribelli ġew ibbumbardjati f'Sana'a;

F.     billi l-impatt umanitarju fuq iċ-ċivili, u fuq it-tfal b'mod partikolari, tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bumbardamenti u l-interruzzjoni tas-servizzi essenzjali qed jilħaq livelli allarmanti u jaggrava sitwazzjoni umanitarja diġà terribbli;

G.     billi 15.9 miljun ruħ fil-Jemen huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi l-aktar tfal vulnerabbli mhux se jkollhom aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew nutrizzjonali li għandhom bżonn minħabba l-firxa preżenti ta' nuqqas ta' sigurtà;

H.     billi aktar minn 250 000 refuġjat, l-aktar mis-Somalja, huma miżmuma fil-pajjiż u qed jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji jew fil-kamp ta' Kharaz jew f'żoni urbani fqar; billi, skont l-estimi tal-Gvern, il-Jemen jospita madwar miljun migrant Etjopjan;

I.      billi l-organizzazzjonijiet umanitarji rrelokaw ħafna mill-persunal internazzjonali barra mill-pajjiż minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà li qiegħda tiddeterjora; billi huma ftit l-organizzazzjonijiet li għadhom jistgħu joperaw fil-Jemen u l-attivitajiet tagħhom huma limitati ħafna;

J.      billi l-eskalazzjoni tal-kunflitt armat jhedded lill-patrimonju kulturali tal-Jemen; billi fit-2 ta' Lulju 2015 il-Kumitat għall-Patrimonju Dinji qiegħed żewġ siti fil-Jemen fil-Lista ta' Patrimonju Dinji fil-Periklu: il-Belt Antika ta' Sana'a u l-Belt Antika Ffortifikata ta' Shibam;

K.     billi l-UE imponiet embargo fuq l-armi u aktar sanzjonijiet immirati kontra mexxej Houthi u l-iben tal-eks President Ali Abdullah Saleh; billi żewġ membri oħra tal-moviment Houthi kif ukoll l-eks President Saleh kellhom l-istess restrizzjonijiet minn Diċembru 2014;

L.     billi l-Kummissjoni Ewropea allokat EUR 25 miljun f'iffinanzjar tal-għajnuna umanitarja fl-2015 biex tgħin lill-popolazzjonijiet kollha madwar il-pajjiż milquta minn malnutrizzjoni akuta, mill-kunflitt u mill-ispostament furzat;

M.    billi l-appell umanitarju rivedut tan-NU talab USD 1.6 biljun, iżda huwa biss madwar 10 fil-mija tiegħu li bħalissa huwa ffinanzjat;

1.      Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni politika, tas-sigurtà u dik umanitarja fil-Jemen li qed tiddeterjora b'mod mgħaġġel; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jenfasizza li l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha biex tkompli tappoġġa lill-Jemen u l-poplu Jemenit;

2.      Jikkundanna l-azzjonijiet destabilizzanti unilaterali meħuda mill-Houthis u unitajiet militari leali lejn l-ex President Saleh, u jħeġġeġ lil dawn il-forzi jtemmu l-użu tal-vjolenza immedjatament u mingħajr kundizzjoni u biex jirtiraw miż-żoni li ħatfu; jissottolinja l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet leġittimi tal-Jemen;

3.      Iħeġġeġ lill-partiti kollha tal-Jemen, b'mod partikolari l-Houthis, jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz tad-djalogu u l-konsultazzjoni; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partiti Jemeniti sabiex titnaqqas il-kriżi u tiġi evitata aktar instabbiltà reġjonali; jistieden lill-partiti kollha jżommu lura milli jattakkaw siti ta' patrimonju kulturali u bini b'bumbardamenti jew b'attakki mill-ajru, jew milli jużaw dawn għal skopijiet militari;

4.      Jilqa' l-fatt li l-UE tenniet mill-ġdid l-impenn u d-determinazzjoni sodi tagħha biex tiġi indirizzata t-theddida tal-gruppi estremisti u terroristiċi, bħall-Al Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP), u biex ma tħallihomx jieħdu aktar vantaġġ mis-sitwazzjoni preżenti;

5.      Jikkundanna kull forma ta' vjolenza u kull tentattiv jew theddida li tintuża l-vjolenza biex jiġu intimidati dawk li qed jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet nnegozjati min-NU; jenfasizza li d-djalogu politiku inklużiv nnegozjat min-NU għandu jkun proċess immexxi mill-Jemeniti, bl-intenzjoni li tiġi nnegozjata soluzzjoni politika bbażata fuq il-kunsens għall-kriżi tal-Jemen skont l-inizjattiva tal-GCC u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni tagħha, l-eżitu tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu komprensiva, il-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

6.      Jilqa' l-isforzi magħmula min-NU, b'mod partikolari mis-Segretarju Ġenerali u l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen, li jorganizza l-konsultazzjonijiet għall-Jemen f'Ġinevra; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali;

7.      Jistieden lill-partiti Jemeniti jattendu d-diskussjonijiet futuri u jimpenjaw ruħhom fihom mingħajr prekondizzjonijiet u in bona fide, inkluż billi jsolvu d-differenzi tagħhom permezz tad-djalogu u l-konsultazzjonijiet, jiċħdu atti ta' vjolenza sabiex jintlaħqu l-għanijiet politiċi, u jżommu lura mill-provokazzjoni u minn kwalunkwe azzjoni unilaterali li tista' xxekkel it-tranżizzjoni politika; jemmen li huwa kunsens politiku wiesa' biss permezz ta' negozjati inklużivi li jista' jipprovdi soluzzjoni sostenibbli, jerġa' jġib lura l-paċi, u jżomm l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen;

8.      Jappella għal pawża umanitarja sabiex tiġi permessa għajnuna vitali li tilħaq lill-poplu Jemenit b'mod urġenti; iħeġġeġ lill-partiti kollha jiffaċilitaw il-kunsinna urġenti tal-għajnuna umanitarja lejn il-partijiet kollha tal-Jemen, kif ukoll l-aċċess rapidu, sikur u bla xkiel biex jippermetti lill-atturi umanitarji jilħqu lin-nies fil-bżonn tal-għajnuna umanitarja, inkluża dik medika;

9.      Jistieden lin-naħat kollha jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u li ma jiġux attakkati direttament infrastrutturi ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma, u ma jużawx binjiet ċivili għal skopijiet militari, u biex jaħdmu b'mod urġenti man-NU u l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja biex iwasslu l-għajnuna lil dawk fil-bżonn; jappella għall-investigazzjoni indipendenti tal-vjolazzjonijiet kollha allegati tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

10.    Jisħaq dwar il-ħtieġa għal azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; jistieden lill-komunità internazzjonali tikkontribwixxi għall-appell umanitarju rivedut tan-NU;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-GCC, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

Avviż legali